Visualizzazione post con etichetta Catania. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Catania. Mostra tutti i post

venerdì 1 giugno 2018

Tagħna l-akbar festa!


Kemm-il darba nisimgħu min jargumenta dwar il-festi u kemm-il darba smajna min jgħid li tiegħu hija l-akbar festa. Araw ma taħsbux li llum sejjer inkun jien li niddeċiedi liema hija l-akbar jew l-isbaħ festa li ssir f’pajjiżna. Kulħadd tiegħu jara l-isbaħ, l-aqwa u l-akbar! Imma llum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar l-akbar tliet festi reliġjużi li jiġbdu nies lejhom.

Corpus Domini
Corpus Domini ġewwa Cusco
L-aktar festa reliġjuża li għaliha jattendu nies fid-dinja hija dik li ssir ġewwa Cusco (jew Cuzco) ġewwa l-Peru. Din il-belt fix-Xlokk tal-pajjiż fiha popolazzjoni ta’ aktar minn 435,000 ruħ. Belt waħda li hija aktar popolata minn Malta kollha.  Il-festa ta’ Corpus f’din il-belt tibda billi mill-parroċċi qrib tal-katidral ta’ Cusco jinġiebu l-istatwi tal-qaddisin patruni tagħhom. B’kollox ikun hemm ħmistax-il statwa ta’ qaddis, qaddisa jew Madonna li jitpoġġew fil-katidral. Fil-jum ta’ Coprus dawn l-istatwi jinħarġu wara xulxin u jitpoġġew fil-pjazza ewlenija ta’ din il-belt li ġġib l-isem ta’ Plaza de Armas . Hemmhekk jistennew li tgħaddi l-purċissjoni bis-sagrament. L-isfera li fiha jitpoġġa s-sagrament hija tad-deheb mastizz, għolja metru u 26 ċentimetu u tiżen 26 kilo. Wara l-purċissjoni l-istatwi tal-qaddisin jittieħdu lura fil-katidral fejn jibqgħu għal ġimgħa sħiħa, wara din il-ġimgħa jittieħdu lura fil-parroċċi tagħhom.

Din il-festa li kellha l-bidu tagħha mal-wasla tal-Ispanjoli fil-post, tgħaqqad il-profan mas-sagru u għalhekk insibu bosta drawwiet tradizzjonali marbuta mal-festa. Huwa stmat li aktar minn miljun ruħ, kemm Peruvjani kif ukoll barranin,  jieħdu sehem f’din il-festa kull sena.

Il-Ġimgħa l-Kbira ta’ Sevilja
Il-Ġimgħa l-Kbira ta’ Sevilja
It-tieni l-akbar festa li tiġbed nies lejha hija l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li ssir fil-belt Spanjola ta’ Sevilja. Din hija l-avveniment reliġjuż u folkloristiku l-aktar importanti f’din il-belt li jiġbed lejh nies mid-dinja kollha. Il-festa jew aħjar iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew nhar Ħadd il-Palm u jibqgħu sejrin sa Ħadd il-Għid. Madwar sittin fratellanza jġorru f’purċissjoni xi statwa li turi xi waqt mill-passjoni ta’ Kristu. Ħafna abitanti ta’ Sivilja jakkumpanjaw dawn il-purċissjonijiet u jilbsu l-kunfratija bil-barnuż li jgħattilhom wiċċhom. Dan ma jkunx bħall-barnuż li jilbsu dawk li jagħmlu xi wegħda fil-purċissjonijiet ta’ Malta, imma jkun illamtat b’tali mod li jiġi wieqaf donnu lenbut twil fuq rahom. Xi wħud iġorru xemgħat twal f’idejhom, oħrajn ċnieser li fihom jaħarqu l-inċens u oħrajn slaleb. Dawn il-fratelli jissejħu Nazareni.

