venerdì 31 luglio 2026

Il-Midja Soċjali... Minn vjaġġ twil għar-realtà tal-lum

Mela darba, l-iskambji soċjali kienu jsiru permezz ta’ taħdidiet madwar il-mejda tal-ikel fil-kċina jew fuq il-bankina quddiem il-bieb ta’ barra jew inkella għand il-ħanut tal-merċa kif ukoll fuq il-linja tat-telefon. Il-posta kienet tintbagħat permezz ta' ittra f’envelopp li fuqu jinkiteb l-indirizz u titwaħħal bolla u mbagħad din kienet tgħaddi mis-sistema postali, u l-aħbarijiet kienu jiġu ppubblikati fil-gazzetta stampata. Il-wasla tar-radju u t-televiżjoni għamlet biddliet kbar. Xi snin wara wasal l-internet, li għaqqad lin-nies fuq il-World Wide Web, u kollox inbidel mill-ġdid. Din hija l-istorja fil qosor tal-midja soċjali. Bdejt dan l-artiklu bil-kliem li aktarx nibdew xi storja jew xi ħrafa: “Mela darba”, għax tabilħaqq il-vjaġġ li għamlet il-midja soċjali donnha ħrafa.

X'inhu l-midja soċjali?

Il-midja soċjali llum tirreferi għal għadd mhux ħażin ta’ applikazzjonijiet li nsibu fuq il-web li jippromwovu l-ħolqien ġdid kif ukoll il-bdil ta' materjal jew kontenut li jkun iġġenerat minn dak li jkun qed juża l-applikazzjoni. L-ispazju tal-midja soċjali huwa globali, b'firxa ta' suġġetti u tip ta' dawk li jużawha, kważi bla limitu. Il-midja soċjali tinkludi siti tal-internet bħal Facebook u Instagram ta' Meta, X (li qabel kien Twitter), YouTube, Yelp, u ħafna blogs minn madwar id-dinja kollha. Pereżempju jiena, dawn l-artikli tiegħi wara li jkunu ġew ippubblikati fuq dan il-ġurnal, nitfa’ kollox fuq blog li kont bdejt xi 12-il sena ilu. Nammetti li mhux dejjem inkun puntwali u nammetti wkloll li dan l-aħħar traskurajt xi ftit minħabba l-bosta mpennji li għandi.

Fejn nużawha

Il-midja soċjali saret network vast u informali ta' postijiet online li jistgħu jkunu pubbliċi jew privati, li magħhom ikun hemm abbonamenti x’jitħallas jew inkella hemm minnhom b'xejn, kemm kbar kif ukoll żgħar. Illum il-midja soċjali jintuża għal diversi skopijiet, bħal ngħidu aħna għal xi ċelebrazzjoni tal-familja, Illum l-inviti ma għadhomx isiru bħalma kienu jsiru qabel. Illum avviż fuq il-midja soċjali, jew oħloq avveniment, li jissejjaħ “event” u fih tistieden lil dawk li trid int u jkunu jistgħu jirrisponduk lura jekk ikunux ser jattendu jew le. Illum anke għal tiġijiet saru jsiru dawn l-inviti minflok l-invit stampat tal-imgħoddi. Għadna kif għaddejna minn kampanja elettorali li fiha stajna naraw l-użu tal-midja soċjali għax ma nemminx li kien hawn kandidat wieħed biss li ma kellux account ta’ xi waħda mill-applikazzjonijiet tal-midja soċjali. Ma’ dan inżid attivitajiet karitattivi, gruppi ta' appoġġ għas-saħħa, klabbs sportivi, każini tal-banda, gruppi ta’ passatempi partikolari, kumpaniji kummerċjali, agenziji tal-ivjaġġar u iva, anke gruppi ta’ talb. Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li l-midja soċjali daħlet f’kull rokna ta’ ħajjitna.

Effett

Forsi bla ma ndunajna, il-midja soċjali daħlet f’ħajjitna u biddlitna. Jekk noqgħodu naħsbu ftit ma ndumux wisq biex nintebħu kemm għandha influwenza kulturali fuq dak li nagħmlu. Araw il-moda u anke l-ikel, kwistjonijiet ta' saħħa tal-familji u l-adolexxenti, aħbarijiet dinjija u avvenimenti lokali, avvenimenti politiċi u ta' azzjoni komunitarja. Il-midja soċjali ħolqot tip ġdid ta' marketing permezz tal-użu ta' personalità pubblika virtwali li tissejjaħ influencer. Ma setax jinħoloq isem aħjar għal dawn il-personalitajiet għax tabilħaqq jinfluwenzaw lil mases ta’ nies.

