Visualizzazione post con etichetta studju. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta studju. Mostra tutti i post

venerdì 28 dicembre 2018

Bejn il-festi


Il-Milied għadda, imma b’daqshekk ma nistgħux ngħidu li għaddew il-festi. Il-bidu tas-sena l-ġdida hija festa oħra li nsibu f’dan l-istaġun festiv. It-Taljani jgħidu:  l’epifania tutte le feste porta via, jiġifieri it-tmiem tal-festi li ninsabu fihom jintemmu mal-Epifanija li proprjament tiġi ċċelebrata fis-6 ta’ Jananr iżda f’pajjiżna ilha bosta snin li din il-festa tneħħiet minn festa pubblika u għalhekk l-Epifanija f’Malta tiġi ċċelebrata f’jum ieħor, normalment fl-ewwel Ħadd tas-sena.

Għadna niċċelebraw
Ħafna minna għadhom għaddejjin bil-vaganzi. Mhux kulħadd għax hawn setturi ta’ xogħol lima jippermettux li jittieħdu vaganzi fit-tul jew li jingħalaq il-post tax-xogħol għal tul ta’ żmien. F’xi każi ma jistax isir shut down, u llum billi l-industrija f’Malta ma għadiex dik li kienet għoxrin jew tletin sena ilu, aktarx li n-numru ta’ postijiet tax-xogħol li jagħlqu bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena huwa iċken milli kien ikun dari. Madanakollu xorta għadna fi żmien iċ-ċelebrazzjonijiet.

Il-ħwienet għadhom mimlijin bin-nies jieklu u jixorbu, jiddevertu u jiltaqgħu. Għax dan huwa ż-żmien li dak li jkun jiltaqa’ ma’ min ikun ilu ma jiltaqa’ jew li joħroġ jiekol ma’ dawk li matul is-sena jiltaqa’ magħhom spiss imma f’ambjent ta’ xogħol jew f’postijiet  bħal għaqdiet jew kumitati. Għalhekk f’dawn il-jiem għandna d-drawwa li noħroġu nieklu biex ma nħallux dawn il-festi għaddejjin qisu ma ġie xejn. Il-ħaġa hi li ġieli jkollok aktar minn okkażjoni waħda fl-istess jum u ħin billi minbarra l-ħruġ mal-ħbieb, bħalissa huwa wkoll żmien l-istedin mill-għaqdiet li tkun tifrekwenta jew li jkollhom stima jew obbligazzjoni lejk. Għiduli intom: fejn se tibda tmur? Jien ngħid għalija nħossni mħawwad meta jiġrili hekk għax ma nkun nixtieq nonqos lil ħadd u fl-istess waqt ħin ġieli jkun impossibbli żżur żewġ jew tliet postijiet wara xulxin fl-istess jum. Tiskanata kif anke okkażjoni soċjali ta’ ferħ tista’ toħloqlok problema.

Epifanija u Strina
Fil-bidu ta’ dan l-artiklu semmejt il-festa tal-Epifanija, it-tifkira ta’ meta s-Slaten Maġi marru joffru r-rigali tagħhom lil Ġesù Tarbija. Din tilfet id-data tagħha f’pajjiżna u forsi anke tilfet ħafna mis-sinifikat. Għat-Taljani iżda dan huwa jum importanti għax fih jitqassmu r-rigali tal-Milied. Il-ġirien tagħna għandhom id-drawwa ta’ La Befana. F’Malta ir-rigali meta kienu jkunu għotja ta’ flus kienu jingħataw fl-ewwel tas-sena. Din id-drawwa kienet tissejjaħ Strina. Mad-dħul tal-programm ta’ ġbir ta’ flus b’risq il-Community Chest Fund l-għada tal-Milied, programm li ssemma Strina, tlifna s-sens li l-Istrina hija dik id-donazzjoni monetarja li kienet issir fl-ewwel ta’ kull sena min-nanniet jew zijiet lin-neputijiet. Wisq nibża’ li jekk illum ikollok tistaqsi meta hi l-Istrina, il-maġġoranza jgħidulek: “L-għada tal-Milied”. Mela mhux biss tlifna l-Epifanija imma tlifna l-Istina wkoll!

