Visualizzazione post con etichetta baned. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta baned. Mostra tutti i post

venerdì 8 marzo 2019

Tħejjijiet għall-akbar ġrajja


Għadna kemm bdejna ż-żmien tar-Randan, żmien li l-Knisja tpoġġi quddiemna biex nitħejjew għal żmien tal-Għid il-Kbir. Dan iż-żmien jiena nqisu bħal munita b’żewġt uċuħ li minkejja li huma marbutin ma’ xulxin u għandhom x’jaqsmu ma’ xuxlin, bħalma ż-żewġt uċuħ tal-munita huma tal-istess oġġett, madanakollu huma differenti. It-tħejjijiet għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir għandhom ukoll żewġt uċuħ, il-wiċċ tal-fidi u dak tal-kultura. Ejjew illum niffukaw biss fuq il-parti kuluturali u tradizzjonali ta’ dan iż-żmien.

Mid-dar
Anke fid-djar tagħna hemm xi affarijiet li jibdew jindikaw li dan huwa żmien differenti. Minkejja kollox, fil-maġġoranza tad-djar Maltin għadna nsibu xi xbieha tad-Duluri jew ta’ Kristu msallab. X’aktarx li matul dawn il-ġimgħat dawn isibu rwieħom f’xi post promineneti fid-dar b’xi xemgħa quddiemhom. Dak li jkun jinduna li dan huwa żmien ta’ tħejjija anke minn din id-drawwa sabiħa. Iżda mhux dan biss, forsi dari aktar mil-lum, anke l-kċina kienet turi li qegħdin fir-Randan. Id-drawwa li nhar ta’ Ġimgħa ma jittiekilx laħam hawn min iżommha matul is-sena kollha imma hawn min jagħmel dan il-ġest matul ir-Randan biss. Hawn min ma jiekolx ħelu tul ir-Randan kollu. Insomma llum hawn min la jduq laħam u lanqas ħelu mhux bi skop reliġjuż imma għax huwa l-istil ta’ ħajja tiegħu.

Il-kċina Maltija matul ir-Randan għandha riċetti tabilħaqq tajbin imma ejjew insemmu biss ftit li ma jsirux fi żmien ieħor matul is-sena. Il-kwareżimal ma ssibux jekk mhux fir-Randan. Dan il-ħelu huwa tabilħaqq tajjeb bla ma trid meta tarah tidħol taż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira. L-istess ngħidu għall-karamelli tal-ħarrub. Lejn tmiem ir-Randan fil-kċina tagħna jitħejjew il-figolli li huma l-ħelu tradizzjonali għall-Għid il-Kbir u li ma ssibhomx lanqas matul is-sena. Dan huwa żmien it-tħejjija għal dan l-ikel.

Wirjiet
Illum f’pajjiżna saru jittellgħu bosta wirjiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn jinfetħu lejn l-aħħar ġimgħa tar-Randan imma t-tħejjija għalihom tkun ilha li bdiet nistgħu ngħidu mis-sena ta’ qabel. Biss matul ir-Randan dawn il-preparamenti jilħqu l-qofol tagħhom u nibdew naraw aktar attivitajiet fis-swali, fir-remissi jew f’postijiet oħra li jiftħu bwiebhom biex il-poplu jidħol jara xi jkun tħejja. Kemm żgħażagħ u anke dawk ta’ età akbar jinvolvu ruħom f’dawn it-tħejjijiet. Il-wirjiet li nistgħu naraw illum f’pajjiżna ma nistgħux ngħidulhom tad-dilettanti imma tal-professjonisti. Minbarra l-eluf ta’ ewro li jintefqu fihom wieħed jista’ jara l-ħila ta’ bosta Maltin hekk imsejħin “dilettanti”.

Knejjes
F’dawk il-knejjes li minnhom toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira issa nibdew naraw attività akbar minn tas-soltu. Issa jibdew joħorġu l-vari ġimgħa wara ġimgħa. Ir-reffiegħa jibdew iħejju u jaraw xi jkun meħtieġ għar-refgħ’ ta’ din is-sena. Elf preparament.

Imma l-attività ma nsibuhiex biss f’dawk il-knejjes li għandhom purċissjoni, fl-oħrajn xorta waħda ssir bidla. Bosta parroċċi llum jagħmlu xi pellegrinaġġ b’xi statwa, aktarx tar-Redentur. Qabel il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa minn kull parroċċa toħroġ il-purċissjoni tad-Duluri. Dawn ukoll iridu t-tħejjija tagħhom, U l-knisja mhux dan biss għandha, fir-Randan isiru l-eżerċizzi u l-prietki u hemm minnhom jintramaw bid-damask. Huma bosta dawk il-parroċċi li matul dawn il-ġimgħat jorganizzaw xi pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla jew għall-għolja tal-Għammar quddiem Ta’ Pinu f’Għawdex fejn hemm l-istatwi tal-Via Sagra. Aktarx li għal dawn l-attivitajiet jattendu nisa mdaħħla fiż-żmien, imma mhux biss, dawn iġorru magħhom lin-neputijiet żgħar. Qed ngħid hekk għaliex in-nisa żgħar illum kollha jaħdmu tista’ tgħid u allura ma jkunux jistgħu jattendu u l-irġiel aktarx jistħu jmorru. Mhux għax għadnhom għalfejn jistħu!

Fi ftit kliem ikollna ngħidlu li kollox irid it-tħejjija tiegħu.

Għaqdiet mużikali
Mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandna d-drawwa li jkollna banda li ddoqq il-marċi funebri. Dawn il-marċi ma jindaqqux matul is-sena, sakemm ma jkunx hemm xi funeral li tieħu sehem fih il-banda. Allura jkun hemm bżonn ta’ tħejjija għalihom. Jibdew isiru kunċerti b’dawn it-tip ta’ marċi.  Xi għaqdiet mużikali ma jieħdux sehem f’purċissjoni imma xorta waħda jorganizzaw programm mużikali għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Dawn minbarra xi marċi funebri ikunu jinkludu mużika adattata għal dawn il-jiem. Mhux lakemm taqbad u ddoqq, hemm bżonn it-tħejjija.