Il-midja soċjali saret fenomenu kumpless għax hija ħafna iktar minn sempliċement individwi li jitkellmu bejniethom bħalma kien snin ilu, żmien ic-chatting fuq dak li konna nsejħulu Bulletin Board System (BBS) jew aktar tard ic-chat rooms. Is-siti tal-midja soċjali – il-postijiet fejn iseħħu l-komunikazzjonijiet – huma kkontrollati mis-sidien tal-pjattaforma tagħhom u inti tixrob minn dak li joffru huma.

Anti soċjali?

Il-mezzi tal-midja soċjali jistgħu jkunu wkoll anti soċjali. X’jiġifieri? Meta ngħidu “Soċjali” nkunu rridu nfissru li xi ħaġa hija tas-soċjetà u ssir mas-soċjetà umana, l-interazzjoni bejn individwi, u l-ħajja f'gruppi. Din il-kelma ġejja mill-kelma Latina socius, li tfisser "sieħeb" jew "alleat." Li tkun soċjali huwa dwar konnessjoni, empatija, u parteċipazzjoni f'komunità aktar milli taġixxi b'mod iżolant u waħdek. Imma fir-realtà, dawn il-mezzi kemm qed ikunu soċjali? Kemm drabi dawn il-mezzi qed jiżolaw lil min jużahom? Illum anke l-ulied mal-ġenituri, waqt li jkunu kollha d-dar, jikkomunikaw bejniethom permezz tal-midja soċjali: Iben jikteb lil ommu: “Ma, ibgħatli xħin isir l-ikel ħalli ninżel u niekol għax bil-ġuħ!” Issa dan il-messaġġ seta’ sar billi l-iben iqum u jmur fil-bieb tal-kamra tiegħu u minn hemm jgħid lil ommu dak li għandu jgħidilha.Imma t-tendenza hija dik li juża l-midja soċjali.

Mhux ta’ b’xejn li bosta pajjiżi llum qed jikkonsidraw età minima meta wieħed ikun jista’ jibda juża dawn il-mezzi għaliex l-effett negattiv tagħhom rikibna u għandna mnejn lanqas qed intebħu bih.

 

Fr Reno Muscat

 


sabato 25 luglio 2026

Il-jum tas-Sibt

 

Issa ilni numru mhux żgħir ta’ snin nikteb artikli f’dan il-ġurnal. Dawn l-aħħar snin l-artikli tiegħi dehru dejjem fil-jum tas-Sibt. Ġie f’moħħi dan il-fatt u ħsibt li nikteb xi ħaġa propju dwar il-jum li fih naqsam magħkom kitbieti u ħsibijieti.

Ismu


Is-Sibt huwa s-sitt jum tal-ġimgħa u ħa ismu mill-kelma Ebrajka shabbāt, "jum ta' waqfien, u għalhekk ta' mistrieħ". Fil-ġimgħa Lhudija, dan il-jum huwa s-seba' jum u huwa meqjus bħala festa kkonsagrata lil Alla, li fiha x-xogħol u l-attivitajiet kollha, bħal tisjir, kitba, użu tal-elettriku, sewqan, eċċetra ikunu sospiżi. Fl-ilsien Taljan, isem dan il-jum huwa Sabato, li bħal ilsienna ġej mill-isem Ebrajk. L-istess nistgħu ngħidu għal xi ilsna oħra bħalma huwa l-Ispanjol u l-Portugiż – Sábado, il-Franċiż -
Samedi, il-Pollakk – Sobota, kif ukoll ir-Russu li jsejjaħ lil dan il-jum subbota. Iżda fl-Ingliż isem jum is-Sibt, Saturday għandu oriġini oħra. Is-Sibt huwa msejjaħ għal Saturnu, l-alla Ruman tal-agrikultura u ż-żmien. Dan l-isem ġej direttament mill-Latin dies Saturni li jfisser il-Jum ta' Saturnu. L-għeruq ta’ dan l-isem derivat mill-alla Saturnu nsibuhom ukoll fl-ilsna oħra wkoll. Fl-Għarbi jissejjaħ as sabt u hawn naraw il-viċinanza ta’ isem dan il-jum fil-Malti, għax wara kollox, isem in-numri u isem il-jiem tal-ġimgħa aħna ħaddniehom mill-Għarbi.