Ħalli issa niċċara ħaġa. Fil-paragrafu ta’ fuq ktibt “Il-purċissjoni” imma fil-verità matul din il-ġimgħa ma ssirx purċissjoni waħda imma jsiru għadd ta’ purċissjonijiet. Mhux l-iskop tiegħi li nagħti dettall sħiħ dwar dawn il-purċissjonijiet għaliex tant hemm x’wieħed jgħid li jekk tibda ma tkunx taf fejn sejjer tieqaf. Imma ngħidu wkoll li din il-ġimgħa hija popolari mhux biss mal-Ispanjoli ta’ Sevilja jew tal-qrib imma ma’ bosta oħrajn li jżuru din il-belt għal din il-festa. Bosta Maltin ukoll imorru biex jaraw b’għajnejhom dak li jseħħ hemmhekk. Dawn jingħaqdu mal-Ispanjoli, mal-Ewropej kif ukoll ma’ dawk li jiġu min-naħa l-oħra tal-oċean biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment li wkoll ilaħħaq il-miljun ruħ fil-parteċipazzjoni.

Sant’ Agata ta’ Catania
Sant’ Agata ta’ Catania
L-akbar festa fl-Italja hija dik li ssir lill-qaddisa Agata fil-belt ta’ Sqallija, Catania.  Imma attenti, hawnhekk isiru żewġ festi lil din il-qaddisa, waħda fi Frar u oħra f’Awwissu. Dik li se nitkellmu dwarha hija dik li ssir fi Frar. Il-festi prinċipali jsiru bejt it-3 u l-5 ta’ dan ix-xahar. Kull Kataniż iħossu fid-dmir li f’dawn il-jiem jerġa’ lura lejn beltu jekk ikun bogħod minn daru. Hemm aktar minn purċissjoni waħda marbuta ma’ din il-festa imma l-akbar waħda hija dik li toħroġ f’jum il-festa fejn tibqa’ barra l-lejl kollu.

Nar, baned, spettakli, dwal u ikel jiddominaw din il-festa kbira li għaliha jkun hemm bosta u bosta Maltin ukoll. Ma ninsewx li wara kollox din hija festa reliġjuża u għalhekk ikun hemm il-parti fil-knisja wkoll fejn issir ċelebrazzjoni li fiha minbarra numru kbir ta’ saċerdoti jkun hemm l-isqfijiet kollha ta’ Sqallija.

Ħaġa li wieħed jinnota dlonk kif iżur din il-fesa hija n-numru ta’ rġiel u nisa lebsin libsa qisha kunfratija qasira bajda u speċi ta’ beritta sewda f’ rashom. L-irġiel b’dan l-ilbies iġorru l-istatwa ta’ Sant’ Agata jew xi xemgħa kbira li tkun tiżen anke 150 kilo. Għal din il-festa jattendu aktar minn seba’ mitt elf ruħ.

Dawn kienu l-akbar tliet festi reliġjużi li jiġbdu nies lejhom fid-dinja. Issa inti minn fejn inti meta tgħid li tiegħek hija l-akbar festa żomm sewwa f’moħħok dawn it-tliet festi kbar u jekk b’fommok tgħid li tagħkom hija l-akbar festa, ġo moħħok għid li għandha mnejn li hija r-raba’ l-akbar festa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artikluj deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Ġunju 2018








giovedì 8 febbraio 2018

Sant’ Agata

Hekk kif jintemm ix-xahar ta’ Jannar bosta Maltin saru jfittxu li jitilgħu sa Catania fi Sqallija għall-festa ta’ Sant’ Agata, fejn issirlha festa mill-akbar. Imma kemm hemm minna li jafu xi ħaġa dwar din il-qaddisa u l-kult tagħha?

Il-qaddisa
Sant'Agata
Agata kienet xebba minn Sqallija, sewwasew minn San Giovanni Galermo, kwartier tal-belt ta’ Catania. Jingħad li għexet fl-ewwel nofs tat-tielet seklu u ħadet il-martirju waqt it-tmexxija tal-Prokonslu Quinziano fis-sena 251 meta kienet għaddejja l-persekuzzjoni tal-Imperatur Decju.
Jingħad li l-familja ta’ Agata kienet waħda għanja li ħaddnet il-fidi ta’ Kristu u baqgħet soda fiha anke quddiem it-theddida tal-mewt. Ix-xebba Agata, ta’ inqas minn għoxrin sena ħadet il-martirju billi nqatgħalha sidirha barra.

Sena wara l-martirju bdiet id-devozzjoni lejha u minħabba l-qima kbira li kellha, il-fdalijiet tagħha kienu meħudin Kostantinopli. Fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 1126 il-fdalijiet tagħha reġgħu ttieħdu lura f’Catania, il-belt li ratha titwieled u tieħu l-martiju.

