sabato 4 luglio 2015

Bla sabar ta’ xejn

Fis-snin li kont ngħix l-Italja kont ninnota li meta kien ikun qiegħed joqrob tmiem is-sajf, mal-ewwel żiffa ħafifa li kienet tinqala’, bosta kienu joħorġu bix-xalla mdawra ma’ għonqhom u jitfgħu ħwejjeġ itqal fuqhom. Issa li qiegħed Malta ninnota li mal-ewwel jum li t-temperatura togħla bi grad, ikun hemm min iqaċċat ħwejġu minn fuqu. Tabilħaqq żewġ estremi. Tassew li fid-dinja donnu ma fadalx mezzutemp u donnhom li l-istaġuni ma għadhomx erbgħa imma saru tnejn, jum inkunu liebsa l-flokkijiet bil-kmiem twal, l-għada nilbsu t-T shirt. Sirna ngħaġġlu żżejjed jew ma sar għandna sabar ta’ xejn? Qegħdin ninsew li kollox għandu ħinu u kollox għandu waqtu? Qagħadt naħseb ftit u ndunajt li mhux biss fl-ilbies ma nistennewx, imma f’ kull ħaġa li sirna nagħmlu.

Kabbarna t-tfal bil-għaġla
Niftakar fi ċkuniti konna nsibu ċans biex imorru l-iskola, immorru l-Museum, nilgħabu barra, u min kien irid kien isib ukoll ħin jistudja. Illum titkellem mal-ġenituri u jgħidulek li uliedhom ma għandhom ħin ta’ xejn. Tipprova tara x’ differenza hemm bejn il-ħajja tal-ulied tal-lum u l-ħajja li konna ngħixu aħna meta konna ta’ mparhom.


Jibdew isemmulek elf impenn li għandhom uliedhom illum, sports, żfin, arti marzjali, kant, scouts, privat, duttrina u ma nafx kemm-il attività oħra. Aħna konna nilgħabu, min kien dilettant kien imur jitrenja l-futbol, konna mmorru l-iscouts, imma konna nagħmlu kollox f’ ħinu f’ waqtu. Ħaġa wara ħaġa mhux kollox  f’ salt. Ma konniex naqbdu mitt tarf imma wieħed biss u nibqgħu fih. Illum le, illum it-tfal għandhom xogħol aktar milli jifilħu. Illum ingorru għax it-tfal ma fadlilhomx ħin ħieles, imma t-tort ta’ min hu, tagħhom jew ta’ min jokkupalhom kull minuta ħielsa li jkollhom? Agħar minn hekk huwa l-każ ta’ meta lill-uliedna ngħabbuhom b’ attività li nkunu għażilna aħna li għandha mnejn ma tkunx togħġob lit-tfal. Bosta drabi dan isir għax it-tifel jew it-tifla tal-ġara tagħmel dik l-attività, jew għax il-kuġin jew kuġina tattendi fit-tali post u nkunu rridu li uliedna jagħmlu bħalhom. Kabbarna t-tfal malajr u biex għamilna hekk kellna nisirqulhom tfulithom.

Ngħalqu l-Museum
Wieħed missier kien qiegħed jitkellem miegħi u qalli li binti ta’ xi 12-il sena dejjem għaddejja, skola, privat, Museum, banda, sports u ma nafx x’ semma’ aktar. Qalli li jkun aħjar kieku ma tmurx aktar il-Museum u t-tagħlim għall-Griżma tal-Isqof li dalwaqt sejra tagħmel, isir waqt il-lezzjoni tar-reliġjon fl-iskola. Mela ħin għall-Museum ma għandiex din it-tifla imma għall-banda kollox sew. Ma kienx ikun aħjar kieku dan il-missier stenna li bintu tagħmel il-Griżma tal-Isqof u wara tibda titgħallem il-banda? Għandi raġun ngħid li ma għandna sabar ta’ xejn? Lil dan il-ħabib staqsejtu x’ nagħmlu bil-Museum allura u weġibni li jekk ikun hemm bżonn jagħlqu! Kont sejjer nistaqsih għaliex għandhom jagħlqu l-oqsma tal-Museum u mhux il-każini tal-Banda, imma għalaqt ħalqi.

Minix kontra l-każini tal-Banda u min jafni jista’ jikkonferma dan, imma li nagħtihom importanza żejda huwa ħażin.  Nemmen li tfal taħt l-14-il sena posthom il-Museum u mhux f’ każin tal-Banda, f’ konkorsi ta’ kant, konkorsi ta’ sbuħija, sfilati ta’ moda.  Ladarba jikbru ftit ieħor ikunu jistgħu jibdew xi waħda minn dawn l-attivitajiet u jkollhom età biżżejjed biex jiddeċiedu huma liema attività jkunu jixtiequ jsegwu.

Dak li għandek tirgħan biegħu
Dan il-qawl antik Malti jrid jgħidilna li dak li għandek tagħmel fittex għamlu, imma ma rridux ninsew qawl ieħor Malti li forsi iktar magħruf: il-qattusa għaġġelija, frieħ għomja tagħmel. Meta nitkellem ma’ żgħażagħ, ma’ koppji li għadhom għarajjes dejjem insemmilhom dan il-qawl tal-qattusa. Ħafna minnhom jifhmuh mill-ewwel. It-tendenza bejn il-koppji saret ukoll bla sabar ta’ xejn, dak li jmissni nagħmel għada, nagħmlu llum bla ma noqgħod nistenna.

Ftakart f’ każ ta’ ħabib tiegħi. Kienet il-Ġimgħa l-Kbira u dan it-tali ltaqa’ ma’ ħabib tiegħu li kien Malta għall-btala. Ħadu grokk għax kienu ilhom snin kbar ma jiltaqgħu, u grokk iġib lill-ieħor  u tistgħu taħsu x’ ġara! Addio l-qdusija ta’ dak il-jum. X ħin rajt lil dan il-ħabib  qalli: “Jien xrobt bil-lest għal Nhar il-Ħadd!”

Kollox f’ ħin u f’ waqtu. L-għaġla żejda, f’ kollox ħażin. Is-sabar jista’ jiskansana milli niżbaljaw, irridu biss inkunu nafu nistennew.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2015



Nessun commento:

Posta un commento