Xi wħud minn dawn is-soċjetajiet jorganizzaw ukoll xi wirja fil-każini tagħhom, u hawn inkunu nistgħu naraw attività doppja għaddejja fis-sede ta’ dik l-għaqda, bandisti, żgħar u kbar, żgħażagħ u kbar iħejju għall-wirja u l-ħajja normali tal-każin. Kollox ma’ kollox biex fl-aħħar joħroġ il-prodott finali frott tat-tħejjija.

Dan huwa l-wiċċ l-ieħor tar-Randan, l-parti tal-preparazzjoni għal bosta attivitajiet li jsiru. Din hija il-parti mhux tar-reliġjon imma tar-reliġjożità ta’ poplu li fil-qiegħ ta’ qalbu jemmen. Jalla dan il-wiċċ ma jinfiridx mill-wiċċ l-ieħor tal-istess munita.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Marzu 2019





sabato 6 giugno 2015

Ġejja l-banda

Il-benniena tal-kultura mużikali f’ Malta

Bla ebda dubju, l-akbar għajn ta’ kultura mużikali f’ Malta hija l-każin tal-banda. Dan ma jfissirx li il-każini tal-banda huma l-uniċi postijiet fejn tiġi pprattikata l-arti mużikali f’pajjiżna, għaliex għandna l-orkestra nazzjonali, għandna orkestri oħrajn li jieħdu sehem f’ ċelebrazzjonijiet varji, għandna gruppi mużikali li xi żmien ilu kienu aktar popolari mil-lum u kont issibhom f’ kull restaurant f’ Malta. Iżda l-akbar numru ta’ mużiċisti narawh dejjem fil-baned. Bosta drabi jkunu l-baned li jwelldu l-imħabba lejn il-mużika u fi ħdanhom bosta jibdew l-ewwel tagħlim mużikali tagħhom. Dan huwa wirt kbir.

Baned
Bla ebda dubju, l-attività ewlenija ta’ kull banda Maltija hija l-festa li magħha tkun marbuta dik il-banda partikolari. Il-festi Maltin huma kkaratterizzati bl-attivitajiet li jsiru fit-toroq u l-pjazzez tal-belt jew raħal. Il-banda hija sinonimu mal-festi ta’ barra. L-ewwel għamla ta’ banda fil-purċissjonijiet tagħna jmorru lura għas-seklu XVI. Dawn kienu jkunu daqqaqa ta’ tanbur u fifra.  Meta Malta kienet kolonja tar-Renju Unit ġieli kien ikun hawn xi baned militari f’ pajjiżna u dan nissel ix-xewqa li aħna wkoll ikollna l-baned tagħna. Bdew jitwaqqqfu baned żgħar, aktarx gruppi mużikali b’madwar għaxra min-nies imma lejn l-aħħar deċenji tas-seklu XIX dawn il-gruppi bdew aktar jorganizzaw irwieħom sabiex twaqqfu l-ewwel soċjetajiet filarmoniċi. Kienet moda li l-għaqda mużikali tissemma għal xi persuna politika prominenti tal-passat u għalhekk insibu l-baned imsemmija għall-Gran Mastri, L’ilse Adam, La Vallette, Vilhena, Pinto, Rohan, De Paole. Oħrajn għal nies fl-Imperu Brittaniku bħal Queen Victoria, King’s Own, Queen’s Own, Prince of Wales, Duke of Conaught, Imperial u sa ftit snin ilu Prince of Edinbugh. Imma l-ikbar numru ta’ baned Maltin iġibu l-isem tal-qaddis jew qaddisa patruna tal-parroċċa.

Mhux tat-titular biss
Għandna każi fejn baned ma humiex involuti fil-festa parrokkjali imma huma l-baned tal-festa sekondarja li toħroġ mill-parroċċa. Għandna mbagħad parroċċi b’ aktar minn banda waħda li jieħdu sehem fl-istess festa. Għandna realtà oħra fejn baned kienu mwaqqfin għal festa li ssir fi knisja konventwali li ma hijiex parroċċa. Għandna każ fejn banda twaqqfet f’parroċċa u bit-twaqqif ta’ parroċċa ġdida sabet ruħha fil-konfini tal-parroċċa ġdida u għalhekk biddlet il-qaddis patrun tagħha. It-twaqqif ta’ baned ġodda ma waqafx u sa llum insibu baned li għadhom fil-bidu tal-ħajja tagħhom.
Nistgħu ngħidu li kull banda Maltija tistenna l-ġimgħa tal-festa sabiex toffri lill-pubbliku mhux biss il-marċi imma wkoll il-programm mużikali fuq il-planċier. Bosta drabi dawn il-programmi jsiru lejlet il-festa, imma hemm każi fejn isiru fl-aħħar jum tat-tridu. Dan il-programm huwa l-post fejn wieħed jista’ jitpaxxa b’ siltiet mużikali  mhux biss lokali imma anke dawk internazzjonali. Xi drabi f’ dawn il-programmi jieħdu sehem anke kantanti jew korijiet. Huma l-parti “gala” tal-festa tagħna, huma s-serati li juru t-talenti tal-mużiċist Malti.

