Visualizzazione post con etichetta gwerra. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta gwerra. Mostra tutti i post

sabato 18 luglio 2026

Ħsieb mill-Ukrajna

Żgur li qatt qabel daqs dawn l-aħħar erba’ snin u nofs ma konna nisimgħu bl-Ukrajna. L-Ukrajna hija nazzjon sovran fl-Ewropa tal-Lvant u t-tieni l-akbar pajjiż tal-kontinent skont id-daqs wara r-Russja. Strateġikament pożizzjonata fuq il-Baħar l-Iswed u għandha fruntieri mar-Russja, il-Belarus, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Moldova. Minn Frar 2022, l-Ukrajna qed tiddefendi ruħha kontra invażjoni li saret fuqha mir-Russa. Il-popolazzjoni tal-Ukrajna bħalissa hija stmata bejn 35 u 40 miljun persuna. Madankollu, il-gwerra li għadha għaddejja, ikkawżat spostament intern massiv u emigrazzjoni internazzjonali, u ħalliet biss madwar 30 jew 35 miljun resident jgħixu f'żoni kkontrollati mill-gvern.

Dan kollu nafuh jew kważi kollu. Allura x’wassalni biex illum nikteb xi ħaġa li għandha x’taqsam ma’ dan il-pajjiż?

Wara attakk

Aħna, l-Patrijiet Dumnikani tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu ta’ Tas-Sliema, ma niċċelebrawx il-festa ta’ San Duminku f’Awwissu, kif isir fil-Belt Valletta u fil-Birgu, imma niċċelebrawha fl-24 ta’ Mejju, it-tifkira ta’ meta l-fdalijiet ta’ San Duminku nqalgħu mill-qabar u tpoġġew f’dik li tissejjaħ “Arca di San Domenico” li nsibu fil-knisja tagħna d-Dumnikani fil-belt ta’ Bologna, l-Italja. Din is-sena, billi l-24 ta’ Mejju ħabat il-Ħadd, iċċelebrajna din il-festa fis-26 tax-xahar. Lejlet il-festa waslitilna aħbar xejn sabiħa mingħand ħutna d-Dumnikani ta’ Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna. L-għada, minflok ritratt ta’ San Duminku, tellajt post fuq facebook b’ritratt tal-kunvent Dumnikan ta’ Kiev u b’dan il-kliem:

“Matul il-lejl, Kiev sofriet attakk qawwi minn drones u missili Russi. Missila laqtet bini residenzjali li jinsab quddiem il-kunvent tagħna l-Patrijiet Dumnikani u kkawżat ħsara lill-kunvent. Wieħed mill-patrijiet, il-pirjol Jarosław Krawiec iddeskriva dan l-attakk bħala <<l-aktar attakk orribbli minn kemm ilha li bdiet il-gwerra.>> F'dan il-kunvent jgħixu 8 patrijiet, 6 Pollakki u 2 mill-Ukrajna. Ħadd minnhom ma weġġa' f'dan l-attakk imma l-kunvent ġarrab ħsarat kbar.”

Ftit jiem wara kellimni l-Provinċjal tagħna u qalli li l-Provinċjal Dumnikan tal-Ukrajna, talbu jekk hux possibli li wieħed mill-patrijiet tiegħu jiġi għal xi ġimgħat Malta sabiex jistudja l-Ingliż. Il-Provinċjal tiegħi staqsieni jekk hux possibbli li nospitawh fil-kunvent ta’ Tas-Sliema. Huwa qalli wkoll li b’dan l-att dan il-patri se jeħles xi ftit mill-gwerra u l-ħoss tal-bombi. Jiena bejn b’ċajta u bejn b’serjetà għidtlu li billi ġej Malta  fis-sajf, ser jeħles mill-ħoss tal-bombi u jisma’ l-ħoss tal-murtali. Żgur li hemm differenza enormi bejn dak li jwassal il-ħoss tal-bomba tal-gwerra u dak li jwassal il-ħoss tal-murtal tal-festa, wieħed iġib il-qorda u l-mewt, l-ieħor iħabbar il-ferħ.

Jasal Oleksandr

Intant il-jum li fih kellu jasal dan il-patri Dumnikan Malta wasal ukoll. Mort nilqgħu l-ajruport, għax ma kontx naf liema livell ta’ Ingliż kellu u jekk ma jsibx xi ruħ tajba titkellem bl-Ukren ma kontx naf kif kien ser jasal Tas-Sliema. Ġie b’titjira minn Krakovja l-Polonja għax kif qalli hu, bħalissa mill-ispazju tal-ajru tal-Ukrajna, ajruplani militari biss jistgħu jittajru. Vjaġġ ta’ kważi 900 kilometru. Patri Oleksandr qalli wkoll li biex joħroġ mill-Ukrajna kellu bżonn permess speċjali mingħand il-gvern peress li bħalissa l-pajjiż għaddej minn gwerra. Qalli li kien beda jitgħallem l-Ingliż fil-Polonja imma mbagħad bdiet il-gwerra u kellu jwaqqaf kollox, imma issa s-superjuri tiegħu bagħtuh Malta għax hawn anke waqt li ma jkunx il-ħin tal-lezzjonijiet ikollu bil-fors jitkellem bl-Ingliż. Komplejna nitkellmu u sirt naf li hu kien wieħed mill-patrijiet fil-kunvent ta’ Kiev meta ġie milqut mill-missili u d-drones Russi.

Trawma

Wasalna l-kunvent għal ħin l-ikel. Tajtu l-kamra u nżilna nieklu mal-komunità, introduċejtu u nsomma s-soltu storja tagħna l-patrijiet, ruxmata mistoqsijiet u nistennew tweġiba għal kollox. Filgħaxija dawwartu ftit l-inħawi tagħna u l-għada l-Ħadd filgħodu ħadtu miegħi għall-quddeisa tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Filgħaxija ħadtu sal-Imdina. Wara li dorna din il-belt antika, ħadna te u ħsibna biex nerġgħu lura lejn il-kunvent, Tajna ħarsa minn fuq is-swar biex naraw lil Malta mixgħula. Ħin minnhon dan Oleksandar dar fuqi u qalli: “Dan ħoss ta’ drone!” Ngħid id-dritt jien lanqas kont tajt każ tal-ħoss imma hu dlonk induna. Għidtlu li aktarx li xi ħadd kien qed jiġbed xi biċċa film. Hawn dlonk indunajt bit-trawma li dawn in-nies għandhom minħabba l-gwerra, dak li għalina huwa oġġett ta’ ftit jew wisq sinifikat, għalihom ifisser terrur. U dan kien li daħħal il-ħsieb f’moħħi li nikteb dak li ktibt illum. Patri Oleksandr qalli l-biċċa l-kbira ta’ suldati Ukreni li tilfu ħajjithom, mietu minn attakki tad-drones. Qalli li hu għandu ħuh suldat. Min ilumu li jinħasad meta jisma’ drone?

