Visualizzazione post con etichetta funerali. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta funerali. Mostra tutti i post

sabato 6 novembre 2021

Fix-xahar tal-erwieħ


Novembru huwa x-xahar li l-Knisja Kattolika tiddedikah lill-erwieħ, lil dawk li mietu qabilna. L-ewwel jum tax-xahar ikun iddedikat lill-qaddisin kollha, u biex wieħed ikun qaddis irid ikun temm il-vjaġġ tiegħu fuq din l-art, u t-tieni jum ikun marbut mal-mejtin, mal-erwieħ li għalqu għajnejhom darba għal dejjem. Biss ix-xahar kollu huwa marbut ma’ dawk li ġew imsejħa mill-Mulej u għalhekk iċ-ċimiterji jkunu aktar frekwentati. 

Biża’

Il-biża’ mill-mewt u milll-mejtin hija universali b’hekk insibuha f’ħafna mill-kulturi u fin-nies madwar id-dinja. Xi wħud jemmnu li l-mejjet għandu l-abbiltà li jintervjeni fil-ħajja tal-ħajjin biex jirranġa jew ipatti għad-dnubiet imwettqa meta kien ħaj jew biex tgħinu jeħles mill-Purgatorju billi jitolbu għalih. Il-Knisja ppruvat tħeġġeġ dan id-drawwa billi waqqfet ġurnata speċifika biex tagħmel dan, sewwasew fit-2 ta’ Novembru, l-hekk imsejjaħ Għid tal-Imwiet.

Il-lewn assoċjat mal-mewt minn dejjem kien l-iswed. Dan il-kulur huwa l-oppost tal-abjad li jfisser dawl li jġib il-ferħ. Il-Konċilju Vatikan II li sar fis-snin sittin tas-seklu li għadda, ħeġġeġ li fil-liturġija tal-funerali jibda jintuża l-lewn vjola li wkoll ifisser sogħba, niket u penitenza. Fil-fatt il-vjola huwa l-lewn liturġiku li jintuża fl-Avvent u fir-Randan, żmien li ma mhuwiex ta’ ferħ.

Imma għaliex din il-biża’ tal-bniedem mill-mewt?

Il-fatt li ħaġa ma tkun taf xejn dwarha normalment tbeżżgħek. Tifel jew tifla fl-ewwel jum tal-iskola ħafna drabi jibku għax ikunu ser jinfirdu minn dawk li jgħixu magħhom u jħossuhom żguri fil-kumpanija tagħhom. Fl-iskola ma jkunux jafu x’ser isibu, ma’ min ser jiltaqgħu, kif ser tkun il-ġurnata u għalhekk jinbet il-biża’. L-istess il-mewt. Ħafna drabi dak li jkun mhux jibża’ mill-mejjet imma jibża’ mill-fatt li hu wkoll xi darba jrid ikun bħal dik il-persuna li tkun ħelset minn dan il-wied ta’ dmugħ. Tassew ironija din li nsejħu l-ħajja wied ta’ dmugħ imbagħad ħadd ma jixtieq jitlaq minnu minkejja li ngħidu li huwa wied ta’ dmugħ!

Funerali

Ladarba qed insemmu dan ix-xahar u l-erwieħ, tajjeb insemmu xi ħaġa dwar il-funerali minkejja li dawn ma jsirux biss f’Novembru imma maul is-sena kollha. Tajjeb inżommu f’rasna li funeral huwa biss tislima xierqa li min “ġabar l-għodda” u mar jistrieħ. Allura dan ma għandux ikun spettaklu imma ritwal reliġjuż. Ġieli min ikun qed jorganizza funeral ta’ xi ħadd għażiż għalih, bix-xewqa li jagħti l-aqwa tislima aħħarija lil dak li jkun, jinsa dan u għalhekk nispiċċaw b’funerali li aktar tista’ ssejħilhom spettaklu milli tislima ta’ waqt ta’ niket.

Ġieli jkun hemm funerali li fihom fuq iz-zuntier tal-knisja tindaqq xi diska jew innu li l-mejjet jew mejta kienu jħobbu. Imma dak li hemm fit-tebut ser jisma’ d-diska? Nisperaw li jkun diġà qed jisma’ l-kori tal-anġli! Rajna aktar minn hekk u ma nixtieqx nikkummenta għax ma rridx li xi ħadd jieħu fastidu bil-kitba tiegħi.