Għaqda Każini tal-Banda
Fl-1947 twaqqfet l-Għaqda Każini tal-Banda biex torganizza aħjar lil dan is-settur lokali li joffri opportunità fejn wieħed jista’ jiżviluppa t-talenti mużikali tiegħu. Kull sena din l-għaqda tieħu ħsieb torganizza l-festa ta’ santa Ċeċilja, qaddisa patruna tal-mużika u l-mużiċisti. Din issir fix-xahar ta’ Novembru u ssir kemm f’ Malta kif ukoll f’ Għawdex. F’ Malta wara li tkun iċċelebrata quddiesa, jsir marċ minn waħda mill-baned membri fl-għaqda. F’ Għawdex issir il-quddiesa imma ma jsirx marċ. Mhux il-baned Maltin kollha huma imsieħba f’ din l-għaqda iżda 95% tal-għaqdiet mużikali huma membri.

Nisa fil-banda 
Sas-snin sebgħin tas-seklu li għadda il-każin tal-banda kien il-post tar-raġel. Bandisti kienu kollha maskili sakemm il-Banda San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi ħarġet l-ewwel bandisti tfajliet. Illum il-mara sabet postha mhux biss bħala bandista imma bosta għaqdiet tal-Banda għandhom fi ħdanhom fergħa għan-nisa li jaħdmu biex jiġbru fondi b’risq l-għaqda u jagħtu wkoll sehem fiż-żamma tal-każin. Mhux hekk biss imma llum insibu baned li għandhom mara bħala President. Donnhom il-Qriema dejjem fl-avangwardja għax il-Banda Anici ta’ dan ir-raħal għandha mara bħala President.

Attivitajiet mhux mużikali
Illum il-baned ma għadhomx attivi biss fil-jiem tal-festa. L-ewwel ħaġa biex jinġabru l-flus għas-servizzi li jsiru fil-festa jkollhom isiru attivitajiet is-sena kollha u t-tieni ħaġa hi li llum il-każini tal-banda saru għaqdiet soċjali. Isiru wkoll għadd ta’ attivitajiet ta’ benefiċenza organizzati minn dawn is-soċjetajiet. Il-każini huma l-benniena tal-mużiċisti Maltin, imma mhux biss, huma jagħtu opportunità fejn bosta jistgħu jiżviluppaw it-talenti kulturali tagħhom anke jekk ma jkunux talenti mużikali. Hija ħasra li xi kultant jiġru xi inċidenti li jitfgħu dell ikrah fuq dawn is-soċjetajiet imma 99% tal-każi, dawn l-inċidenti ma jsirux ħtija ta’ membri tal-każin imma minn min qatt ma jkun jersaq lejn is-soċjetà.

Dan huwa parti mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna għalhekk tajjeb nibżgħu għalih sewwa.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 6 ta' Ġunju 2015





sabato 7 giugno 2014

Ġunju jġib il-festi

Ix-xahar li fih jibda s-sajf, ix-xahar li miegħu jaslu wkoll il-festi tagħna


Kull meta joqrob is-sitt xahar tas-sena bla ma rrid nibda naħseb fuq il-festi tal-bliet u l-irħula tagħna, festi li tista’ tgħid jibdew f’dan ix-xahar. Kull sena nikteb dwarhom u qatt ma nirrepeti dak li nkun għidt qabel għax dan huwa suġġett li tant huwa vast li qatt ma tista’ tkun ktibt kollox dwaru. Dan l-aħħar qrajt li membru parlamentari Malti propona li l-festi tagħna jitqiesu bħala wirt tal-umanità mill-UNESCO. Qgħadt naħseb ftit u quddiemi bdejt inqabbel kif kienu l-festi ta’ tfuliti fi tmiem is-snin 70 u dawk tal-lum, u wasalt għal ħafna konklużjonijiet fosthom dawn li se naqsam magħkom illum.

L-aqwa avveniment tas-sena
Il-festa tar-raħal qabel kienet dik l-okkażjoni fejn wieħed iżanżan xi tibdila ġdida, xi żarbun ġdid. Kienet okkażjoni fejn it-tfajla idaħħal lin-namrat id-dar biex jiltaqa’ ma’ tad-dar. Kien jum li bħall-festi tal-Milied jew tal-Għid, tiġbor flimkien il-familja kollha għall-ikla ta’ nhar il-festa. Kienet okkażjoni fejn il-qraba u l-ħbieb li joqgħodu barra mill-belt jew raħal jiġu mistiedna d-dar u qabel ma jitilqu konna nistednuhom jiġu joqgħodu minkejja li konna nkunu nafu li trid tiġi festa oħra biex jerġgħu jirfsu l-għatba ta’ darna. L-emigranti wkoll, kemm-il darba kienu jiġu jżuru pajjiżhom, kienu jaraw li jkunu Malta għall-festa. Insomma l-festa kienet l-aqwa avveniment tas-sena, kienet skuża biex naraw lil xulxin. Illum ma hemmx bżonn nistennew il-festa biex niltaqgħu. Il ħajja tbidlet u biddlet magħha id-drawwiet tagħna, imma l-festi minkejja li nbidlu, ma spiċċawx kif kien hemm min bassar.
Tbassir li mar żmerċ
L-antropologu Jeremy Boissevain fl-1965 fil-ktieb tiegħu Saints and Fireworks: Religion and Politics in Rural Malta, kien bassar li l-festi Maltin ma kellhomx wisq ħajja. L-antropoloġi ma humiex allat u jiżbaljaw ukoll. Boissevain żbalja bil-kbir fit-tbassir tiegħu għax mhux talli l-festi ma mietux imma kibru u żdiedu. Fejn kienet issir festa esterna ta’ tlett ijiem saret issir tul il-ġimgħa kollha, żdiedu l-marċi, żdied l-armar u żdied kollox tant li kultant spiċċajna fl-esagerazzjonijiet u nsejna li fl-aħħar mill-aħħar dawn huma festi f’ġieħ il-qaddis jew qaddisa u jsiru biex nifirħu bihom.