Is-Sibt fil-fidi

Is-Sibt huwa il-jum qaddis għal-Lhud. Għall-Insara huwa lejlet il-jum qaddis tal-Ħadd u għall-Musulmani huwa l-għada tal-jum qaddis tagħhom. Fil-fidi Lhudija, is-Sibt huwa l-jum qaddisa tal-mistrieħ, li jiġi ċċelebrat minn ftit qabel inżul ix-xemx ta’ nhar il-Ġimgħa sa nżul ix-xemx ta’ nhar is-Sibt. Is-Sibt il-Lhud jiftakru li Alla straħ fis-seba' jum tal-Ħolqien u fil-ħruġ tagħhom mill-eżilju tal-Eġittu. Għalhekk il-Lhud jirritornaw mix-xogħol nhar ta’ Ġimgħa qabel tinżel ix-xemx biex jitolbu, jieklu, u jqattgħu ħin mal-familja. Għall-Insara s-Sibt mhux meqjus bħala jum qaddis iżda interessanti li l-Għasar (it-talb ta’ filgħaxija) tas-Sibt jissejjaħ bħala l-Ewwel Għasar tal-Ħadd, imbagħad il-Ħadd filgħaxija jsir it-Tieni Għasar. Biss lejlet l-Għid il-Kbir, jissejjaħ Sibt il-Għid huwa t-tieni jum mit-Tridu tal-Għid u huwa mħares b’qima kbira. Imbagħad hemm id-devozzjoni ta’ Marija f’jum is-Sibt. Din hija drawwa liturġika antika ħafna ta’ devozzjoni Marjana li tikkonsisti filli l-liturġija tas-sigħat tkun tal-Madonna u tista’ ssir quddiesa tal-Madonna wkoll. Interessanti wkoll li mbagħad il-quddiesa tas-Sibt filgħaxija tkun dik tal-għada u mhux ta’ dak il-jum stess. Dan minħabba d-drawwa antika li l-jum jibda ma’ nżul ix-xemx u mhux f’nofsillejl. Fl-Iżlam, is-Sibt ma għandux importanza speċjali. Filwaqt li l-Ġimgħa hija l-jum iddedikat għall-qima, is-Sibt jitqies bħala jum normali ta' fost il-ġimgħa.

Jum il-ħasla

Ħafna drabi s-Sibt niddedikawh għall-ħasil tal-ħwejjeġ, imma rridu niftakru li sa ftit għexieren ta’ snin ilu, meta l-kumdità fi djarna ma kinitx dik li hija llum u l-iġene lanqas kienet dik li għandna llum, ħafna kienu jieħdu l-banju nhar ta’ Sibt għax matul il-ġimgħa kienu jiddellku kif jistgħu. Kien żmien ieħor! U dan ara ma naħsbux li kien isir Malta biss. F’kulturi differenti bħal fil-pajjiżi Skandinavi, is-Sibt jissejjaħ lördag, lørdag, jew laurdag, bl-isem li ġej mill-kelma antika laugr jew laug, li tfisser banju. Għalhekk nindunaw li 'lördag' tfisser "jum tal-banju." Dan beda jissejjaħ hekk minħabba l-prattika tal-Vikingi li kienu jinħasslu nhar ta’ Sibt. L-isem għas-Sibt  għall-Maori, ġens indiġenu ta’ New Zealand, huwa Rahoroi, li litteralment ifisser Jum tal-Ħasil. Meta l-Maori kienu kkonvertiti għall-Kristjaneżmu, huma kienu jħallu s-Sibt biex jaħslu l-ħwejjeġ tagħhom u jilbsuhom indaf għall-knisja nhar il-Ħadd.

U iżjed

F’pajjiżna, elezzjoni ġenerali jew referendum isiru fil-jum tas-Sibt. Din il-ħaġa ma ssirx biss f’Malta imma anke fl-Awstralja kif ukoll fi New Zealand. Is-Sibt ukoll isir il-finali tal-Eurovision Song Contest. Semmejt dawn iż-żewġ avvenimenti għax għalina l-Maltin, kemm l-elezzjonijet kif ukoll l-Eurovision huma ħwejjeġ li nqisuhom “sagri”. Is-Sibt tard filgħaxija u matul il-lejl huma l-ħinijiet li l-biċċa l-kbira tal-bars, pubs, klabbs u ristoranti jkunu mimlijin bin-nies, għax is-Sibt filgħaxija huwa meqjus bħala l-aħjar ħin għall-ħruġ. Fuq kollox is-Sibt huwa l-ewwel jum ta’ tmiem il-ġimgħa.

L-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju, 1919 seħħew is-Sibt u l-għeluq tal-bażi Brittanika minn Malta, fil-31 ta’ Marzu 1979 kien is-Sibt ukoll.