Rabtiet ma’ Malta
It-tradizzjoni tgħid li Agata kienet ġiet Malta biex taħrab mill-ħruxija tal-peresekuzzjoni. Fil-fatt hija waħda mill-qaddisin patruni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Xbieha tagħha nsibuha minquxa fil-ġebel fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-bieb ewlieni tal-belt l-antika ta’ Malta, l-Imdina. Hemmhekk din il-qaddisa tidher ma’ San Pawl u San Publiju, Isqof ta’ Malta, li huma wkoll patruni tagħna.
Il-kappella u d-daħal tal-katakombi ta' Sant' Agata fir-Rabat
Ġewwa l-iswar tal-Imdina insibu kappella ddedikata lil din il-qaddisa.  Fir-Rabat ta’ Malta insibu żewġ kappelli li għandhom lil din il-qddisa bħala titulari tagħhom; waħda fil-katakombi li jġibu l-isem tal-qaddisa u oħra sewwasew fuq dawn l-istess katakombi. Kappella oħra ta’ Sant Agata nsibuha fl-inħawi ta’ Bubaqra lejn iż-Żurrieq.
Forsi ftit huma dawk li jafu li t-torri li nsibu hekk kif inħallu l-bajja tal-Għadira u nibdew nersqu lejn il-Marfa, dak li kulħadd isejjaħli t-Torri l-Aħmar, ismu propja huwa t-Torri ta’ Sant’ Agata.
Billi l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jinsab mal-kappella ta’ din il-qaddisa ġewwa r-Rabat, bosta jsejħulu bl-isem ta’ Sant’ Agata. Biex ngħidu d-dritt id-dar ċentrali (mother house) tas-Soċjetà Missjunaraja ta’ San Pawl li tmexxi dan il-kulleġġ jisimha Sant’ Agata wkoll.

Dawn huma xi wud mir-rabtiet li nsibu f’pajjiżna ma’ din il-qaddisa.

F’Catania
Catania fil-festa ta' Sant' Agata
Il-festi fil-gżira ta’ Sqallija jixbħu xi ftit jew wisq lil dawk tagħna, jew forsi jkun aħjar jekk ngħidu li l-festi tagħna għandhom l-għeruq tagħhom f’dawk Sqallin. Fil-bidu ta’ Frar Catania tilbes il-libsa festiva biex tfakkar lil din bintha. Dwal, nar, fratelli, purċissjonijiet, daqq u l-kumplament. Ma’ dan kollu jingħaqdu nies mhux biss minn kull parti ta’ Sqallija kif ukoll mill-Italja imma bosta turisti minn kull parti tad-dinja. Pajjiżna mhux eċċezzjoni anzi nistgħu ngħidu li jkun hemm numru kbir ta’ Maltin għax għalina hija faċli iżjed minn ħaddieħor biex naslu Catania.

Il-festi jisvolġu bejn it-3 u l-5 ta’ Frar. Fl-ewwel jum kemm l-awtoritajiet ċivili kif ukoll iċ-ċittadini u turisti jingħaqdu f’purċissjoni għall-għotja tax-xemgħat. Il-jum jintemm bi spettaklu pirotekniku mill-isbaħ. L-għada filgħodu ssir quddiesa u wara jinħareġ il-bust tal-qaddisa li jkun ilu sena msakkar. Dan jinġarr madwar il-belt kollha; purċissjoni li tibda filgħodu u tintemm tard ħafna filgħaxija. F’jum il-festa kulħadd jattendi għall-quddiesa li ssir fil-Katidral iddedikat lill-qaddisa. Din il-quddiesa titqaddes mill-Isqfijiet Sqallin kollha u magħhom jingħaqdu numru kbir ta’ saċerdoti, sqallin kif ukoll barranin. Wara terġa’ ssir purċissjoni oħra bl-istatwa ta’ Sant Agata, mhux twila daqs dik tal-jum ta’ qabel, imma lanqas nistgħu ngħidu li tkun qasira.

Festa oħra lil Sant’ Agata terġa’ ssir f’Awwissu biex jitfakkar meta reġgħu nġiebu lura l-fdalijiet tal-qaddisa minn Kostantinopli, imma din il-festa hija waħda żgħira ħdejn dik ta’ Frar.