Sehem kulħadd
L'immagine può contenere: 4 persone, persone che sorridono, persone in piedi e spazio all'apertoIl-festa tagħna llum issir bis-sehem ta’ kulħadd. Mhux hekk kien 40 sena ilu. Lanqas timmaġina li mara tkun f’ kumitat. Fil-festa l-mara kien li tmur il-knisja tisma’ t-tridijiet u l-paniġieku filwaqt li għal nhar il-festa f’nofsinhar tlesti ikla mill-aqwa għall-familja kollha. Illum differenti, illum ma għadx hemm mara jew raġel fil-festi.  Illum il-mara sabet postha mhux biss bħala bandista imma bosta għaqdiet tal-Banda għandhom fi ħdanhom fergħa għan-nisa li jaħdmu biex jiġbru fondi b’risq l-għaqda u jagħtu wkoll sehem fiż-żamma tal-każin. Mhux hekk biss imma llum insibu baned li għandhom mara bħala President. U aktar, qatt smajtu li hawn nisa jaħdmu n-nar? Jekk qatt ma smajtu qegħdin tisimgħu llum, iva hawn kmamar tan-nar li jaħdmu għall-festa li għandhom nisa mhux jiġbru l-flus għan-nar imma jmorru l-kamra tan-nar jaħdmu huma stess.

Bidliet
Il-festa Maltija f’ dawn l-aħħar deċennji evolviet u nbidlet. Il-qagħda soċjali tal-Maltin għenet biex dan seta’ jseħħ. Daħlet ukoll id-drawwa li xi jiem qabel tibda l-ġimgħa tal-festa ssir Lejla Maltija jew mill-parroċċa jew minn xi għaqda fil-parroċċa. Daħlet ukoll id-drawwa tad-disco, drawwa li hawn ħafna kontra tagħha għax isostnu li ma għandha x’ taqsam xejn mal-festi titulari ta’pajjiżna. Jien ma rridx ngħid li jiena favur id-disco fil-ġimgħa tal-festa imma dan huwa fenomenu tal-evoluzzjoni tal-festi Maltin. Il-modernità ma tistax twaqqafha, imma tista’ tikkontrollaha! Il-ħażin huwa meta bl-attivitajiet kollha li jsiru jiġi traskurat l-għan ewlieni li għalih issir il-festa.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Ġunju 2014

giovedì 12 settembre 2013

Immaġinaw dinja fejn kollox huwa abjad u iswed

Immaġinaw dinja fejn kollox huwa abjad u iswed, dinja fejn ma jeżistux ilwien. Immaġinaw x’ montonija jkollna f’ ħajjitna. La jkun jeżisti tlugħ ix-xemx imlewwen, lanqas inżulha bis-seher kollu u l-ispettaklu li kultant joffri. Lanqas inkunu nistgħu ngawdu l-ikħal tas-sema, l-ilwien tal-fjuri, il-lewn fiddien tal-ilma – xejn. Kemm jagħmlulna ħajjitna aktar interessanti u isbaħ il-kuluri. Dawn l-ilwien daħlu wkoll fil-ħajja tagħna u kultant tant inkunu drajniehom li lanqas nintebħu x’ rwol għandhom fil-ħajja.


Il-kulur politiku
Dan huwa lewn li jintgħażel biex jirrapreżenta partit politiku jew ideoloġija. L-aħmar huwa assoċjat ma’ partiti b’ tendenzi xellugin filwaqt li l-blu huwa marbut ma’ partiti konservattivi. Ma’ dawn insibu wkoll l-aħdar li jirrapreżenta lill-partiti ambjentalisti. Dawn ħadu anke l-isem ta’ “l-ħodor”. Din ma hijiex xi regola internazzjonali li ma tistax tinbidel u fis-sewwa insibu postijiet fejn ma jimxux magħha. Per eżempju fl-Amerika il-blu skur kien assoċjat mal-partit konservattiv Repubblikan imma mis-sena 2000 bdejna narawh marbut mal-partit Demokratiku. L-iswed huwa marbut mal-kleru minħabba l-kulur tas-suttana tal-qassisin. Dan il-kulur huwa wkoll marbut mal-faxxisti. Fl-Italja ta’ Mussolini it-tfal u ż-żgħazagħ tal-Balila (organizazzjoni jew moviment tip ta’ Scouts) kienu jilbsu qmis sewda. In-Nażisti kellhom il-lewn kannella marbut mal-klassi tal-ħaddiema tagħhom. Il-partiti liberali aktarx jagħżlu il-kulur isfar jew iċ-ċelest. L-aranġo huwa marbut mal-partiti Umanisti u kultant insibuh ukoll fil-partiti Demokristjani. L-isfar huwa wkoll assoċjat mal-Lhud. Dan it-timbru ingħata lil-Lhud wara l-olokawst, fejn huma kienu jridu jġorru mustaxija b’trijanglu isfar. Il-kulur abjad huwa marbut mal-paċifisti.

Timijiet tal-futbol
Bla dubju l-futbol huwa l-katar sport popolari magħna l-Maltin u ma’ bosta popli oħra madwar id-dinja. Anke f’ dan il-qasam l-ilwien jilgħabu parti importanti. Bosta drabi il-kummentaturi jindirizzaw lit-timijiet bl-ilwien tagħom meta jkun qegħdin jikkumentaw xi partita. Innutaw il-kummentaturi Taljani, lill-Juventus spiss isejħulhom bianconeri jew lill-Milan rossoneri. L-istess jagħmlu s-supporters. Kemm-il darba nisimgħu għajat bħal “Come on Whites”, Reds jew Yellows. Illum il-flokkijiet bil-kuluri tat-tim favorit tagħna sar ukoll parti mill-gwardarobba tagħna u spiss nilbsuhom mhux biex immorru l-ground biss.