Meta kont għadni ngħix l-Italja ġieli ċċelebrajt l-Epifanija darbtejn għax kont inkun Malta għall-vaganzi u ssir qabel nitlaq lura biex inkompli ħajti, u jekk kont nasal qabel is-6 ta’ Jannar kont nerġa’ niċċelebraha hemmhekk. Din il-ħaġa kienet issir meta f’pajjiżna niċċelebraw din il-festa qabel is-sitta ta’ Jannar. Fis-sena 2019 f’pajjiżna ser niċċelebraw l-epifanija fis-6 ta’ Jannar billi dan se jkun il-Ħadd.

Żmien ta’ tħejjija
Iż-żmien ta’ bejn il-festi ma huwiex biss żmien ta’ ċelebrazzjonijiet imma jista’ jkun żmien ta’ tħejjija. Niftakar meta kont għadni nistudja l-Università dan kien ikun żmien li fih inlesti għall-eżamijiet tat-tmiem l-ewwel semestru. Billi jiena studjajt f’Universitajiet Taljani, allura l-lezzjonijiet kienu jibdew fis-sebgħa jew fit-tmienja ta’ Jannar, biex tkun għaddiet l-Epifanija, u bilkemm jgħaddu ħmistax li ma kienux jibdew l-eżamijiet. L-eżamijiet huma prova li wieħed irid jirbaħ billi jħejji ruħu għalihom u żgur li dawn il-jiem li qegħdin fihom iservu għal bosta studenti universitarji biex iħejju rwieħom għall-periklu tal-prova. Qiegħed ngħid “periklu” għaliex fil-Latin il-kelma “periculum” tfisser ukoll prova, eżami, sfida jew esperiment minbarra li tfisser ukoll periklu! Biss dan il-periklu jgħaddi kemm-il darba dak li jkun jieħu bis-serjetà dak li jkun qed jistudja u ma jabużax wisq fuq il-memorja. Naf li min għadda minn dan li qed insemmi jew dawk li għadhom għaddejjin, jaqblu miegħi!

Veru li l-ambjent ta’ festi ma tantx jistieden lil dak li jkun biex jinqafel ġewwa jistudja, imma d-dover ta’ student huwa li jistudja. Ngħid id-dritt illum inħoss ħafna nostalġija għal dawk is-snin tal-istudju minkejja l-isforzi kollha li bħala student kont nagħmel biex negħleb il-periklu, nirbaħ il-prova u ngħaddi mill-eżamijiet. Għeżież  studenti, gawduhom dawn is-snin għax jaħarbu u ma jerġgħu jiġu lura qatt, ħejju rwieħkom biex tegħlbu l-perikli!

F’dawn il-jiem niftakru wkoll f’xi qaddisin kbar; San Stiefnu, San Ġwann, l-Innoċenti Martri u San Silvestru Papa. Kull skuża hija tajba għaċ-ċelebrazzjonijiet!

Nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lill-qarrejja ta’ din il-paġna is-Sena l-ġdida mimlija hena.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Diċembru 2018





sabato 4 luglio 2015

Bla sabar ta’ xejn

Fis-snin li kont ngħix l-Italja kont ninnota li meta kien ikun qiegħed joqrob tmiem is-sajf, mal-ewwel żiffa ħafifa li kienet tinqala’, bosta kienu joħorġu bix-xalla mdawra ma’ għonqhom u jitfgħu ħwejjeġ itqal fuqhom. Issa li qiegħed Malta ninnota li mal-ewwel jum li t-temperatura togħla bi grad, ikun hemm min iqaċċat ħwejġu minn fuqu. Tabilħaqq żewġ estremi. Tassew li fid-dinja donnu ma fadalx mezzutemp u donnhom li l-istaġuni ma għadhomx erbgħa imma saru tnejn, jum inkunu liebsa l-flokkijiet bil-kmiem twal, l-għada nilbsu t-T shirt. Sirna ngħaġġlu żżejjed jew ma sar għandna sabar ta’ xejn? Qegħdin ninsew li kollox għandu ħinu u kollox għandu waqtu? Qagħadt naħseb ftit u ndunajt li mhux biss fl-ilbies ma nistennewx, imma f’ kull ħaġa li sirna nagħmlu.

Kabbarna t-tfal bil-għaġla
Niftakar fi ċkuniti konna nsibu ċans biex imorru l-iskola, immorru l-Museum, nilgħabu barra, u min kien irid kien isib ukoll ħin jistudja. Illum titkellem mal-ġenituri u jgħidulek li uliedhom ma għandhom ħin ta’ xejn. Tipprova tara x’ differenza hemm bejn il-ħajja tal-ulied tal-lum u l-ħajja li konna ngħixu aħna meta konna ta’ mparhom.