Minbarra l-barijiet u r-ristoranti, is-Sibt filgħaxija huwa wkoll popolari għaċ-ċinema. Illum dan id-divertiment reġa’ ħa l-ħajja wara li għal xi snin kien donnu ntemm għal kollox. Fost il-films hemm xi wħud li f’isimhom għandhom il-jum tas-Sibt. Forsi l-aktar popolari huwa Saturday Night Fever, tal-1977, il-film mużikali klassiku taż-żfin b'John Travolta fil-parti ewlenija li ddefinixxa era tad-disco.

U ma’ dan kollu hemm ukoll dawn l-artikli fqajra tiegħi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta; Lulju 2026



sabato 18 luglio 2026

Ħsieb mill-Ukrajna

Żgur li qatt qabel daqs dawn l-aħħar erba’ snin u nofs ma konna nisimgħu bl-Ukrajna. L-Ukrajna hija nazzjon sovran fl-Ewropa tal-Lvant u t-tieni l-akbar pajjiż tal-kontinent skont id-daqs wara r-Russja. Strateġikament pożizzjonata fuq il-Baħar l-Iswed u għandha fruntieri mar-Russja, il-Belarus, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Moldova. Minn Frar 2022, l-Ukrajna qed tiddefendi ruħha kontra invażjoni li saret fuqha mir-Russa. Il-popolazzjoni tal-Ukrajna bħalissa hija stmata bejn 35 u 40 miljun persuna. Madankollu, il-gwerra li għadha għaddejja, ikkawżat spostament intern massiv u emigrazzjoni internazzjonali, u ħalliet biss madwar 30 jew 35 miljun resident jgħixu f'żoni kkontrollati mill-gvern.

Dan kollu nafuh jew kważi kollu. Allura x’wassalni biex illum nikteb xi ħaġa li għandha x’taqsam ma’ dan il-pajjiż?

Wara attakk

Aħna, l-Patrijiet Dumnikani tal-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu ta’ Tas-Sliema, ma niċċelebrawx il-festa ta’ San Duminku f’Awwissu, kif isir fil-Belt Valletta u fil-Birgu, imma niċċelebrawha fl-24 ta’ Mejju, it-tifkira ta’ meta l-fdalijiet ta’ San Duminku nqalgħu mill-qabar u tpoġġew f’dik li tissejjaħ “Arca di San Domenico” li nsibu fil-knisja tagħna d-Dumnikani fil-belt ta’ Bologna, l-Italja. Din is-sena, billi l-24 ta’ Mejju ħabat il-Ħadd, iċċelebrajna din il-festa fis-26 tax-xahar. Lejlet il-festa waslitilna aħbar xejn sabiħa mingħand ħutna d-Dumnikani ta’ Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna. L-għada, minflok ritratt ta’ San Duminku, tellajt post fuq facebook b’ritratt tal-kunvent Dumnikan ta’ Kiev u b’dan il-kliem:

“Matul il-lejl, Kiev sofriet attakk qawwi minn drones u missili Russi. Missila laqtet bini residenzjali li jinsab quddiem il-kunvent tagħna l-Patrijiet Dumnikani u kkawżat ħsara lill-kunvent. Wieħed mill-patrijiet, il-pirjol Jarosław Krawiec iddeskriva dan l-attakk bħala <<l-aktar attakk orribbli minn kemm ilha li bdiet il-gwerra.>> F'dan il-kunvent jgħixu 8 patrijiet, 6 Pollakki u 2 mill-Ukrajna. Ħadd minnhom ma weġġa' f'dan l-attakk imma l-kunvent ġarrab ħsarat kbar.”

Ftit jiem wara kellimni l-Provinċjal tagħna u qalli li l-Provinċjal Dumnikan tal-Ukrajna, talbu jekk hux possibli li wieħed mill-patrijiet tiegħu jiġi għal xi ġimgħat Malta sabiex jistudja l-Ingliż. Il-Provinċjal tiegħi staqsieni jekk hux possibbli li nospitawh fil-kunvent ta’ Tas-Sliema. Huwa qalli wkoll li b’dan l-att dan il-patri se jeħles xi ftit mill-gwerra u l-ħoss tal-bombi. Jiena bejn b’ċajta u bejn b’serjetà għidtlu li billi ġej Malta  fis-sajf, ser jeħles mill-ħoss tal-bombi u jisma’ l-ħoss tal-murtali. Żgur li hemm differenza enormi bejn dak li jwassal il-ħoss tal-bomba tal-gwerra u dak li jwassal il-ħoss tal-murtal tal-festa, wieħed iġib il-qorda u l-mewt, l-ieħor iħabbar il-ferħ.