Bnadar nazzjonali
Madwar id-dinja hawn 196 stat rikonoxxut mill-komunità internazzjonali[1]. Kull stat għandu l-bandiera tiegħu bl-ilwien propji tiegħu. Jeżistu bnadar li jixxiebħu bħal ngħidu aħna tal-Prinċipat ta’ Monaco, tal-Indoneżja u dik tal-Polonja. L-ewwel tnejn huma identiċi, faxxa ħamra fuq u faxxa bajda isfel filwaqt li dik Polakka l-abjad huwa fuq u l-aħmar isfel. L-aktar kuluri li nsibu fil-bnadar tal-istati tad-dinja huwa l-abjad l-aħmar u l-blu. Insibu 30 bandiera li fihom dawn il-kuluri. Wara hemm 16-il bandiera li fihom l-ilwien abjad u aħmar, fosthom dik ta’ pajjiżna. Jekk nieħdu l-kuluri wieħed wieħed insibu l-aħmar f’ 148 bandiera, l-abjad jinstab f’ 140 bandiera filwaqt li l-ikħal insibuh f’ 102 bnadar. Kważi 40% tal-bnadar fihom tliet kuluri filwaqt li 23% fihom erba’ lwien u 22% fihom żewġ kuluri. Hemm imbagħad bnadar b’ aktar ilwien. Sas-sena 2011 konna nsibu bandiera b’ kulur wieħed. Il-Libja kellha bandiera kollha kemm hi ħadra. Din kienet l-unika bandiera b’ lewn wieħed[2].

Fidi u festi
Meta it-trade unions ma kienux jeżistu, ħaddiema tal-istess mestier kienu jingħaqdu biex ikunu ta’ għajnuna lill-xulxin f’ każ ta’ ħtieġa. Dawn kienu jiffurmaw fratellanza fil-parroċċa tagħhom taħt il-patroċinju ta’ xi qaddis jew ieħor. Hekk ngħidu li l-mastrudaxxi kienu jidħlu fil-fratellanza ta’ San Ġużepp u kulħadd skont is-sengħa tiegħu. Dawn kienu jieħdu sehem ukoll f’ xi funzjonijiet reliġjużi billi jilbsu l-konfratija u l-muzzetta. Il-muzzetta tkun ta’ xi lewn skont il-fratellanza. La semmejna lil San Ġużepp tajjeb ngħidu li ġeneralment il-fratelli tiegħu ikollhom muzetta blu, dawk fil-fratellanza tas-sagrament ikollhom muzzetta ħamra u dawk fil-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju muzetta bajda. Hemm fratellanzi oħra b’ muzzetti jew kulur ieħor, bħall-aħdar, il-vjola jew l-iswed jew b’ dawn il-kuluri imma li jappartjenu għal xi qaddis ieħor.

La qegħdin insemmu l-qaddisin u l-Knisja tajjeb niftakru li kull każin tal-banda għandu lewn marbut miegħu. L-aktar kuluri popolari huma l-aħmar u l-blu imma nsibu wkoll l-aħdar, l-isfar, l-abjad kif ukoll l-iswed. Kull wieħed minn dawn il-kuluri jagħti identità lil dak il-każin jew lil dik il-festa. U nibqgħu fuq il-Knisja, din ukoll għandha l-lwien liturġiċi tagħha li tużahom skont iż-żmien liturġiku tas--sena, abjad, vjola, aħmar u aħdar. Hemm ukoll ir-roża li jintuża biss darbtejn fis-sena u jista’ wkoll jintuża l-vjola minfloku.

Kemm ilwien hemm fil-ħajja tagħna, kemm ifissru ħwejjeġ dawn l-ilwien. Kemm kienet tkun differenti, kemm keinet tkun monotona l-ħajja kieku ma kienux jeżistu l-kuluri fid-dinja.

Fr Reno Muscat OP


[1] Atlante Geografico De Agostini", De Agostini, Novara; "Dizionario enciclopedico geografico", Dorling Kindersley, Londra
[2] http://www.crwflags.com/fotw/flags/xf-csts.html


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-12 ta' Settembru 2013













mercoledì 12 giugno 2013

Ħarsa lejn l-ambjent tal-għaqdiet u każini fit-tieni nofs tas-seklu XIX.

Meta nqallbu l-kotba tal-istorja ta’ pajjiżna dejjem insibu li b’xi mod jew ieħor Ħal Qormi kien protagonist. Dan minħabba l-għadd ta’ nies li minn dejjem kienu jgħixu fih kif ukoll minħabba li jinsab qrib il-port, iċ-ċentru tal-kummerċ u l-attività, u b’hekk bilfors minn dejjem kellu ċerta importanza.

L-aħbarijiet kienu jaslu għand il-poplu mill-ħwienet tax-xorb
Il-bniedem maħluq biex jissolċjalizza ruħu, biex jagħmel kuntatt ma’ bnedmin oħra. Illum aħbar tasal għandna permezz tat-teknoloġija moderna, imma mhux hekk kienet l-istorja madwar mija u ħamsin sena ilu. Aħbar kienet tasal bil-fomm. Dawk li jafu jaqraw kienu ftit u l-ġurnali ta’ dak iż-żmien kienu jaslu biss f’idejn xi avukat, xi nutar, it-tabib u s-saċerdoti. Il-kumplament tal-poplu kien analfabeta. Imma l-poplu xorta jistaqsi xi jkun qed jiġri madwaru u lil hinn minnu. Jaf jaqra jew le xorta l-bniedem irid ikun jaf x’ qed tgħid in-nies, kemm qrib kif ukoll bogħod. L-aħbarijiet kienu jaslu għand il-poplu mill-ħwienet tax-xorb, li ta’min jgħid li r-raħal tagħna ma kienx nieqes minnhom! Lejn nofs is-seklu XIX bdew jinħolqu l-każini. Id-differenza bejn il-każin u l-ħanut tax-xorb kienet li l-każin kien immexxi minn kumitat u għandu għan partikolari, filwaqt li l-ħanut tax-xorb kien il-mezz ta’ għixien għal sidu.