Il-gwerra kif tibdlu lill-bniedem! Kemm hu sew li ngħożżu s-sliem u naħdmu għalih. Jalla ma ddumx ma tieqaf din il-gwerra, li bħal kull gwerra oħra ma fihiex rebbieħ imma kulħadd ikun tellief fiha.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Lulju 2026


 

domenica 26 aprile 2026

Gwerra u paċi

Meta nisimgħu jew naqraw it-titlu ta’ dan l-artiklu għandna mnejn ma nifhmux mill-ewwel xi ħsieb ikun hemm warajh. Il-gwerra nafu x’inhi, minkejja li ħafna minna qatt ma esperjenzawha, imma l-paċi, il-paċi vera, kemm nafu xi tfisser?

Opra letterarja

Għandu mnejn f’moħħna mill-ewwel jiġi dak li kiteb Leo Tolstoy, l-awtur Russu, magħruf madwar id-dinja kollha għar-rumanzi tiegħu fosthom Anna Karenina u War and Peace – Gwerra u Paċi. Il-ġlieda tar-Russja ma' Napuljun, Tolstoy raha bħala traġedja li kienet tinvolvi lill-umanità kollha.

War and Peace huwa bbażat fuq l-invażjoni ta' Napuljun fir-Russja fl-1812 u jsegwi tlieta mill-aktar karattri magħrufa fil-letteratura: Pierre Bezukhov, l-iben illeġittimu ta' konti li kien qed jiġġieled għall-wirt tiegħu u f’mixja spiritwali kontinwa; Il-Prinċep Andrei Bolkonsky, li jħalli l-familja tiegħu biex jiġġieled fil-gwerra kontra Napuljun; u Natasha Rostov, it-tfajla żagħżugħa u sabiħa li ħadu nteress fiha ż-żewġ irġiel.

Hekk kif l-armata ta' Napuljun tibda tinvadi lir-Russja, Tolstoy isegwi b'mod brillanti karattri li jkunu ġejjin minn diversi oqsma; bdiewa u nobbli, ċivili u suldati, li kollha kemm huma jissieltu mal-problemi li jinqalgħu fi żminijiethom, mal-istorja tagħhom u mal-kultura tagħhom. U hekk kif l-istorja f’dan ir-rumanz tissokta, dawn il-karattri jsiru wħud mill-aktar figuri umanistiċi fil-letteratura dinjija. Ir-rumanz jintemm bi Pierre u Natasha jiżżewġu u jkollhom familja sabiħa u ferħana b’għadd ta’ wlied. Ir-rumanz fih ħsibijiet u argumenti filosofiċi ta' Tolstoy, li jrid juri li r-rieda ħielsa tal-bniedem hija biss illużjoni u li l-avvenimenti li jseħħu fil-ħajja tagħna huma determinati minn numru bla qies ta' fatturi. Huwa jargumenta li filwaqt li rridu nżommu l-illużjoni tar-rieda li ngħixu ħielsa, fl-aħħar mill-aħħar aħna dejjem għandna bżonn lil ħaddieħor.

Vera jew le?

L-istorja ta’ dan ir-rumanz hija vera jew fittizja, ivvintata minn Tolstoy biex iwassal messaġġ? F’dan il-ktieb insibu numru ta’ persuni veri, bħalma huwa Napuljun wara kollox u ħafna mill-fatti li jissemmew fir-rumanz seħħew tabilħaqq, biss fejn jidħlu l-istejjer tal-persunaġġi li nsibu f’din il-kitba huma fittizji, ivvintati mill-awtur sabiex iwassal il-messaġġ u l-ħsieb tiegħu, għalhekk dan il-ktieb nistgħu ngħidu li huwa bejn fittizju u storiku li jgħaqqad narrattiva fittizja mal-istorja attwali. Hu x’inhu, dan ir-rumaz kien maqlub f’għadd ta’ lingwi u huwa stmat li ġew mibjugħin aktar minn tletin miljun kopja tiegħu.

Lil hinn mir-rumanz

Ejjew immorru lil hinn mill-istorja ta’ dan ir-rumanz u naraw ftit kemm il-bneidem jgħix fi gwerra jew f’paċi. Qabditni l-kurżità u għamilt ftit tiftix. Rajt kemm kien hawn gwerer madwar id-dinja kollha minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija sal-lum. Sibt li kien hawn 248 gwerra u 153 konflitt. Bejniethom dawn jammontaw għal 401. Issa jekk it-Tieni Gwerra Dinjija ilha 80 sena li spiċċat u għalhekk niddividu 400 bi 80, nispiċċaw bin-numru 5. Bejn wieħed u ieħor 5 gwerer kull sena. Minn dawn l-400 gwerra jew konflitt, 15 biss intemmu qabel 3 xhur. Xi wħud minnhom damu snin u oħrajn għadhom għaddejjin. Mela 5 gwerer kull sena li jkunu itwal minn 3 xhur, nistgħu ngħidu li kull sena ma kienx hemm ġurnata waħda biss, minn wara l-aħħar gwerra dinjija ’l hawn, li fid-dinja kollha saltnet il-paċi! Naf li dan ir-raġunament u l-mod kif ikkalkulajt dan l-argument huwa xjentifikament żbaljat għal kollox, imma l-għan tiegħi kien li nara kemm id-dinja għexet fi sliem totali dawn l-aħħar 80 sena. Naħseb li taqbli miegħi jekk ngħid li ftit jew xejn.

Sliem veru

Il-paċi vera hija kunċett multidimensjonali li jinkludi kemm l-stat intern ta' serenità f’qalb u moħħ l-individwu kif ukoll il-kundizzjonijiet esterni ta' armonija, ġustizzja u n-nuqqas ta' vjolenza. Hija idea wiesgħa ħafna li tmur lil hinn minn sempliċement in-nuqqas ta' kunflitt sabiex tinkorpora l-preżenza ta' ftehim u rispett kemm fl-isferi personali kif ukoll fis-soċjetà. Nerġa’ għal Tolstoy. X’għamel dan il-ġenju letterarju? Għaqqad l-isfera personali mal-isfera soċjali, xena ħolistika. Għalhekk nistgħu ngħidu li anke fi żmien il-gwerra, wieħed jista’ jkun fil-paċi. Kif? Għall-bniedem, il-paċi vera spiss tfisser stat ta’ kalma, trankwillità, u kuntentizza, ħieles mill-inkwiet u l-ansjetà.  Dan ma jfissirx in-nuqqas ta' emozzjonijiet, iżda l-abbiltà li tgħix dawn l-emozzjonijiet mingħajr ma tkun megħlub minnhom, u żżomm l-istabbiltà interna anke f'mumenti diffiċli. Li tgħix fil-mument preżenti, u teħles milli tkunu skjav tal-ħsibijiet dwar il-passat jew il-futur.