Jasal Oleksandr

Intant il-jum li fih kellu jasal dan il-patri Dumnikan Malta wasal ukoll. Mort nilqgħu l-ajruport, għax ma kontx naf liema livell ta’ Ingliż kellu u jekk ma jsibx xi ruħ tajba titkellem bl-Ukren ma kontx naf kif kien ser jasal Tas-Sliema. Ġie b’titjira minn Krakovja l-Polonja għax kif qalli hu, bħalissa mill-ispazju tal-ajru tal-Ukrajna, ajruplani militari biss jistgħu jittajru. Vjaġġ ta’ kważi 900 kilometru. Patri Oleksandr qalli wkoll li biex joħroġ mill-Ukrajna kellu bżonn permess speċjali mingħand il-gvern peress li bħalissa l-pajjiż għaddej minn gwerra. Qalli li kien beda jitgħallem l-Ingliż fil-Polonja imma mbagħad bdiet il-gwerra u kellu jwaqqaf kollox, imma issa s-superjuri tiegħu bagħtuh Malta għax hawn anke waqt li ma jkunx il-ħin tal-lezzjonijiet ikollu bil-fors jitkellem bl-Ingliż. Komplejna nitkellmu u sirt naf li hu kien wieħed mill-patrijiet fil-kunvent ta’ Kiev meta ġie milqut mill-missili u d-drones Russi.

Trawma

Wasalna l-kunvent għal ħin l-ikel. Tajtu l-kamra u nżilna nieklu mal-komunità, introduċejtu u nsomma s-soltu storja tagħna l-patrijiet, ruxmata mistoqsijiet u nistennew tweġiba għal kollox. Filgħaxija dawwartu ftit l-inħawi tagħna u l-għada l-Ħadd filgħodu ħadtu miegħi għall-quddeisa tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Filgħaxija ħadtu sal-Imdina. Wara li dorna din il-belt antika, ħadna te u ħsibna biex nerġgħu lura lejn il-kunvent, Tajna ħarsa minn fuq is-swar biex naraw lil Malta mixgħula. Ħin minnhon dan Oleksandar dar fuqi u qalli: “Dan ħoss ta’ drone!” Ngħid id-dritt jien lanqas kont tajt każ tal-ħoss imma hu dlonk induna. Għidtlu li aktarx li xi ħadd kien qed jiġbed xi biċċa film. Hawn dlonk indunajt bit-trawma li dawn in-nies għandhom minħabba l-gwerra, dak li għalina huwa oġġett ta’ ftit jew wisq sinifikat, għalihom ifisser terrur. U dan kien li daħħal il-ħsieb f’moħħi li nikteb dak li ktibt illum. Patri Oleksandr qalli l-biċċa l-kbira ta’ suldati Ukreni li tilfu ħajjithom, mietu minn attakki tad-drones. Qalli li hu għandu ħuh suldat. Min ilumu li jinħasad meta jisma’ drone?

Il-gwerra kif tibdlu lill-bniedem! Kemm hu sew li ngħożżu s-sliem u naħdmu għalih. Jalla ma ddumx ma tieqaf din il-gwerra, li bħal kull gwerra oħra ma fihiex rebbieħ imma kulħadd ikun tellief fiha.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Lulju 2026


 

sabato 11 luglio 2026

Il-Madonna tal-Karmnu f’Malta

 

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu f’Malta hija mifruxa ħafna. Insibu xi parroċċi li fihom hemm artal iddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu. F’xi rħula hemm ukoll xi fratellanza taħt dan it-titlu. Insibu erba’ parroċċi li bħala titular għandhom lill-Madonna tal-Karmnu.

Il-Gżira

Fl-10 ta’ Lulju 1902, meta Malta kienet għadha bażi militari Brittanika, xi baħrin fis-sakra kienu tefgħu ġebla lejn niċċa bi kwadru tal-Madonna tal-Karmnu li kienet tinsab ma’ ħajt ta’ dar quddiem il-pont tal-Gżira, u l-ġebla baqgħet imwaħħla mal-ħġieġa tal-kwadru. Dan wassal biex tinbena kappella żgħira ftit ’il bogħod u ġiet magħrufa bħala l-kappella tal-Madonna tal-Ġebla. Din il-kappella saret parroċċa fl-1921 u n-nies tal-post bdew iħabirku biex tinbena knisja akbar, iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Bil-ħidma ħabrieka tal-ewwel Kappillan, Dun Anton Manche, u bix-xogħol tal-imgħallem is-Sur Antonio Sammut, il-knisja tlestiet 1935. 