Sabiex nifhmu ftit kif kienet is-sitwazzjoni ta’ dawn il-każini sejrin niftħu żewġ kotba antiki li fihom insibu ħjiel ta’ kif kienet il-ħajja Maltija dak iż-żmien. Il-kotba li qiegħed nirreferi għalihom huma tal-magħruf Pietru Pawl Castagna:  Malta bil-gżejjer tagħha u li għadda min għaliha, stampat fl-1865 u L-Istorja ta’ Malta bil-gżejjer tagħha tas-sena 1890.
P.P. Castagna
Castagna, iben Antonio u Carmela nee’ Gonzi twieled ġewwa Bormla nhar is-16 ta’ Ġunju 1827, Wara l-istudji primarji mar jistudja fil-Liceo tal-Belt Valletta.  Beda jaħdem mal-Gvern bħala għalliem tal-iskola elementari, laħaq surmast u wara direttur tal-edukazzjoni elementari. Castagna baqa’ msemmi bħala edukatur, storiku u folkloristiku li kiteb l-ewwel Storja ta’ Malta bil-Malti. Huwa għen il-letteratura Maltija billi kiteb ħafna rapreżentazzjonijiet bil-Malti għal fuq il- palk. Kif diġa għidna, Pietru Pawl Castagna ħareġ l-ewwel edizzjoni tal-istorja ta’ Malta fl-1865 f’żewġ volumi bl-isem ta’ Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda min Ghaliha.(L-isem miktub skont il-grammatika ta’ dak iż-żmien u skont kif insibuh fil-qoxra). It-tieni edizzjoni stampaha fl-istamperija C. Busuttil ta’ 133, Strada Forni, Valletta bejn is-snin 1888-1890, din id-darba b’isem ieħor, Lis Storja ta Malta bil Gzejer Tahha. Miet nhar it-13 ta’ April 1907.

Intant fl-ewwel ktieb tiegħu, f’paġna 97, b’Malti li jxaqqlek aktar lejn it-Taljan, Castagna jagħtina lista ta’ każini li kienu jistabu f’Malta u Għawdex. Ser inġibu kelma b’ kelma dak li nsibu f’ dan il-ktieb, biss ser naqilbuh b’ Malti tal-lum. Dan huwa dak li naqraw:

F’ Ottubru tas-sena 1821, ċertu Giovanni Taffien, f’ bottegin Strada Vescovo, fetaħ l-ewwel każin tan-negozjanti.
Fl-1823 kien istitwit it-tieni: Każin San Giorgio.
Fl-1824 sar it-tielet każin mill-inġliżi, imsemmi Club.
Fl-1848 il-kbarat tal-Belt istitwew ir-raba’ każin li semmewh Il Circolo Maltese.
Fl-1849 intrama każin ieħor bit-titlu tar-Rendevous.
Fl-1850 sar il-Casino Maltese.
Wara dawna, saret L’Unione, każin iffurmat mis-soċi taċ-Circolo u tal-Casino Maltese.
Fl-1851 is-sinjuri ta’ Bormla armaw każin ieħor għalihom, li ssemma il Casino Cospicuano.
Fl-1852 l-Isolani (tal-Isla) għamlu Il Casino Sengleano.
Wara dan fl-Isla sar ieħor li ssemma Il Casino Marittimo.
Fl-1854 sar il-każin fiż-Żejtun.
Ma’ din il-ħabta sar ukoll każin fl-Imdina, ieħor fin-Naxxar u ieħor fir-Rabat ta’ Għawdex.
Fl-1857 sar it-tmien każin fil-Belt, L’Indipendente.
Fl-1858 fil-Birgu saru żewġ każini oħra.
Fl-1861 fil-Belt intrama każin ieħor, Casino San Giovanni.
Fl-1862 sar ir-Reading Institution fl-Isla.
U issa fl-aħħar (tmien snin wara dan) iffurmaw ruħhom iż-żewġ każini fil-Belt: San Paolo u L’Unione.



Banda Unione Luqa 1880

Wieħed dlonk jinnota li Ħal Qormi ma jidhirx fil-lista ta’ dawn l-ewwel każini.  Fil-ktieb tal-istess kittieb tas-sena 1890 nistgħu ninnutaw żviluppi kbar fejn jidħlu l-każini. Issa bdew ikunu mwaqqfin soċjetajiet filarmoniċi, jew aħjar bdew jinħolqu l-baned. F’paġni 247- 249 Castagna jikteb lista ta’ għaqdiet mużikali li kienu jeżistu. Huwa jagħti wkoll l-ismijiet tad-diretturi tal-istess baned. Għal darba oħra sejrin inġibu din il-lista b’ Malti li jinftiehem:
Il-Baned Maltin
La Società Filarmonica Nazionale:

Valletta                   1  Royal Malta Artillary – Dir. Eman Bartoli.
                               2  Royal Malta Militia – Dir. Fil. Galea.
                               3  Prince of Wales Band – Dir. Alf.P. Hare.
                               4  La Vallette – Dir. Cav. V. Carabott.

Floriana                   5  Vilhena Band –Dir. Gius. Borg.

Senglea                   6  La Vincitrice – Dir. Gius Portelli.
                               7  La Croce di Malta – Dir. Bern. Costa.

Cospicua                8  San Giorgio – Dir. Carmelo Abela.

Vittoriosa                9  Duke of Edimburgh – Dir. Gaet. Grech.
                               10 La Vittoriosa – Dir. Gius Micallef.

Sliema                     11 I Cavalieri di Malta – Dir. Ferd Camilleri.