Drawwa li kienet inqatgħet għal kollox kienet il-ġarr tat-tebut bil-karru miġbud miż-żwiemel. Għal bosta snin dawn il-karrijiet inqatgħu għal kollox imma minn xi snin ilu reġgħu ngħataw permess jintużaw. Imma llum, fis-sena 2021, kemm hu prattiku li tuża ż-żwiemel għal funeral? Ladarba hemm il-karozzi x’sens fiha li terġa’ taqla l-karru tal-mejtin miġbud miż-żiemel u tużah? Jekk dak li jkun jifhem li funeral huwa att liturġiku, żgur li ma jgħaddix minn moħħu l-ħsieb tal-karru funebri miġbud miż-żwiemel.

Ironija

Ippermettuli nsejjaħ ironija drawwa li nsibu f’pajjiżna. Biex ngħid id-dritt ma nafx hux pajjiżna biss, imma ejjew ngħidu li hija drawwa Maltija. Minkejja l-biża’ kollha mill-mewt u mill-mejtin, għad li ma nieħdux gost nitkellmu fuq suġġett bħal dan li jista’ jkun ukoll makabru, fix-xahar ta’ Novembru nsibu ħelu msejjaħ “Għadam tal-mejtin!” Naħseb ilkoll nafu għal liema ħelu qed nirreferi, dawk il-pasti qishom figolli, forma ta’ għadam miksijin b’ġelu abjad. Ikolli ngħid li għad li l-mewt tbeżża’, dan il-ħelu jħobbuh il-maġġoranza tal-Maltin.

Ironija oħra li nara hija meta xi individwi waqt li jmorru jżuru l-oqbra tal-għeżież tagħhom, jinsew li jkunu qegħdin f’post sagru, post fuq kollox komuni li fih ma tkunx waħdek. Għalhekk jistona diskors b’vuċi għolja jew għajat. Meta tmur iċ-ċimiterju baxxi s-sound!

Illum fettilli nikteb xi ħaġa li żgur li ma hijiex sabiħa jew ferriħija, imma hija realtà li lkoll kemm aħna, irridu jew ma rridux, illum jew għada rridu ngħaddu minnha. Huwa għalhekk li Novembru jfakkarna fl-erwieħ għax xi darba aħna wkoll irridu nsibu rwieħna hemm, ma’ qrabatna, ħbiebna u oħrajn li temmew il-mixja tagħhom fuq din l-art qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan  l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Novembru 2021



sabato 7 ottobre 2017

Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku


Ma rridx nagħti tort lill-iskola li mal-ftuħ mill-ġdid tal-bibien tagħha it-toroq Maltin jerġgħu jsiru Babilonja sħiħa, imma ma tistax ma tindunax biż-żieda kbira ta’ karozzi li sibna ma’ wiċċna minn meta bdiet din is-sena skolastika. Bla ma rridu nibdew nistaqsu: meta se naqbdu l-barri minn qrunu u din il-problema nibdew narawha bħala priorità li ma tistax tibqa’ tiġi injorata?

Beda jsir xi ħaġa?
Biex ngħid id-dritt kollu nemmen li qed isir xogħol biex it-traffiku jonqos kemm jista’ jkun. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ żewġ pontijiet kbar f’żewġ arterji traffikużi huwa l-ewwel sinjal. Ix-xogħol biex għadd ta’ roundabouts jiċċekknu biex b’hekk ma jkunx hemm karozzi li jieqfu magħhom bil-konsegwenza li tinħoloq xmara ta’ karozzi wieqfa huwa sinjal pożittiv ukoll.

F’dawn l-artikli ktibt kemm-il darba fuq din il-problema u llum nista’ ngħid li xi suġġerimenti tiegħi ma’ waqgħux għal kollox fuq widnejn torox. Pereżempju kont ngħid li l-laneċ minn tas-Sliema u mill-Kottonera għall-Belt għandhom ikollhom aċċess bl-istess biljett li nużaw għal tal-linja. Dan l-aħħar qrajt li sar xi pass għalkemm xorta għad hemm diskrepanza bejn in-noll tal-lanċa u dak tal-karozza.