Għajn ta’ għajnuna
Il-festa ta’ Sant’ Agata tiġġenera bosta kummerċ fil-belt ta’ Catania. Il-lukandi tista’ tgħid ikunu mimlijin kollha. In-numru kbir ta’ turisti jew pellegrini, għidilhom li trid, iridu jieklu u għalhekk mal-lukandi jgawdu wkoll il-ħwienet tal-ikel. Imorru tajjeb ukoll il-ħwienet tas-souvenirs, ix-xufiera tat-taxi, il-bejjiegħa tal-monti u min jaf min aktar. Insomma l-festa ta’ Sant’ Agata iġġib il-ġid għan-nies ta’ Catania. Dan il-perjodu huwa meqjuż bħala “Peak season” u anke l-prezzijiet tal-lukandi u tal-biljetti tal-ajru jkunu ogħla minn dawk ta’ ġimgħat oħra matul ix-xitwa.

Żjara Catania għal Sant’ Agata żgur tibqa’ tiftakarha għax hija festa mħallta b’kollox, fidi, kultura, arti u dak kollu li jagħmel festa. Ta’ min iżurha xi darba!


Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  3 ta' Frar 2018

venerdì 30 dicembre 2016

Lejlet l-ewwel tas-sena

L-aħħar jum tas-sena huwa lejlet l-ewwel jum ta’ sena ġdida. Matul il-lejl ta’ dawn il-jumejn, madwar id-dinja jsiru bosta ċelebrazzjonijiet biex isellmu s-sena li tkun waslet biex tintemm u jilqgħu s-sena l-ġdida, dejjem b’ tamiet li din tkun aħjar minn dik li ser tispiċċa.  F’ bosta pajjiżi din il-lejla tkun iċċelebrata f’ attivitajiet soċjali fejn dak li jkun jista’ jmur jixrob, jiekol u jiddeverti. F’ ħafna bliet isiru attivitajiet f’ xi pjazza prinċipali fejn jispikkka l-logħob tan-nar.

Fejn tibda u fejn tispiċċa
Mappa li turi ż-żoni differenti tal-ħin fid-dinja
L-ewwel art li tiċċelebra tmiem is-sena u allura l-bidu ta’ dik ġdida hija l-gżira Samoa, fl-Oċean Paċifiku, filwaqt li fost l-aħħar li jseħħ dan l-avveniment insibu gżira oħra bl-isem ta’ Baker Island fil-Paċifiku wkoll. Għandna mnejn naħsbu li dawn iż-żewġ gżejjer huma imbegħdin minn xulxin iżda fil-verità ma humiex. Hemm biss ftit aktar minn elf u ħames mitt kilomtru bejniethom. Allura kif ma jibdewx is-sena flimkien? Tinsewx li d-dinja hija tonda u f’ diversi żoni hemm ħin differenti. Issa l-ġżira Samoa tinsab aktar bogħod mill-Awstralja u żżomm il-ħin ta’ dik iż-żona filwaqt lil-gżira Baker hija aktar ’il bogħod mill-Amerika u żżomm il-ħin ta’ dik iż-żona. Nafu li l-ħinijiet bejn dawn iż-żewġ żoni jvarjaw sa 24 siegħa. Issa billi d-dinja hija tonda, it-tarf taż-żona tal-ħin li fiha nsibu s-Samoa u t-tarf taż-żona tal-ħin li żżomm Baker Island ivarjaw b’ 24 siegħa. Għalhekk dan il-lejl ma jkunx iċċelebrat flimkien f’ dawn iż-żewġ gżejjer. Forsi mhux faċli tifhem dan li għadni kif fissirt, jekk ma fhimtnix toqgħodx tħabbel rasek; tirrovinax il-festi tal-aħħar tas-sena minħabba fija!