Notabile                  12 L’Isle Adam – Dir. Carm Camilleri.
                               13 Conte Ruggiero – Dir. Fran Xuereb.

Luqa                       14 Sant’ Andrea – Dir. Salv. Spiteri.
                               15 L’Unione – Dir. Gaet. Grech.

Żabbar                    16 Santa Maria – Dir. Gius. Micallef
                               17 San Michele – Dir. C. Abela Scolaro.

Żejtun                      18 Beland – Dir. Ang. Mifsud.
                                19 Santa Caterina – Dir. P. Caruana Dingli.              

Żebbuġ                    20 San Filippo – Dir. Gioac. Galea.
                               21 Rohan – Dir. Lor. Gatt.

Birkirkara               22 La Stella – Dir. Gavino Camilleri.
                               23 L’Alleanza – Dir. Costant Fenech.

Qormi                     24 Pinto – Dir. Ant. Agius.
                               25 San Giorgio – Dir. Gius. Portelli.

Żurrieq                    26 Il Cavaliere – Dir. Carm. Zamit (miktub hekk minn Castagna)

Ħamrun                   27 San Giuseppe –Dir. Carm. Doneo.
                               28 San Gaetano – Dir. Edwardo Farina.

Naxxar                   29 La Pace – Dir. Gav. Camilleri.

Siġġiewi                 30 La Nicolina – Dir. Ruggiero Carabott.

Tarxien                  31 San Giuseppe – Dir. P. Caruana Dingli.

Mosta                   32 Nicolò Isouard – Dir. Eman. Camilleri.

Kirkop                  33 L’Unione – Dir. Ignazio Catania.

Victoria                 34 Il Leone – Dir. Cav. V. Carabott.
                              35 La Stella – Dir. Ant. Agius.

Nadur                   36 Calypso – Dir. Fran. Decesare.

Kazin Leone, Rabat Għawdex
Castagna wara din il-lista jikteb li f’ xi postijiet  imsemmija id-diretturi kienu inbidlu. Minn din il-lista wkoll nistgħu nindunaw li xi wħud mill-għaqdiet tal-Banda li kienu jeżistu fi żmien Castagna għadhom magħna sal-lum, oħrajn spiċċaw għal kollox u oħrajn inbidlilhom isimhom imma għadhom jeżistu. La qegħdin insemmu l-ismijiet tal-baned nixtieq naqsam magħkom dak li qaluli żewġ anzjani mill-Birgu waqt waħda mill-ħafna diskursati li kellna. Qaluli li l-ismijiet tal-għaqdiet jirriflettu wkoll it-tendenza politika tal-belt jew raħal. Il-Mizzjani, jew aħjar is-segwaċi tal-Partit Nazzjonalista kienu jiffavorixxu l-Italja u għalhekk isem ta’ għadqa bl-ilsien Taljan kien juri li l-maġġoranza fil-belt jew raħal kienu Nazzjonalisti. Aktar tard l-iStricklandjani kienu jappoġġjaw lill-Ingilterra u għalhekk jekk isem ta’ għaqda kien bl-Ingliz kien ifisser li l-maġġoranza kienet tappoġġja lill-partit Kostituzzjonali. Ma rridux naħsbu bil-mentalità politika tal-lum. Jekk xejn l-ewwel differenza hija li dak iż-żmien Malta kienet kolonja u mhux stat sovran.  F’dak iż-żmien, jiġifieri lejn tmiem is-seklu dsatax konna nsibu l-Partit Riformista taħt it-tmexija ta’ Sigismondo Savona u l-Partit Anti-Riformista mmexxi minn Fortunato Mizzi, liema partit aktar tard beda jissejjaħ Partito Nazionale, illum il-Partit Nazzjonalista. Nikkwota dak li qal Remiġ Sacco fil-ktieb tiegħu L-Elezzjonijiet Ġenerali, (K.K.M. 1986, p.52) <<S’issa kellna numru ta’ assoċjazzjonijiet, għaqdiet, eċċetral li forsi kont tista’ ssejħilhom partiti politiċi, iżda ħafna kienu jsibuhom jew jattribwulhom l-isem tal-mexxej, bħal ngħidu aħna Panzavecchjani, Mizzjani, Savonjani eċċ. [...] Għalhekk kien hemm ir-Riformisti, Anti-Riformisti, estremi jew moderati, il-firda fost il-Maltinbejn Imperjalisti u pro-Taljani bdiet iżżid id-doża minn hawn ’il quddiem , u dawn l-elementi baqgħu jiddominaw ix-xena politika Maltija sa qabel l-aħħar gwerra dinjija>>. Intant inħallu fil-ġenb il-politika u l-partiti. Naraw li fil-Belt Valletta l-każini li għadna nsibu llum, minbarra l-Każin Malti, kienu jisimhom Filarmonica  Nazionale La Vallette u La Vincitrice. Din tal-aħħar biddlet isimha fi Prince of Wales Own u aktar tard f’ King’s Own. B’ Hekk naraw il-qasma politika fil-Belt Valletta. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-Birgu. Hawn il-Banda La Vincitrice saret id-Duke of York u meta l-Beltin ċedew l-isem ta’ Prince of Wales wirtuh huma. Il-banda l-oħra tal-Birgu kienet iġġib l-isem ta’ Duke of Edinbugh. Dan juri li l-Birgu kien favur il-Gran Brittanja. Mhux l-istess l-Isla. Hawn il-maġġoranza kienet Nazzjonalista u l-istess ħaġa Bormla. Xjuħ Bormliżi jsostnu li aktar milli Nazzjonalisti, l-antenati tagħhom kienu Grossisti, jiġifieri jsegwu lil Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala l-Gross. Imma dan li qed insemmu issa huwa aktar tard minn żmien it-twaqqif tal-ewwel każini.