Fuq livell aktar wiesa', livell ta’ soċjetà, il-paċi vera spiss tissejjaħ "paċi pożittiva," li hija n-nuqqas ta' vjolenza fil-forom kollha tagħha flimkien mal-ġustizzja soċjali u l-ekwità għan-nies kollha. Ħafna jissuġġerixxu li l-paċi dinjija ġenwina hija fatt kollettiv li jibda billi l-individwi jikkultivaw il-paċi interna u mbagħad jgħaddu dik l-atmosfera ta' paċi fil-familji tagħhom, fil-komunitajiet u fid-dinja. Imma kemm tabilħaqq xi darba d-dinja kollha se ssib il-paċi vera?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' April 2026



sabato 27 gennaio 2024

27 ta’ Jannar – Jum it-Tifkira

Jum it-Tifkira huwa anniversarju internazzjonali ċċelebrat fis-27 ta’ Jannar ta’ kull sena bħala jum b’kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Olokawst imwettaq min-Nażiżmu matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minn nofs is-seklu 20, it- terminu Olokawst beda jindika l-ġenoċidju mwettqa mill-Ġermanja Nażista u l-alleati tagħha kontra l-Lhud tal-Ewropa . Din kienet tikkonsisti fil-qtil ta’ bejn 5 u 6 miljun Lhudi, ta’ kull sess u età. L-Olokawst bħala ġenoċidju tal-Lhud jissejjaħ ukoll ix- Shoah, kelma bl-Ebrajk li tfisser katastrofi jew qerda. Huma paġni mill-aktar koroh fl-istorja tad-dinja, imma sfortunatament hemm qegħdin u ħażin għad-dinja jekk tinsa jew tiċħad dak li tabilħaqq seħħ.

Il-bidu

F’Settembru 1935, fil-Ġermanja Nażista għaddew żewġ liġijiet separati, magħrufa bħala l-Liġijiet ta’ Nuremberg. Dawn kienu l-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich u l-Liġi għall-Protezzjoni tad-Demm u l-Unur Ġermaniż. Iż-żewġ liġijiet kienu espressjoni tat-teoriji razzjali li fuqhom kienet ibbażata l-ideoloġija Nażista u servew biex joħolqu l-ambjent legali għall-persekuzzjoni sistematika tal-Lhud fil-Ġermanja. Il-Liġijiet ta' Nuremberg tħabbru minn Adolf Hitler fil-15 ta' Settembru, 1935. Dlonk il-parlament Ġermaniż, imsejjaħ ir- Reichstag, magħmul kompletament minn rappreżentanti Nażisti, approva dawn il-liġijiet. Il-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich stabbiliet min kien meqjus bħala ċittadin Ġermaniż u min ma kienx, kif ukoll min kien Lhudi u min ma kienx. In-Nażi ċaħdu l-idea tradizzjonali li l-Lhud kienu membri ta’ komunità reliġjuża jew kulturali, u minflok argumentaw li kienu razza speċifika, li tista’ tiġi definita biss mit-twelid. Ħafna Lhud fil-Ġermanja kienu abbandunaw il-prattiċi u dehriet tradizzjonali tagħhom u bdew jintegraw sewwa mal-bqija tas-soċjetà. Xi wħud ma baqgħux jipprattikaw il-Ġudajiżmu u kienu saħansitra bdew jiċċelebraw il-festi Kristjani, speċjalment il-Milied, flimkien mal-ġirien tagħhom mhux Lhud. Ħafna oħrajn kienu żżewġu Kristjani jew ikkonvertew għall-Kristjaneżmu. Għalhekk dawn il-liġijiet kienu marbuta mal-oriġina etnika tal-Lhud.  Il-Liġi għall-Ħarsien tad-Demm u l-Unur Ġermaniż, ipprojbixxiet iż-żwieġ bejn Lhud u Ġermaniżi mhux Lhud u kkriminalizzat ir-relazzjonijiet barra ż-żwieġ bejniethom.

Qabel il-gwerra

Għall-bidu, jiġifieri, sakemm faqqgħet il-gwerra, l-għan ewlieni tan-Nażiżmu u Hitler kien li r-Reich ikun Judenfrei, jiġifieri "ħieles mil-Lhud". F'din l-ewwel fażi s-sistema magħżula biex "tnaddaf" il-Ġermanja mil-Lhud kienet li ġġiegħelhom jemigraw.

Irnexxielhom jemigraw madwar 540,000 Lhudi, iżda ma’ kull okkupazzjoni li bdiet twettaq il-Ġermanja Nażista in-numru ta' Lhud beda jikber u nazzjonijiet barranin ma setgħux jew ma ridux jassorbu l-mewġa ta’ emigrazzjoni Lhudija mir-Reich. Lejlet il-gwerra, is-soluzzjoni tal-emigrazzjoni dehret li falliet. Għalhekk twieldet l-idea li jitwessa’ l-kunċett stess tad-deportazzjoni billi jiġu trasferiti bil-forza Lhud Ġermaniżi f’post imbiegħed. Matul il-gwerra l-problema kompliet tmur għall-agħar. L-invażjoni tal-Belġju, l-Olanda, Franza, id-Danimarka u n-Norveġja kompliet żiedet in-numru ta’ Lhud li waqgħu f’idejn in-Nażisti. L-għan ewlieni, jiġifieri li l-Ġermanja ssir "Judenfrei", kiber b'mod drammatiku: issa kienet kwistjoni li l-Ewropa kollha ssir Judenfrei. Is-soluzzjoni ma setgħetx tkun aktar li l-Lhud jemigraw. Għalhekk nibtet idea oħra: id-deportazzjoni tal-Lhud Ewropej lejn il-Lvant billi tikkonċentrahom fit-territorji Pollakki okkupati. Il-ħolqien ta' gettos kbar fil-Polonja dehret li kienet l-aħjar soluzzjon.