Jibdew isemmulek elf impenn li għandhom uliedhom illum, sports, żfin, arti marzjali, kant, scouts, privat, duttrina u ma nafx kemm-il attività oħra. Aħna konna nilgħabu, min kien dilettant kien imur jitrenja l-futbol, konna mmorru l-iscouts, imma konna nagħmlu kollox f’ ħinu f’ waqtu. Ħaġa wara ħaġa mhux kollox  f’ salt. Ma konniex naqbdu mitt tarf imma wieħed biss u nibqgħu fih. Illum le, illum it-tfal għandhom xogħol aktar milli jifilħu. Illum ingorru għax it-tfal ma fadlilhomx ħin ħieles, imma t-tort ta’ min hu, tagħhom jew ta’ min jokkupalhom kull minuta ħielsa li jkollhom? Agħar minn hekk huwa l-każ ta’ meta lill-uliedna ngħabbuhom b’ attività li nkunu għażilna aħna li għandha mnejn ma tkunx togħġob lit-tfal. Bosta drabi dan isir għax it-tifel jew it-tifla tal-ġara tagħmel dik l-attività, jew għax il-kuġin jew kuġina tattendi fit-tali post u nkunu rridu li uliedna jagħmlu bħalhom. Kabbarna t-tfal malajr u biex għamilna hekk kellna nisirqulhom tfulithom.

Ngħalqu l-Museum
Wieħed missier kien qiegħed jitkellem miegħi u qalli li binti ta’ xi 12-il sena dejjem għaddejja, skola, privat, Museum, banda, sports u ma nafx x’ semma’ aktar. Qalli li jkun aħjar kieku ma tmurx aktar il-Museum u t-tagħlim għall-Griżma tal-Isqof li dalwaqt sejra tagħmel, isir waqt il-lezzjoni tar-reliġjon fl-iskola. Mela ħin għall-Museum ma għandiex din it-tifla imma għall-banda kollox sew. Ma kienx ikun aħjar kieku dan il-missier stenna li bintu tagħmel il-Griżma tal-Isqof u wara tibda titgħallem il-banda? Għandi raġun ngħid li ma għandna sabar ta’ xejn? Lil dan il-ħabib staqsejtu x’ nagħmlu bil-Museum allura u weġibni li jekk ikun hemm bżonn jagħlqu! Kont sejjer nistaqsih għaliex għandhom jagħlqu l-oqsma tal-Museum u mhux il-każini tal-Banda, imma għalaqt ħalqi.

Minix kontra l-każini tal-Banda u min jafni jista’ jikkonferma dan, imma li nagħtihom importanza żejda huwa ħażin.  Nemmen li tfal taħt l-14-il sena posthom il-Museum u mhux f’ każin tal-Banda, f’ konkorsi ta’ kant, konkorsi ta’ sbuħija, sfilati ta’ moda.  Ladarba jikbru ftit ieħor ikunu jistgħu jibdew xi waħda minn dawn l-attivitajiet u jkollhom età biżżejjed biex jiddeċiedu huma liema attività jkunu jixtiequ jsegwu.

Dak li għandek tirgħan biegħu
Dan il-qawl antik Malti jrid jgħidilna li dak li għandek tagħmel fittex għamlu, imma ma rridux ninsew qawl ieħor Malti li forsi iktar magħruf: il-qattusa għaġġelija, frieħ għomja tagħmel. Meta nitkellem ma’ żgħażagħ, ma’ koppji li għadhom għarajjes dejjem insemmilhom dan il-qawl tal-qattusa. Ħafna minnhom jifhmuh mill-ewwel. It-tendenza bejn il-koppji saret ukoll bla sabar ta’ xejn, dak li jmissni nagħmel għada, nagħmlu llum bla ma noqgħod nistenna.

Ftakart f’ każ ta’ ħabib tiegħi. Kienet il-Ġimgħa l-Kbira u dan it-tali ltaqa’ ma’ ħabib tiegħu li kien Malta għall-btala. Ħadu grokk għax kienu ilhom snin kbar ma jiltaqgħu, u grokk iġib lill-ieħor  u tistgħu taħsu x’ ġara! Addio l-qdusija ta’ dak il-jum. X ħin rajt lil dan il-ħabib  qalli: “Jien xrobt bil-lest għal Nhar il-Ħadd!”

Kollox f’ ħin u f’ waqtu. L-għaġla żejda, f’ kollox ħażin. Is-sabar jista’ jiskansana milli niżbaljaw, irridu biss inkunu nafu nistennew.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2015