Kazin tal-Banda fil-Birgu
Ta’ interess partikolari għalina huwa l-isem tal-banda San Giorgio li Castagna jsemmi f’ Ħal Qormi. Meta wieħed jiftakar li l-ktieb li qegħdin nieħdu t-tagħrif minnu kien maħruġ fl-1890 jista’ jiġi f’ diffikultà x’ ħin jiftakar li l-Banda San Ġorġ Martri iġġib is-sena 1893 bħala s-sena tat-twaqqif tagħha. Nieħdu kelma b’ kelma dak li nsibu fis-Sit elettroniku tal-Banda San Ġorġ Martri sabiex nifhmu dan il-punt:
<< Fl-eqqel tal-kwistjoni politiko-religjuza dwar il-legati taż-żwieġ, Mons S. Chircop, nhar it-8 ta’Ottubru (1893) kien għamel meeting ġewwa Ħal Qormi. Il-banda Pinto ma appoġjatx dan il-meeting anzi xi partitarji tagħha issuttaw u ppruvaw itellfu lil dan il-kelliem. Dan wassal għal diżgwid fi ħdan is-soċjetà Pinto, diżgwid li wassal sabiex numru ta’ bandisti fosthom Nikola Montebello u Ġorġ Zarb (eks president u surmast tal-banda Pinto) jħallu l-każin Pinto u jingħaqdu maċ-Circolo San Giorgio, każin li kien diġa stabbilit u li aktarx hu l-istess każin li twaqqaf fl-1872. Fiċ-Circolo San Giorgio dawn il-bandisti waqqfu banda ġdida bl-isem ta’ Società Filarmonika San Giorgio. Din il-banda l-gdida tat l-ewwel programm tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 1894. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmastrijiet Guzeppi Portelli u Giorgio Zarb.>>

Dan ifisser sewwa għaliex l-ebda każin Qormi ma kien imsemmi fil-ktieb ta’ Castagna tas-sena 1865 u jissemmew tnejn f’ dak tal-1890. Biex inkomplu niċċaraw id-diskors tagħna ngħidu li xi anzjani Qormin li llum ma għadhomx magħna kienu jsemmu l-fatt tal-firdiet bejn il-baned Qriema kien jidher anke mil-laqmijiet tal-baned. Il-każin San Giorgio kien magħruf bħala “Taz-zokk”. Dan il-każin li kellu s-sede tiegħu fi pjazza San Franġisk, kien magħruf ukoll bħala tal-orkestra.  Il-Banda Pinto kellha l-laqam “Tal-Qalba”, laqam li għadu mal-istess banda. Jingħad li kienu jgħidu li ta’San Giorgio huma zokk imma ta’ Pinto huma l-qalba taz-zokk. Meta ġiet iffurrmata uffiċċjalment l-Għaqda tal-Mużika San Ġorġ Martri ġiet imlaqqma bħala “Tal-werqa” sabiex ikun mifhum li l-werqa ħarġet miz-zokk. Forsi dak iż-zmien il-laqmijiet kienu jingħataw b’ disprezz, forsi xi wħud kienu jridu jgħidu li kieku ma kienx hemm iz-zokk ma kienitx tinbet il-werqa u li z-zokk għandu l-qalba li jgħijjixha! Illum storja oħra, illum il-laqam tal-banda aktarx jagħti identità.
Ejjew inkomplu naraw x’ kiteb Castagna dwar dawn l-ewwel każini f’ Malta.
Mastru Indri Borg 
L-ewwel banda nazzjonali saret f’ Ħaż Żebbuġ mit-tant imsemmi Vallettan Mastru Indrì Borg fl-1860. Dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru. Sitt xhur wara, l-istess Indrì ifforma t-tieni banda fir-Rabat tal-Imdina, u l-Band Master Galea (is-Surmast li semmejna) rama it-tielet f’Ħaż Żebbuġ ukoll.
Fiż-Żejtun, li sa mis-sena 1837 kienet teżisti orkestra, diretta mid-dilettant Sign. Grazio Diacono, dana ifforma r-raba’ banda (1862) u hekk issa f’raħal u issa f’ieħor, l-abitanti tal-kampanja tagħna ħadu żvilupp liema bħalu.

L-ibliet damu ftit ma qabdu din ir-rikreazjoni, infatti bilkemm fl-1874 saret l-ewwel banda li ssemmiet “La Stella”. Il-promutur u d-direttur tagħha kien il-ġuvni Giuseppe Borg, bin l-imsemmi Surmast Indrì. Sena wara il-professur tal-vjolin Sign. Luigi Carabott ifforma l-banda l-oħra li ssemmiet “La Vallette”
Castagna jtemm il-parti tal-ktieb tiegħu dwar il-każini tal-banda billi jagħtina x’ nifhmu li l-flus kienu dejjem problema sabiex tmexxi għaqda mużikali. Mingħajr ma jsemmi l-problema finanzjarja l-awtur jgħid li : Daż-żmien, il-gvern jikkonċedi tnejn u ħamsin tombla lil dawn il-baned biex bi flushom ipattu l-ispejjes li jkollhom.

Illum, aħna li twelidna lejlet it-tielet millenju bilkemm nimmaġinaw kif kien pajjiżna daqs mija u ħamsin sena ilu jew ftit aktar. Nimmaġinaw li dak li għandha kien minn dejjem, imma kull ma għandna kien xi darba maħluq, bħalma kienu maħluqin l-għaqdiet u l-soċjetajiet u l-każini tal-banda. Grazzi għal kitbiet ta’ storiċi bħal Castagna nistgħu nibnu l-istorja ta’ pajjiżna, tar-raħal tagħna, tal-għaqdiet tagħna u fl-aħħar mill-aħħar l-istorja tagħna stess.

Fr. Reno Muscat OP

Kitba fil-programm tal-Festa San Ġorġ Qormi - Kumitat Festi Esterni 2013