Kampijiet tal-mewt

 Auschwitz
In-Nażisti waqqfu kampijiet tal-mewt biex jagħmlu l-qtil tal-massa effiċjenti kemm jista’ jkun. B’differenza mill-kampijiet ta’ konċentrament , li servew primarjament bħala kampijiet ta’ detenzjoni u xogħol, il-kampijiet ta’ sterminazzjoni, magħrufa wkoll bħala “kampijiet tal-mewt”, kienu esklussivament  fabbriki tal-mewt. L-ewwel ċentru ta' sterminazzjoni li nbena kien dak ta' Chelmno , f'Diċembru 1941, fil-parti tal-Polonja li tmiss mal-Ġermanja. Fl-1942 in-Nażisti ħolqu l-kampijiet ta’ sterminazzjoni ta’ Belzec, Sobibor u Treblinka bil-għan li jeliminaw b’mod sistematiku l-Lhud Pollakki kollha.  Mal-wasla tal-Lhud fil-kamp ta’ sterminazzjoni, kważi d-deportati kollha kienu jintbagħtu immedjatament lejn il-kmamar tal-gass, bl-eċċezzjoni ta’ numru żgħir li minflok kienu jkunu assenjati għax-xogħol. L-akbar ċentru ta’ sterminazzjoni kien Auschwitz-Birkenau , il-Polonja, fejn, fl-aħħar tar-rebbiegħa tal-1943, erba’ kmamar tal-gass kienu qed joperaw bl-użu tas-sustanza tossika magħrufa bħala Zyklon B. Meta d-deportazzjonijiet laħqu l-intensità massima tagħhom, in-numru ta’ Lhud li nqatlu bil-gass f'Auschwitz-Birkenau laħqet iċ-ċifra ta' 6,000 ruħ kuljum. Fis-27 ta’ Jannar 1945, is-suldati Sovjetiċi daħlu fil-kamp ta’ Auschwitz-Birkenau.  Auschwitz-Birkenau sar simbolu tal-orrur tal-qtil organizzat u ta’ x'jista' jiġri meta l-mibegħda ma tkunx ikkontrollata.

Illum, infakkru Jum it-Tifkira tal-Olokawst fl-anniversarju tal-ħelsien ta’ dan il-kamp. Niftakru fil-vittmi kollha tal-Olokawst u l-persekuzzjoni Nażista ta’ gruppi oħra. Jum it-Tifkira  għandu jservi għad-dinja kollha bħala riflessjoni dwar dak li ġara lill-poplu Lhudi u lil dawk kollha deportati fil-kampijiet Nażisti. Għandha tibqa’ f’moħħ il-bniedem il-memorja ta’ perjodu traġiku fl-istorja biex ġrajjiet simili qatt ma jkunu jistgħu jerġgħu jseħħu.

Fil-qosor, biex ma ninsewx!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2024




lunedì 18 giugno 2018

San Ġorġ fil-battalji


It-talb lil San Ġorġ bħala protettur tas-suldati dejjem jiżdied matul il-gwerer. Eżempju ċar ta’ dan nistgħu narawh fil-medju evu l-aktar matul il-kruċjati, speċjalment fit-tielet waħda li seħħet bejn l-1187 u l-1197.

Federiku Barbarossa
Fl-1190, sewwasew f’Mejju, meta din il-kruċjata kienet fl-eqqel tagħha, saret il-Battalja ta’ Ikonjum, il-post li llum jissejjaħ Konya ġewwa t-Turkija. L-armata Nisranija, immexxija minn Frederiku Barbarossa, kienet riesqa lejn il-post tat-taqtiegħa, is-suldati ngħaqdu fi gruppi biex jitolbu. Is-saċerdoti li kienu jassitu lis-suldati waqt il-kruċjata, qaddsu quddies votiv lil San Ġorġ biex jitlob l-għajnuna ta’ Alla għal dawn is-suldati li kienu sejrin jissieltu għall-fidi Nisranija u għall-kisba lura tal-Art Imqaddsa, l-art fejn rat it-tnissil, it-twelid, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Għandna xhieda ta’ dan permezz ta’ ittra li Federiku I kien kiteb lill-ibnu f’Novembru 1189. Huwa qal li għad li kellu armata qawwija, xorta kien hemm il-ħtieġa tal-għajnuna Divina, għaliex “Sultan ikun salvat bil-grazzja tas-Sultan Etern li tiżboq kull ħila ta’ kwalunkwe bniedem.”

Xi jiem qabel Għid il-Ħamsin, suldat bl-isem ta’ Ludoviku ta’ Helfestein qal li kellu dehra ta’ gwerrier riekeb żiemel abjad, li huwa qal li kien San Ġorġ, li kien qiegħed jiġġieled mat-Torok. Ħadd ma ddubita minn din id-dehra u s-suldat kien emmnut minn kulħadd. Nhar it-13 ta’ Mejju, is-suldati kollha marru jqerru għaliex kienu jafu li jum il-battalja kien qorob u għalhekk riedu jkunu lesti spiritwalment ukoll. L-għada bdiet il-battalja. Flimkien mas-suldati kien hemm is-saċerdoti li bdew jassitu lill-Insara midrubin mill-Misilmin. It-talb lejn San Ġorġ żdied bil-bosta waqt it-taqbid għaliex kulħadd beda jġib quddiem għajnejh id-dehra li kellu seħibhom Lodoviku. Ir-rebħa tas-salib fuq is-suldati Torok f’ din il-battalja seħħet nhar is-18 ta’ Mejju u Ikonjum għadda f’ idejn l-Insara.

Rikkardu 1
San Ġorġ intalab l-interċessjoni tiegħu anke fil-battalja ta’ Montaperti li seħħet fl-2 ta’ Settembru tas-sena 1260 ġewwa t-Toscana bejn il-bliet ta’ Siena u Firenze. Is-suldati ta’ Siena talbu lil San Ġorġ u l-għajta ta’ “San Giorgio, San Giorgio!” kienet fuq fommhom tul il-battalja kollha. Fatt interessanti f’din il-battalja huwa ta’ dak il-kavallier li kien fuq in-naħa ta’ Firenze imma fil-battalja dar u mar man-naħa ta’ Siena. Bocca degli Abati, kif kien jismu dan il-kavallier, jissemma anke minn Dante Aleghieri fid-Divina Commedia. F’din l-opra ta’ Dante lill-kavallier insibuh fid-disa’ ċirku tal-infern. Ir-rebħa tas-suldati ta’ Siena kienet attribwita lill-qaddis Ġorġ u għalhekk bħala turija ta’ radd ta’ ħajr u gratitudni dawn is-suldati ġabru biex tinbena l-knisja  li għadna nsibu llum iddedikata lil San Ġorġ fi Siena. Lil San Ġorġ bdiet issirlu festa biex tibqa’ nfakkra din ir-rebħa.

Ladarba qegħdin insemmi r-rabta ta’ San Ġorġ mal-battalji, ma nistgħux inħallu barra l-istorja ta’ Rikkardu l-ewwel, Sultan tal-Ingilterra, magħruf bħala Lion heart. Dan is-sultan waqt il-kruċjata li semmejna aktar qabel, kellu dehra minn San Ġorġ fejn il-qaddis kien wegħdu r-rebħa, kif fil-fatt seħħ. Kien għalhekk li snin wara San Ġorġ kien proklamat bħala l-qaddis patrun tal-Ingilterra lejn nofs is-seklu XIII u protettur tal-familja Rjali mis-Sultan Dwardu III fis-seklu XIV. 