Il-Fgura

Fil-qedem ġewwa l-Fgura kien hemm niċċa tal-Madonna u fl-1798 inbniet kappella ħdejha. Din twaqqgħet u reġgħet inbniet fl-1844 iżda fl-1956 kellha titwaqqa’ biex titwessa’ t-triq prinċipali ta’ dan il-post. Fl-1950 il-patrijiet Karmelitani bnew knisja oħra ftit bogħod minn fejn kienet din il-knisja u ġiet iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Din saret parroċċa fl-1965. Minħabba li l-popolazzjoni tal-Fgura kibret sewwa u l-knisja kienet żgħira wisq għan-nies, inbniet knisja ġdida li nsibu llum li ġiet imbierka fl-1988 u ddedikata fl-1990.

Il-Balluta

Bejn Tas-Sliema u San Ġiljan, fil-parti li tissejjaħ Il-Balluta, kien hemm knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu sa mis-sena 1859. Din kienet inbniet mill-Fratellanza tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Fl-1877 il-knisja nbniet mill-ġdid u għaddiet f’idejn il-patrijiet tal-Karmnu. Dawn fl-1900 bnewha mill-ġdid. Fl-1958 inbniet il-knisja li nsibu llum u fl-1974 saret parroċċa. Il-patrijiet Karmelitani ħallew din il-parroċċa ftit ilu.

Fleur de Lys

Il-Patrijiet Karmelitani sa mill-bidu tas-sena 1918 kienu jieħdu ħsieb il-parroċċa ta’ Santa Venera. Huma ħasbu li jibnu knisja oħra fi Triq Fleur de Lys fil-parroċċa stess biex jintlaħqu aħjar in-nies li kienu joqgħodu f’dawk in-naħiet. Il-knisja li kienet iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu saret parroċċa fl-1975. Il-patrijiet Karmelitani ħallew din il-parroċċa ftit snin ilu.


Madwar Malta

Minbarra dawn il-parroċċi nsibu wkoll xi knejjes jew kappelli oħra li għandhom lill-Madonna tal-Karmnu bħala titular.

Il-Belt Valletta
Fl-1659, il-Karmelitani fetħu kunvent u knisja fl-Imdina. Ġewwa l-Belt Valletta nsibu s-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu. Din il-knisja nbniet fl-1570 u għal xi żmien serviet bħala knisja parrokkjali sakemm inbniet il-knisja ta’ San Pawl. L-inkwatru tal-Madonna ġie nkurunat fl-1881 u fl-1895 saret Bażilika Minuri. Fl-1958 beda l-bini tal-Bażilika l-ġdida li nsibu llum. Din tbierket fl-1981.

Fil-Birgu, il-knisja tal-Karmnu nbniet mill-baħħara u n-nies tax-xwieni fl-1611. Dawn kienu jqisuha bħala l-parroċċa tagħhomi u għalhekk kienu jagħmlu l-preċett kull sena fiha. Dawn żejnuha b’ħafna opri tal-arti. Fit-tieni gwerra dinjija din il-knisja ġġarfet u reġgħet telgħet mill-ġdid wara l-gwerra. Illum wieħed bilkemm jinduna biha għax tinsab sewwasew mal-Waterfront tal-Birgu.

Fit-triq li minn San Pawl il-Baħar twasslek ix-Xemxija hemm knisja fil-ġenb. Din ukoll hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Il-knisja bdiet tinbena fl-1835 u fl-1927 ġiet imkabbra. Fl-1929 bdew jieħdu ħsiebha l-patrijiet Franġiskani Konventwali li f’idejhom għandhom ukoll il-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar.

Ġewwa Ħal Luqa l-kappella tal-Madonna tal-Karmnu nbniet l-ewwel darba fl-1784 u reġgħet inbniet fl-1848. Din iġġarrfet fi żmien it-tieni gwerra dinjija u reġgħet inbniet bħala parti miċ-Ċentru taż-Żgħażagħ tal-parroċċa ta’ Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa.

Is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù twaqqfu Għawdex fl-1880 minn Dun Ġużepp Diacono u Virginia Debrincat, li mbagħad ħadet l-isem ta’ Sor Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù. Din il-kongregazzjoni fetħet id-dar għall-anzjani. “Pax et Bonum” fil-Mosta fl-1963. Il-kappella ta’ din id-dar hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu.

F’Għawdex

Ġewwa x-Xewkija lejn ir-Rabat Għawdex insibu l-knisja tal-Madonna tal-Karmnu magħrufa bħala ta’ Ħamet. Sewwasew hija l-akwata li tissejjaħ hekk u l-kappella ħadet il-laqam tagħha minn kif tissejjaħ l-akwata. Din il-knisja nbniet wara l-1800 minn flus Liberato Grech u martu Roża bħala radd ta’ ħajr lill-Madonna talli rnexxiet ir-rewwixta kontra l-Franċiżi. Minkejja li tinstab fil-limiti tax-Xewkija, din il-kappella hija affiljata mal-Katidral ta’ Għawdex.