Mini taħt l-art
Mappa tal-Metrò ta' Moska
Bosta drabi ktibt ukoll li hemm bżonn li f’pajjiżna jitħaffru mini biex iħaffu t-traffiku, bħal bejn il-Belt u l-Manuel Island u l-Belt u l-Kalkara. Ilni snin ngħid li hemm bżonn nibdew sistema ta’ Metrò. Dejjem tkellimt fuq il-Metrò ta’ Ruma għax dak l-aktar li kont midħla tiegħu,  imma dan is-sajf kelli nuża l-Metrò ta’ Moska u rajt id-differenza u rajt kemm hu importanti dan il-mezz ta’ trasport f’belt ħajja. Kieku fil-kapitali Russa ma hemmx din ix-xibka ta’ mini u ferroviji taħt l-art, b’erbatax-il linja u aktar minn mitejn stazzjon, kieku n-nies tispiċċa tgħaffeġ fuq xulxin. Malta fiha d-daqs ta’ belt Ewropeja żgħira, imma l-ammont ta’ nies huwa wisq kbir għad-daqs tagħha. Meta sejrin nibdew naħsbu bis-serjetà dwar il-Metrò ta’ Malta? Jiena ser nibqa’ ntambar dwar dan is-suġġett biex forsi xi darba jibda dan il-proġett.

Sens komun
Bi ftit sens komun tista’ titnaqqas xi ftit il-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Ma rridx inkun wieħed minn dawk li jgorru bla ma qatt jipproponu soluzzjoni, għalhekk qed inressaq xi ħsibijiet tiegħi dwar kif tista’ tittaffa xi ftit din il-probelma.

Jinbidel il-ħin
Ċertu xogħol li jsir matul il-jum faċli jsir matul il-lejl. Vettura li ġieli toħloq inkonvenjent u traffiku huwa t-trakk li jiġbor l-iskart. Ħadd ma jista’ jagħti tort lis-sewwieqa ta’ dawn it-trakkijiet li jieqfu kull minuta għaliex biex l-iskart jinġabar sewwa ma tistax ma tieqafx. Iżda dan ix-xogħol jista’ jsir matul il-lejl. Jekk il-ħaddiema jkunu mgħallma jagħmlu xogħolhom bla storbju, żgur li ħadd ma jgorr u jitnaqqsu ammont ta’ trakkijiet mit-toroq tagħna fil-ħin tal-jum meta jkunu mimlijin bil-karozzi.
Anke l-Knisja tista’ tgħin biex tittaffa din il-problema. Ħaġa li toħloq serbut ta’ karozzi u li ttellef lit-traffiku milli jimxi sewwa huma l-funerali. Tistennewx li funeral jgħaddi gas down għax lanqas hija ħaġa xierqa, imma s-suġġeriment tiegħi huwa li dawn isiru f’ħin li ma jkunx hemm it-tfal sejrin lejn l-iskola. Il-mejjet għandu l-eternità tistennieh u siegħa jew sagħtejn oħra magħna ma jibdlulu xejn. Għalfejn funeral għandu jsir fit-tmienja ta’ filgħodu meta jista’ jsir fil-ħdax jew kmieni waranofsinhar? Hemm bżonn ftit tar-rieda tajba. Mhux qed ngħid għas-sajf meta x-xemx tkun tiżeġ, f’dak iż-żmien jistgħu jsiru fit-tmienja għax l-iskejjel ikunu magħluqin u t-traffiku fit-toroq ma jkunx qawwi bħalma huwa bħalissa.

Ħaġa oħra li nipproponi hija li tal-linja fil-faxxa li nsejħu Rush hour, isiru b’xejn għal kulħadd. Ngħidu aħna mis-6.30 ta’ filgħodu sad-9.00 u mill-4.00 sal-5.30 ta’ waranofsinhar min jirkeb ma jħallas xejn. Dan huwa inċentiv biex dak li jkun iħalli l-karozza fil-garage u jmur ix-xogħol b’tal-linja. Iżda hawn il-kumpanija għandha tassigura li jkun hemm numru biżżejjed ta’ karozzi li jkunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda għaliex jekk il-passiġġier jibqa’ l-art ħadd ma jagħtih tort li ma jagħmilx użu mis-servizz pubbliku.

Dawn huma ftit ħsibijiet tiegħi dwar kif il-problema kbira li ma’ kull bidu ta’ sena skolastika terga’ terfa’ rasha, tista’ tittaffa xi ftit. Mhux tort tal-istudenti, mhux tort tal-għalliema kif lanqas huwa tort tas-sewwieqa li ta’ kull filgħodu jużaw il-karozza privata biex imorru għall-ħidma tagħhom.

“Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku”, dan huwa kliem li dari la qatt smajnieh u lanqas qatt għidnieh, imma issa ejjew ninsew il-passat, ir-realtà hija dik li hi. Ejjew nużaw ftit sens komun u nippruvaw naħdmu biex sakemm tinstab solouzzjoni (jekk qatt għad tinstab!) intaffu ftit il-problema.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  7 ta' Ottubru 2017