Dawn huma biss tliet battalji li r-rebħ tagħhom huwa attribwit lil San Ġorġ, Hemm bosta u bosta oħrajn, fosthom anke l-attakk tal-Mori fuq Malta fl- 1429. Dan juri biċ-ċar għalfejn il-qima lejn San Ġorġ hija daqstant qawwija u mifruxa



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Ġorġ maħruġ mill-Għaqga tan-Nar 23 ta' April Ħal Qormi, festa 2018


venerdì 26 gennaio 2018

Żiemel

Kont għadni mindud fis-sodda xħin smajt it-tektik tan-nagħal ta’ żiemel li kien għaddej mit-triq taħt it-tieqa ta’ kamarti. Kieku kont għadni Ħal Qormi ma kontx noħodha bi kbira. Kieku kont il-Marsa inqas u inqas, imma Tal-Pietà mhux daqstant komuni. Naf li hemm daqsxejn ta’ qatgħa mhux wisq bogħod minna, fejn jinżamm żiemel. Kien l-ewwel lejl tiegħi f’Tal-Pieta u għalhekk skantajt. Illum ngħid li drajtu dan il-ħoss għax spiss sid iż-żiemel jgħaddieh minn quddiemna, imma dalgħodu t-tektik tiegħu ġabli ħsieb ġo moħħi li nixtieq naqsmu magħkom. Min jaf kif kienet tkun id-dinja kieku ma jeżistux żwiemel. Mhux qed ngħid kienu jieżistu imma biż-żmien inqerdu bħal ngħidu aħna d-dinosawri, imma kieku qatt ma eżistew!

Għax-xogħol u għall-gwerra
Alessandru l-kbir jimmansa liż-żiemel tiegħu
Ma mmorrux wisq lura fiż-żmien, ma naħsbux fi żmien id-dinosawri imma biżżejjed immorru ftit eluf ta’ snin ilu. Iż-żiemel dejjem kien ta’ għajnuna lill-bniedem. Biex ngħidu s-sewwa ż-żiemel beda jiġi ddomestikat u użat mill-bniedem madwar sitt elef sena ilu u f’elf sena sab postu sewwa fil-ħajja tagħna. Dan għen sewwa biex tnaqqset it-tbatija. Ħafna mill-ġarr beda jsir mill-bhima u mhux aktar mill-bniedem. Iż-żiemel kellu sehem kbir ukoll fl-armati. Is-suldati bdew jitħarrġu sabiex il-battalji u l-gwerer jissieltuhom minn fuq dahar iż-żiemel u mhux aktar fuq saqajhom. Iż-żiemel kellu sehem fil-gwerrer il-kbar li mexxa Alassandu l-Kbir. Iż-żiemel kien importanti għall-gwerer li kellu l-Imperu Ruman. Iż-żiemel konna nsibuh f’kull gwerra jew battalja li saret matul is-snin u baqa’ jintuża sal-ewwel gwerra dinjija li ntemmet sewwasew mitt sena ilu. Matul it-tieni gwerra dinjija intużaw ukoll iż-żwiemel imma aktar bħala mezz ta’ ġarr ta’ materjal milli għal fuq il-front.

Iż-żiemel għen lill-bniedem iwettaq dak li waħdu kien aktarx impossibbli jwettaq. Ħalli nagħti eżempju wieħed. Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba rajna jew żorna il-pjazza tal-Vatikan, pjazza San Pietru. Fin-nofs tal-pjazza hemm obelisk għoli aktar minn 25 metru. Dan ma kienx dejjem wieqaf hemmhekk imma meta nġieb mill-Eġittu kien jinstab ftit mijiet ta’ metru bogħod mill-post li narawh fih illum. Dan tpoġġa fil-post tal-lum fl-1586 u biex tniżżel mill-post l-antik, inġarr u twaqqaf fil-post il-ġdid intużaw mijiet ta’ żmiemel. Min jaf kemm-il żiemel intuża biex inġarr il-ġebel li bih inbniet il-Bażilika maestuża tal-Vatikan u l-kolonnat li hemm idawwar il-pjazza li qed insemmu. Min jaf?

Sport
Iż-żiemel huwa wkoll popolari fl-isports. It-tlielaq taż-żwiemel għadhom popolari ħafna anke f’pajjiżna. Billi Mata kienet kolonja Brittanika, l-Ingliżi għenuna nkabbru l-imħabba li għandna lejn il-bhejjem. Sewwasew mija u ħamsin sena ilu, fl-1868 saret l-ewwel korsa għaż-żwiemel f’Malta. Sa meta kont għadni żgħir jien, dik il-parti tal-korsa kulħadd kien jafna bħala “L-Marsa tal-Ingliżi”.  Aktar tard il-korsa tkabbret u kienet organizzata sewwa biex għal dabra oħra reġgħet iċċekknet biex illum għandna l-korsa li għandna ġewwa l-Marsa.

Fil-Marsa wkoll għadna naraw sport ekwestu ieħor, il-Polo. Ta’ tifel żgħir kont immur man-nannu Bastjan u dejjem kont nara għadd kbir ta’ nies jilgħabu l-Polo. Ngħid id-dritt qatt ma stajt nifhem ir-regoli tal-logħba imma kont nieħu gost narah. Illum jekk ninzerta għaddej minn qrib il-Marsa u nilmaħ lil min jilgħab din il-logħba tinbet fija ċerta nostalġija.

Qaddisin u mhumiex
Iż-żiemel insibuh ukoll marbut ma’ xi qaddisin. Forsi l-aktar popolari huwa San Ġorġ. San Ġorġ bla żiemel narawh imma fl-ikonografija huwa aktar popolari biż-żiemel taħtu. Qaddis ieħor li spiss insibuh biż-żiemel taħtu huwa San Martin. Lil san Pawl ukoll ġieli nsibuh b’żiemel taħtu jew aħjar qiegħed jaqa’ minn fuqu. Dan juri l-qaddis fi triqtu lejn Damasku.

Il-monument ta' Garibaldi ġewwal-Gianicolo Ruma
Hawn Malta m’aħniex imdorrijin b’monumenti ta’ nies fuq iż-żiemel iżda barra minn pajjiżna naraw għadd bla qies minn dawn. Momument dejjem ifakkar xi persuna prominenti, importanti, kbira, li għamlet isem u unur. Bosta minn dawn il-monumenti juru lil xi ġwerrier, ġeneral jew kmandant t a’ xi armata. Jingħad li meta ż-żiemel ta’ taħt dawn il-persuni jkun jidher bl-erba’ saqajn mal-art ikun ifisser li dak il-bniedem li jidher fuqu jkun miet mewta naturali, meta ż-żiemel ikollu xi sieq jew tnejn ma tmissx mal-art ikun ifisser li miet waqt it-taqbid. Toqgħodux fuqi dwar din it-teorija, smajtha aktar minn darba imma mhux bil-fors li hija teorija tajba.

Illum iż-żiemel ma għadux jintuża wisq għax-xogħol u lanqas għadu jintuża għall-gwerer. Illum dan l-annimal jinżamm biss għad-delizju.