Ix-Xlendi
Fil-bajja tax-Xlendi nsibu kappella ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Il-knisja nbniet fl-1868, wara wegħda, u bil-ħeġġa tan-nutar Niccolo Cauchi fuq l-art mogħtija mill-patrijiet Karmelitani tal-Imdina. Din kienet l-ewwel knisja li nbniet minn kemm kienet ilha wieqfa d-djoċesi ta’ Għawdex (imwaqqfa fit-22 ta’ Settembru 1864). Fl-1969 din il-knisja tkabbret billi dik oriġinali kienet ċkejna għan-numru ta’ nies li jżuruha l-aktar fix-xhur tas-sajf.

Is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fetħu d-dar tagħhom ġewwa n-Nadur fl-1917. Dawn marru f’dan ir-raħal wara li Karmenu Meilaq kien tahom daru biex jiftħu kunvent. Fost ix-xogħol ta’ tibdil li sar f’din id-dar, saret kappella ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Fl-1998 sar restawr ta’ din il-kappella.

Sptar

Fl-1861 tlesta l-bini tal-isptar mentali li jġib l-isem ta’ Monte Carmeli ġewwa Ħ’ Attard. Dan ħa post l-isptar mentali li kien jinstab ġewwa Villa Franconi fil-Furjana. F’dan l-isptar iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu nsibu l-kappella li taqdi lill-pazjenti u l-ħaddiema.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Lulju 2026



sabato 4 luglio 2026

Lulju - ix-xahar tal-Karmnu

Il-Muntanja Karmel, f’Iżrael, ilha post ta’ talb u viċinanza lejn Alla sa minn żmien il-profeta Elija, madwar is-seklu 10 qabel Kristu u dan insibuh imniżżel fl-ewwel Ktieb tas-Slaten (18:41-42 ++) meta Elija tala’ fuq il-quċċata tal-Karmel, inxteħet fl-art, u qagħad wiċċu bejn irkupptejh jitlob. L-eremiti Kristjani komplew jitolbu hemm. U hemm, fis-seklu XII, twaqqaf uffiċjalment l-Ordni tal-Aħwa tal-Verġni Mbierka tal-Muntanja Karmel.

Madankollu, is-seklu XIII kien żmien ta’ persekuzzjoni għall-Karmelitani, iżda f’nofs din il-prova kbira, fis-16 ta’ Lulju 1251, il-Verġni Mbierka dehret lil San Xmun Stock, il-Pirjol Karmelitan, u tatu l-Iskapular Kannella. Hija qaltlu, “Dan huwa privileġġ għalik u għall-ordni: kull min imut liebes l-Iskapular isalva.” Għalhekk dan il-jum huwa ddedikat lil Madonna tal-Karmnu u Lulju magħruf bħala “Tal-Karmnu”

Li tilbes verżjoni minjatura tal-Iskapular Karmelitan, magħruf sempliċement bħala “laptu”, ifisser li tingħaqad magħhom spiritwalment u temmen li l-Madonna tipproteġik fil-ħajja u fil-mewt.

X’ġara fuq il-Muntanja Karmel ma’ Elija?

Il-Muntanja Karmel kienet għolja sagra ddedikata lill-alla Bagħal, meqjum min-nies ta’ Kana. Fl-ewwel ktieb tas-Slaten, Elija jisfida 450 profeta ta’ alla Bagħal, biex jiddetermina liema "alla" kien veru, Bagħal jew l-Alla ta’ Iżrael. L-alla veru kien ikun dak li seta’ jqabbad in-nar lill-ħatab li kienu lestew. Minkejja dak kollu li għamlu l-profeti ta’ Bagħal in-nar ma niżilx mis-sema. Madankollu, meta Elija talab lill-Mulej, niżel nar mis-sema u xegħel il-ħuġġieġa. U niżel nar mingħand il-Mulej, u ħaraq il-vittma, u l-ħatab, u l-ġebel, u t-trab, sa ma xorob l-ilma fil-gandott. U dan rah il-poplu kollu, u nxteħtu wiċċhom fl-art jistqarru: “Jaħweh, Alla hu! Jaħweh, Alla hu!” U Elija qalilhom: “Aqbdu l-profeti ta’ Bagħal, tħallu ’l ħadd minnhom jeħles.” U qabduhom, u Elija niżżilhom fil-wied ta’ Kison, u qatilhom hemm.

Kien ukoll fuq il-Muntanja Karmel li t-talba ta’ Elija żgurat it-tmiem tan-nixfa u l-ġuħ li kienu laqtu lil Iżrael. Għal din ir-raġuni, il-Karmelitani jqisu lil Elija bħala wieħed mill-missirijiet spiritwali tagħhom.