Ċelebrazzjonijet fit-toroq
Is-safar matul dawn il-jiem ta’ vaganzi sar popoalri anke magħna l-Maltin. La nkunu barra mill-pajjiż dlonk nindunaw bi drawwiet li huma differenti minn dawk tagħna. L-aktar li jispikka fiċ-ċelebrazzjonijet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena huwa l-logħob tan-nar. Sa ftit snin ilu f’ pajjiżna ma kienet isir l-ebda attività tal-massa f’ għeluq is-sena, imma minn ftit snin ilu ’l hawn bdew isiru wkoll. Minkejja li aħna magħrufin għal-logħob tan-nar, il-lejl ta’ lejlet l-ewwel tas-sena għadu xi ftit nieqes minn dan l-ingredjent li huwa importanti ħafna fi bliet Ewropej oħra. Jien inzertajt kont f’ xi bliet Ewropej matul dan il-lejl: Catania inzertajt il-festa tan-nar, festa del fuoco, spettaklu ta’ mużika, nar u varjetà li qatt ma tista’ tinsa. Budapest, f’ silġ u kesħa xxoqq il-għadam, attendejt għal spettailu ta’ dawl, lazer, mużika u logħob tan-nar. Durres ġewwa l-Albanija inzertajt darbtejn f’ dan il-lejl u hemmhek rajt kunċerti mużikali u varjeta u logħob tan-nar anke f’ idejn it-tfal. Darba kont Foligno, fl-Umbria l-Italja. Hemm joħorġu jiċċelebraw fit-toroq u jaħarqu stoppini wkoll.  Kont anke Napli f’ dan il-lejl, il-belt famuża għal-logħob tan-nar matul dan il-lejl. F’ din il-belt rajt sema kollu lwien. Idoqq nofsillejl u kulħadd jiftaħ ix-xampanja. Żewġ minuti wara jibdew jinħarqu l-murtali tal-kulur u sa ftit wara l-ebda parti mis-sema ma jkun għadu mdallam, kollu jinxtegħel bil-logħob tan-nar. Mhux faċli tfisser dik ix-xena bil-kitba. Sfortunatament hawnhekk anke b’ armi tan-nar jiċċelebraw u jisparawhom fl-arja biex jagħmlu l-ħsejjes. Ġieli kien hemm konsegwenzi koroh ukoll.

 L-Italja hemm id-drawwa li matul dan il-lejl dak li jkun jeħles minn dak li ma jkollux aktar bżonn u għalhekk iwaddbuh ’l barra minn xi tieqa. Ħażin għalih min jinzerta taħt dik it-tieqa. Ma tantx hi drawwa sabiħa, imma dik hi!

Ikel
Dan huwa lejl li fih bosta joħorġu jieklu barra. L-Italja bħal din il-lejla ssir iċ-Cenone di San Silvestro. Ikel ikel u aktar ikel, kollox ftit għax kieku ma tasalx sat-13-il platt. Ġewwa l-Ingilterra dan il-lejl ikun iċċelebrat fil-ħwienet tax-xorb. Hemmhekk ikunu organizzati festini b’ ikel u xorb. Bħalhom jagħmlu l-Iskoċċiżi iżda aktarx li minflok birra jkollhom il-whiskey fit-tazzi tagħhom. Fi Spanja din il-lejla tibda fil-familja billi ssir l-ikla tal-aħħar tas-sena li jew tkun tikkonsisti f’ gambli u ħut jew inkella ħaruf, skont il-gosti tal-familja. Hawnhekk għandhom ukoll id-drawwa li waqt li jkun qed idoqq nofsillejl, jittieklu tnax-il għenba, waħda ma’ kull tokk. Ġewwa Franza ssir ikla bħal dik ta’ lejlet il-Milied. F’ din l-ikla aktarx jispikka l-frott tal-baħar u l-patè tal-fwied kif ukoll ix-xampanja. Insomma kull pajjiż għandu d-drawwiet tiegħu fejn jidħol l-ikel. Kulħadd jiekol u jibla, issa d-dieta nibdewha pitgħada!

Auld Lang Syne
F’ din il-lejla tinstama’ d-diska bl-isem Auld Lang Syne, poeżija Skoċċiża li kiteb Robert Burns fl-1788 u tindaqq fuq melodija tradizzjoanli antika. Din id-diska tindaqq l-aktar fil-pajjiżi li jitkellmu l-Ingliż, bħalna u issellem l-antik u tilqa’ lill-ġdid; illejla ssellem is-sena l-qadima u tagħti merħba lil dik ġdida.

Bħal bosta ħwejjeġ oħra, dan it-tmien huwa wkoll bidu. Lejlet l-ewwel tas-sena huwa tmiem u stennija ta’ bidu, bit-tama li dak li ġej ikun aħjar minn dak li għadda. Awguri minn qalbi!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 31 ta' Diċembru 2016