B’dawn il-ħsibijiet kollha bla ma rrid ngħid li kieku ż-żiemel ma kienx jeżisti fid-dinja, illum għandna mnejn għandna dinja differenti, għandna anqas monumenti, għandna inqas x’naraw.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2018



venerdì 8 settembre 2017

Mitt sena ilu

F’għajnejna, mitt sena huma medda twila ta’ snin għaliex meta nitkellmu fuq mitt sena ilu, ħadd minna ma jiftakar, imma għall-istoriċi mitt sena ma humiex wisq. Madanakollu mitt sena jafu jbiddlu d-dinja ta’ taħt fuq, bħalma fil-fatt ġara dawn l-aħħar mitt-sena.

Il-gwerra l-kbira
Mitt sena ilu d-dinja kienet għaddejja mill-ewwel gwerra dinjija, magħrufa ma’ ħafna bħala l-gwerra l-kbira. Din tabilħaqq kienet kbira għaliex sa qabilha l-gwerer kienu jinvolvu suldati u armati biss, iżda din il-gwerra involviet lil kulħadd. Kulħadd kellu jagħti sehmu, min b’ mod u min b’ ieħor, biex il-gwerra tiġi miġġielda. Ma kienx hemm età, min hu f’saħħtu jmur fuq il-kamp tal-gwerra u min ma jistax imur jista’ jagħmel xogħol ieħor reletat mal-gwerra  f’xi fabbrika. Għalhekk issejħet kbira din il-gwerra.

Arras
Arras 1917
Arras hija belt fit-tramuntana ta’ Franza. Din hija l-belt li fiha twieled Maximilien Robespierre, avukat politiku mill-aktar influenti fir-Revoluzzjoni Franċiża. Belt interesanti anke fl-isem tagħha għaliex kontra l-maġġoranza tal-kliem Franċiż, l-Esse tal-isem tiġi pronunzjata u għalhekk ma ngħidukliex “Arra” imma naqrawha kif tinkiteb.

Fil-bidu tas-sena 1917 l-Ingliżi u l-Franċiżi kienu għadhom ifittxu kif sejrin jidħlu waħda u sew fil-Ġermanja Nażista. Saru taqbidiet li ħadu l-ħajja ta’ bosta suldati iżda kollu ta’ xejn. Bejn id-9 ta’ April u s-16 ta’ Mejju 1917 saret it-tieni Battalja ta’ Arras. L-ewwel battalja f’din il-belt seħħet fl-1914 u fl-inħawi ta’ madwarha saru għadd ta’ battalji oħrajn. Matul il-gwerra din il-belt sofriet bosta telf mhux biss ta’ ħajjiet iżda anke ta’ bini. Fil-fatt tliet kwarti tal-belt kellha tinbena mill-ġdid wara l-gwerra.

Arras  kienet maħkuma mit-truppi Ġeramniżi waqt it-tieni gwerra dinjija.

Arras 2017
Illum, mitt sena mill-battalja ta’ Arras, din il-belt saret wħada ta’ attrazjoni turistika, l-aktar għaliex faċli tasal għaliha bil-karozza kemm minn Londra kif ukoll minn Brussell, sagħtejn ferrovija kollox. F’din il-belt wieħed jista’ jgawdi s-sbuħija ta’ arkitettura tal-post. Il-qalba tal-belt hija l-pjazza prinċipali, imsejħa Grand Place. Fiha wieħed jista’ jammira l-knisja ta’ San Gaston jew kif isejħulu l-Franċiżi, SArraaint Vaast. Din il-pjazza hija wkoll l-aktar ċentru kummerċjali tal-post u sa minn sekli ilu, jintrama s-suq fiha. Fiha jsir ukoll dak li jissejjaħ Il-Main Square Festival , fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju. Dan huwa festival ta’ mużika pop u rock li ilu jsir kull sena mill-2004 u llum daħal fil-kalendarju kulturali tal-belt.

X’differenza minn mitt sena ilu!

Fil-Portugall
Fatima 1917
Din is-sena qegħdin infakkru l-ewwel ċentinarju mid-dehriet li seħħew ġewwa Cova da Iria qrib ir-raħal ta’ Fatima fil-Portugall. Dan id-daqxejn ta’ raħal, mitt sena ilu kien post tal-bdiewa u raħħala, nistgħu ngħidu minsi mhux biss mid-dinja imma anke mill-Portugiżi stess. Xi jmorru jagħmlu ’l hemm? Ma kien hemm xejn. Imma l-istorja ta’ dan ir-raħal kellha tinbidel. Tlett ijiem qabel intemmet il-battalja ta’ Arras fi Franza, tlett itfal minn dan ir-raħal bdew jgħidu li kellhom dehra sopranaturali ta’ waħda mara liebsa l-abjad. Naħseb li lkoll nafuha l-istorja tad-dehriet tal-Maodnna ta’ Fatima.
Fatima 2017
Illum, mitt sena wara, dan ir-raħal inbidel u mhux talli ma għadux minsi mill-Portugiżi anzi sar magħrtuf mal-erbat ijieħ tad-dinja. Ix-xorti ta’ dan ir-raħal hija marbuta strettament mad-dehriet għaliex il-miljuni li jżuru dan il-post kull sena huma kollha pellegrini li jmorru biex jaraw b’ għajnejhom dan il-post għażiż. Illum anke l-bdiewa u r-rgħajja għebu minn Fatima u l-industrija prinċiapli tal-post hija t-turiżmu reliġjuż.

X’differenza minn mitt sena ilu!

Dawn huma biss żewġ każi li ġraw mitt sena ilu. Żewġt ibliet li nbiddlu għal kollox min dak li kienu seklu ilu. Arras minħabba l-gwerra u Fatima minħabab d-dehriet. Tiskanta d-destin ta’ belt jew raħal.
Min jaf in-nies ta’ Arras mitt sena ilu kemm kellhom qalbhom ittaqtaq, jibżgħu li kollox sejjer jintemm, belthom, darhom familthom. Kienu bosta d-djar u bini ieħor li ġġarraf, imma bid-determinazzjoni reġgħu ttellgħu biex illum jistgħu jiftaħru bihom u jixtgħu jaqsmuhom mat-truisti li jmorru jżuru lil din il-belt Franċiża.

Min jaf mitt sena ilu ir-raħaħla ta’ Fatima kemm iddubitaw mill-verità ta’ dak li keinu qed jgħidu tlett itfal żgħar mir-raħal tagħhom stess. Ma nagħtihomx tort għax mhux ħaġa li tiġri kuljum dak li ġara f’raħalhom! Min qatt kellu jgħidilhom li sa mitt sena wara din ir-roqgħa art se ssir magħrufa mad-dinaj kollha?