Fejn tinsab il-Muntanja Karmel?

Il-Muntanja Karmel
Bħala post fiżiku, il-Muntanja Karmel tħares lejn il-Mediterran u l-belt u l-port ta’ Haifa tal-lum. Tinsab ukoll f’ras il-Wied ta’ Jezreel, magħruf ukoll bħala l-Wied ta’ Megiddo. L-Għarab isejħu lil Karmel bħala l-Muntanja ta’ Sant’ Elija. Minbarra l-ewwel ktieb tas-Slaten, il-Karmel tissemma aktar minn għoxrin darba fl-Iskrittura Mqaddsa, partikolarment fl-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet.

Bħala post spiritwali, ir-reputazzjoni tal-Karmel żgur ġejja mill-konnessjoni tal-post ma’ Elija, iżda mhux biss għax din il-muntanja tissemma wkoll fl-Għanja tal-Għanjiet. F’din il-poeżija dwar l-imħabba, ras l-għarusa hija mqabbla mal-Karmel. Għalhekk, ħafna awturi Kristjani raw l-Għanja tal-Għanjiet bħala allegorija tal-ħajja ta’ għaqda ma’ Alla. Fost id-dutturi tat-teoloġija spiritwali, bħal San Ġwann tas-Salib, il-Karmelu jsir metafora għat-tfittxija għal Alla.

Imma forsi għandna mnejn nistaqsu xi jfisser l-isem Karmel? Din hija kelma Ebrajka li tfisser “ġnien ta’ Alla.” Il-ġnien ta’ Alla huwa l-post fejn nistgħu nimxu mal-Mulej, kif għamlu Adam u Eva qabel ma tkeċċew mill-Ġenna tal-Art.

X'inhu l-Iskapular?

L-Iskapular tal-Madonna tal-Karmnu, jew il-laptu tal-karmnu, jikkonsisti f’żewġ biċċiet suf kannella marbuta flimkien b’qafla. Il-Madonna tat dan l-ilbies lil San Xmun Stock fl-1251 bil-wegħda li “kull min imut liebes dan l-Iskapular jiġi ppreservat minn fjammi eterni.” Huwa sinjal ta’ salvazzjoni, ħelsien fi żminijiet ta’ periklu, wegħda ta’ paċi u tal-protezzjoni speċjali ta’ Marija sal-aħħar taż-żmien.

Il-laptu hija forma mnaqqsa tal-libsa reliġjuża tal-Ordni tal-Patrijiet tal-Verġni Mbierka tal-Muntanja Karmel. Billi huwa verżjoni iżgħar tal-Iskapular tal-Ordni Karmelitan, kull min jilbsu jassoċja ruħu mal-Ordni Karmelitan, kemm fid-devozzjoni lejn il-Verġni Marija Mqaddsa kif ukoll fl-istennija tal-protezzjoni tagħha.

San Xmun Stock
 X'inhi t-tifsira spiritwali tal-Iskapulari

L-“ilbies” huwa tema komuni fl-Iskrittura Mqaddsa. Il-libsa twila bil-kmiem ta’ Ġużeppi (Ġenesi 37:3) huwa eżempju tal-importanza tal-ilbies fil-Bibbja. Proverbji 31, meta jiddeskrivi mara tajba, jgħid, “Ġieħ u qawwa huma l-ilbies tagħha.” Barra minn hekk, Iżaija 61:10 jgħid: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

L-ilbies jilħaq l-ogħla sinifikat spiritwali tiegħu fil-patt il-ġdid. Hemmhekk, jingħad li s-segwaċi ta’ Ġesù jilbsu lil Kristu nnifsu. Fl-ittra lill-Galatin 3:27, San Pawl jikteb: “Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu.” 

L-Iskapular, bħala libsa speċjali tar-reliġjużi kkonsagrati, ilu magħruf sa minn żmien San Benedittu (seklu VI). Il-patrijiet tiegħu kienu meħtieġa jilbsu wieħed fuq l-abitu tagħhom waqt ix-xogħol. Minn dan l-iskop prattiku, l-Iskapular kien imsejjaħ "il-madmad ta' Kristu" u kiseb sinifikat spiritwali bħala sinjal ta' devozzjoni. Fost il-lajċi li jassoċjaw ruħhom ma' ordnijiet partikolari jew jipprattikaw spiritwalità partikolari,  jintlibsu verżjonijiet iżgħar ta' dawn l-iskapulari, li spiss jissejħu “lapti” bħalma huwa l-laptu tal-Madonna tal-Karmnu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2026