Le mhux wisq mitt sena għall-istoriku, imma huma biżżejjed biex ibbiddlu storja. Hawn rajna biss żewġ każi li seħħew sewwasew mitt sena ilu. Bħalhom hemm mijiet.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 9 ta' Settembru 2017







sabato 28 gennaio 2017

Wara Auchwitz

Auchwitz
Fis-27 ta’ Jannar tas-sena 1945 ġie meħlus minn idejn in-Nażisti l-aktar kamp ta’ konċentrament li baqa’ magħruf mad-dinja kollha, Auchwitz. Dan kien kamp ta’ xogħol mill-aktar inuman, żona ta’ qerda ta’ massiet ta’ nies. Kien fabbrika tal-mewt. Kien wieħed mill-istrumenti fil-politika ta’ Adolf Hitler biex iħassar darba għal dejjem il-ġens Lhudi minn wiċċ id-dinja. Wara l-fildiferru jxewwek ta’ dan il-kamp, ħallew ħajjithom madwar sitt miljun Lhudi. Id-dinja damet ma ndunat x’ kien qed jiġri mhux bogħod wisq mill-belt Pollakka ta’ Krakovja. Meta ndunat ħalfet li atti bħal dawn ma jsirux aktar mill-bnedmin! Imma kemm tassew Auschwitz għalaq kapitlu ikraħ fl-istorja tal-umanità?

Gwerer kbar
Gwerra tal-Vjetnam
It-tieni gwerra dinjija kienet ta’ mera għad-dinja kollha. Issa kien spiċċa ż-żmien tal-gwerer minn fuq dahar iż-żiemel, issa l-armamenti kienu ħafna u kapaċi jeqirdu ħafna wkoll. Madanakollu xorta d-dinja ma sabitx paċi wara nofs is-snin erbgħin tas-seklu li għadda. Ħalli naraw biss ftit mill-gwerer il-kbar li seħħew wara t-tieni gwerra dinjija. Fl-1950 bdiet il-gwerra fil-Korea, gwerra li baqgħet sejra għal tliet snin, li qatlet madwar miljun u nofs ruħ. Sentejn wara rajna l-bidu tal-gwerra tal-Vjetnam, gwerra li tawlet għoxrin sena, gwerra li kissret pajjiż u ħalliet ukoll miljuni bla ħajja. Matul dan iż-żmien seħħet il-gwerra ċivili ġewwa n-Niġerja, gwerra oħra li ġabet it-tmiem ta’ miljuni oħra ta’ nies. Niftakruha l-gwerra tal-Afganistan, għaxar snin ta’ taqbid, bejn l-1979 u l-1989 li wkoll ħalliet vittmi bla għadd. Il-gwerra tal-Golf, bejn l-Iran u l-Iraq seħħet bejn l-1980 u l-1988 filwaqt li fis-sena ta’ tmiem din il-gwerra bdiet dik tal-Kongo li spiċċat fl-2003. Dawn ukoll temmew il-ħajja ta’ miljuni ta’ suldati u ċittadini.  

Dawn huma biss sitt gwerer, sitta minn lista twila ta’ gwerer li seħħew wara tieni gwerra dinjija. Imma stenna ftit! Il-bniedem wara Auchwitz ma qalx DAQSHEKK? Imma kif qed naraw ma kien daqshekk xejn għax il-massakri baqgħu sejrin, mhux fil-kampijiet ta’ konċentrament imma fil-beraħ, sfaċċatament, madwar id-dinja kollha. Ma’ dawn ma semmejtx il-gwerra li għaddejja fis-Sirja.
Allura minn Auchwitz ma tgħallimna xejn?

 F’ barrakka ta’ Auschwitz
Fid-daħla ta’ waħda mill-barrakki li hemm ġewwa l-kamp ta’ konċentrament ta’ Auscwitz hemm tabella bil-kliem li fi lsienna jfisser hekk: Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kkundannati li jeġgħu jgħixuh. Frażi mimlija għerf li ħarġet mill-pinna tal-filosfu George Santayana. Din it-tabella qed tistieden lil min iżur dan il-post tal-waħx, biex ma jħallix lid-dinja tinsa dak li seħħ hemmhekk, imma tibqa’ tiftakar għaliex jekk le l-istorja tirrepeti ruħha.

Kemm fis-sewwa kollu, id-dinja ftakret l-imgħoddi? Din hija mistoqsija retorika li ma titlob l-ebda tweġiba għaliex l-istorja twieġeb għaliha.

Illum
Il-liġijiet razzisti kontra l-Lhud tas-snin tletin li ħolqu n-Nażisti fil-Ġermanja u aktar tard ikkuppjawhom il-Faxxisti Taljani, aktarx kienu frott ta’ patriottiżmu sfrenat. Il-Lhud kienu ilhom jgħixu fil-Ġermanja u fl-Italja, bħalma kienu jgħixu fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Iżda minkejja li kienu ċittadini Ġermaniżi jew Taljani jew Pollaki jew Ungeriżi jew kienu x’ kienu, xorta baqgħu Lhud. Is-sens ta’ nazzjonaliżmu fihom eskludihom mill-kumplament tad-dinja. Baqgħu jgħixu daqslikieku qegħdin Ġerusalemm minkejja li kienu Berlin, Varsavja, Budapest jew Milan. Baqgħu jiżżewġu lil xulxin u jgħixu ħdejn xulxin, bieb ma’ bieb, b’ mod li ħolqu komunitajiet għalihom, minkejja li kienu ċittadini tal-pajjiż daqs l-oħrajn, kienu jħallsu t-taxxi bħall-oħrajn, iżda baqgħu ma integrawx u għalhekk x’ ħin iltaqgħu żewġ kurrenti opposti splodew, iżda minn kien l-iżgħar kien l-aktar li bata.
Din ir-realtà qed nerġgħu narawha llum madwarna. Inbiddlu l-atturi, inbiddlu l-kostumi u nbidel l-irtokk, imma t-trama tad-dramm hija identika, anzi hija l-istess waħda. Żewġ kurrenti li qed jonfħu kontra xulxin.

Irridu inkunu saqajna mal-art! Irridu nirraġunaw. Ħalli nġib eżempju banali! Tipretendi li tistedinni l-President ta’ Malta biex immur niekol magħha u jien immur bil-flipflop? U waqt l-ikel tistenna li noħroġ il-mus mill-but u naqta’ l-laħam ta’ ġol-platt bih għax jaqta’ iktar mis-sikkina li hemm fuq il-mejda? Jekk id-dar noqgħod bil-flipflop u l-laħam naqtgħu bil-mus, ma jfissirx li dan huwa l-mod li għandi nġib ruħi bih meta ma nkunx id-dar. Irrid inġib ruħi skont il-post li qiegħed fih. Ladarba ma nkunx f’ dari rrid naddatta ruħi jien mhux ħaddieħor jadatta ruħu għalija.

Auchwitz mill-ġdid
Kull sena niftakru f’ dawk maqtulin f’ Auschwitz, u hekk xieraq, biss wara Auscwitz seħħew stejjer kbar anke ta’ ġenoċidji oħrajn. Wara t-tmiem ta’ Auscwitz seħħew atroċitajiet kbar fid-dinja li meta ngħalaq il-bieb ta’ dan il-kamp ta’ konċentrament il-bniedem kien qal daqshek, qatt aktar ma jseħħu, biss ġie fi kliem George Santayana, ma damx ma nesa l-imgħoddi u ġie kkundanant jerġa’ jgħixu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 28 ta' Jannar 2017



giovedì 24 gennaio 2013

Tislima lill-ġurnalisti


Fil-festa ta’ San Franġisk de Sales



X’hemm isbaħ milli tqum filgħodu, tmur fil-kċina, tagħmel tazza kafè, tixwi biċċa ħobż u tiftaħ il-gazzetta jew  tixgħel ir-radju jew it-televiżjoni u waqt li taqra jew tisma’ l-aħbarijiet tigdem gidma ħobż mixwija u tixrob belgħa kafè? Ngħid għalija dan huwa l-isbaħ mod kif nibda l-ġurnata.


Imma biex nibda l-ġurnata hekk irrid l-għajuna ta’ bosta nies. Jekk il-bidwi ma jiżrax qamħ, jekk it-taħħan ma jitħanx dqiq jekk il-furnar ma jaħmiex , il-ħobż ma nkunx nista’ nsibu fuq il-mejda tal-kċina tiegħi. Jekk il-kafè ma jinżerax, ma jinħasadx, ma jkunx proċessat u mibjugħ, ma nkunx nista’ ngawdih kull filgħodu. Kollox għandu proċess li jinvolvi għadd ta’ nies. U l-istess bħall-ħobż u l-kafè huma l-aħbarijiet li naqra fil-ġurnal jew li nisma’ fuq ir-radju jew fuq it-televiżjoni. Dawn jasluli għax hemm bosta nies li jaħdmu biex ikollna dan is-servizz.

Tassew li l-gazzetta filgħodu nixtruha mingħand tal-ħanut, u lil dan tasallu mill-istamperija,  imma kieku ma jkunux il-ġurnalisti li jaħdmu biex iwasslulna dak li qiegħed jiġri fid-dinja, il-gazzetti jibqgħu vojta, l-aħbarijiet fuq ir-radjijiet, televiżjoni jew internet ma jkunu jistgħu jwasslu xejn.

San Franġisk ta' Sales
Propju llum, 24 ta’ Jannar hija l-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales. Dan il-qaddis Franċiż li għex bejn l-1567 u l-1622 huwa l-qaddis patrun tal-ġurnalisti u tal-awturi. Huwa kiteb għadd ta’ kitbiet u kien jikteb fuljetti u jqassamhom bil-għan li jikxef l-iżbalji tal-Kalvinisti. Kien ibbeatifikat mill-Papa Alessandru VII fl-1661 u kanonizzat mill-istess Papa fl-1665. Fl-1923 il-Papa Piju XI ipprokklamah bħala l-qaddis patrun tal-ġurnalisti, l-awturi u l-kittieba. Huwa qaddis Kattoliku imma meqjum ukoll minn xi komunitajiet Protestanti.

Nerġgħu lura għall-ġurnalisti propju fil-festa tal-qaddis patrun tagħhom. Illum aħbar taslilna ftit sekondi wara li tkun seħħet u dan grazzi għat-tekonoloġija moderna u grazzi għal dawk li jiktbu l-aħbar li tkun trid titwasslilna. Jeżistu agenziji, kemm internazzjonali kif ukoll fuq skala nazzjonali, li x-xogħol tagħhom huwa li jwasslu dak li jiġri fid-dinja jew fil-pajjiż. Dawn l-aġenziji jibgħatu l-aħbar mill-iktar fiss possibli u jibqgħu jaġġornawha minn ħin għall-ieħor. Il-ġurnalist jiktibha fi kliemu u jaġġornaha kull meta l-aġenziji tal-aħbarijiet jibgħatu aġġornament. Il-ġurnalist jagħmel ħafna xogħol li wara jkollu jinbidel sabiex l-aħbar tkun kemm jista’ jkun preċiża. Hemm ġurnalisti li jkunu korrispondenti speċjali, ġurnalisti li jgħixu fil-post u hemm ġurnalisti mibgħuta speċjali li jmorru fuq il-post meta sseħħ xi ħaġa li jkollha valur ta’ aħbar.

F’ Diċembru kont qed nisma’ taħdita minn għadd ta’ ġurnalisti internazzjonali. Kien hemm ġurnalist ta’ Rai 3, ħaddiem tal- aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet Associated Press, ħaddiem mal-aġenzija nazjonali Vatican News u ġurnalista Kanadiża free lancer (ġurnalista li ma hija marbuta mal-ebda stazjon jew ġurnal imma taħdem għal rasha ma’ diversi stazzjonijiet u ġurnali). Dak li l-aktar impressjonani minn din il-laqgħa kienet li dak li naraw fuq it-televiżjoni jew li naqraw fil-ġazzetti, dawn il-ġurnalisti jridu jgħixuh huma qabel iwassluh lilna. Wieħed ġurnalist minnhom irrakontalna grajjiet meta kien mibgħut l-Afganistan waqt il-gwerra u ta’ meta kien qed iwassal il ġrajjiet tal-Eġittu u l-Libja waqt l-irvellijiet ta’ sentejn ilu. Dawk li konna qegħdin nisimgħu intbaħna bil-periklu li l-ġurnalisti jpoġġu lilhom innifishom fih biex iwasslulna dak li jkun qed jiġri. Forsi aħna ftit jiġi f’ moħħna li waqt li naraw xeni ta’ gwerra, ikun hemm bniedem qiegħed jiġbed il-film jew ir-ritratti ta’ dak li jkun qiegħed iseħħ u jkun hemm oħrajn qegħdin jiktbu dak li jkunu qegħdin jaraw. Dawn it-talin bl-ebda mod ma għandhom garanzija li ma jistgħux jispiċċaw huma stess vittmi. Fil-fatt bosta drabi ġurnalisti spiċċaw tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirhom. Oħrajn ikunu maqtula. Skont il-Kumitat biex jipproteġi l-Ġurnalisti, is-sena li għaddiet inqatlu 103 ġurnalist waqt il-qadi ta’ dmirhom, 70 minnhom b’ motiv konfermat.  Bosta oħrajn kienu sekwestrati, misruqa u imsawta jew trattati ħażin.  (ara http://cpj.org/killed/2012/)

Iva dan kollu biex ikolli l-gazzetta fuq il-mejda filgħodu kmieni, dan kollu biex ħin niftaħ ir-radju jew nixgħel it-televiżjoni jew l-internet inkun naf x’inhu jiġri fid-dinja. Bosta drabi lanqas biss naħseb f’kemm nies taw sehemhom biex jien inkun nista’ nkun naf dan kollu. Grazzi għeżież kollegi u San Franġisk ta’ Sales iħariskom.

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon
24 ta' Jannar 2013