Il-Muntanja Karmel, f’Iżrael, ilha post ta’ talb u viċinanza lejn Alla sa minn żmien il-profeta Elija, madwar is-seklu 10 qabel Kristu u dan insibuh imniżżel fl-ewwel Ktieb tas-Slaten (18:41-42 ++) meta Elija tala’ fuq il-quċċata tal-Karmel, inxteħet fl-art, u qagħad wiċċu bejn irkupptejh jitlob. L-eremiti Kristjani komplew jitolbu hemm. U hemm, fis-seklu XII, twaqqaf uffiċjalment l-Ordni tal-Aħwa tal-Verġni Mbierka tal-Muntanja Karmel.
Madankollu, is-seklu XIII kien żmien ta’ persekuzzjoni għall-Karmelitani,
iżda f’nofs din il-prova kbira, fis-16 ta’ Lulju 1251, il-Verġni Mbierka dehret
lil San Xmun Stock, il-Pirjol Karmelitan, u tatu l-Iskapular Kannella. Hija
qaltlu, “Dan huwa privileġġ għalik u għall-ordni: kull min imut liebes
l-Iskapular isalva.” Għalhekk dan il-jum huwa ddedikat lil Madonna tal-Karmnu u
Lulju magħruf bħala “Tal-Karmnu”
Li tilbes verżjoni minjatura tal-Iskapular Karmelitan, magħruf sempliċement
bħala “laptu”, ifisser li tingħaqad magħhom spiritwalment u temmen li l-Madonna
tipproteġik fil-ħajja u fil-mewt.
X’ġara fuq il-Muntanja Karmel ma’ Elija?
Il-Muntanja Karmel kienet għolja sagra ddedikata lill-alla Bagħal, meqjum
min-nies ta’ Kana. Fl-ewwel ktieb tas-Slaten, Elija jisfida 450 profeta ta’
alla Bagħal, biex jiddetermina liema "alla" kien veru, Bagħal jew
l-Alla ta’ Iżrael. L-alla veru kien ikun dak li seta’ jqabbad in-nar lill-ħatab
li kienu lestew. Minkejja dak kollu li għamlu l-profeti ta’ Bagħal in-nar ma
niżilx mis-sema. Madankollu, meta Elija talab lill-Mulej, niżel nar mis-sema u
xegħel il-ħuġġieġa. U niżel nar mingħand il-Mulej, u ħaraq il-vittma, u
l-ħatab, u l-ġebel, u t-trab, sa ma xorob l-ilma fil-gandott. U dan rah
il-poplu kollu, u nxteħtu wiċċhom fl-art jistqarru: “Jaħweh, Alla hu! Jaħweh,
Alla hu!” U Elija qalilhom: “Aqbdu l-profeti ta’ Bagħal, tħallu ’l ħadd minnhom
jeħles.” U qabduhom, u Elija niżżilhom fil-wied ta’ Kison, u qatilhom hemm.
Kien ukoll fuq il-Muntanja Karmel li t-talba ta’ Elija żgurat it-tmiem
tan-nixfa u l-ġuħ li kienu laqtu lil Iżrael. Għal din ir-raġuni, il-Karmelitani
jqisu lil Elija bħala wieħed mill-missirijiet spiritwali tagħhom.
Fejn tinsab il-Muntanja Karmel?
| Il-Muntanja Karmel |
Bħala post spiritwali, ir-reputazzjoni tal-Karmel żgur ġejja
mill-konnessjoni tal-post ma’ Elija, iżda mhux biss għax din il-muntanja
tissemma wkoll fl-Għanja tal-Għanjiet. F’din il-poeżija dwar l-imħabba, ras
l-għarusa hija mqabbla mal-Karmel. Għalhekk, ħafna awturi Kristjani raw
l-Għanja tal-Għanjiet bħala allegorija tal-ħajja ta’ għaqda ma’ Alla. Fost
id-dutturi tat-teoloġija spiritwali, bħal San Ġwann tas-Salib, il-Karmelu jsir
metafora għat-tfittxija għal Alla.
Imma forsi għandna mnejn nistaqsu xi jfisser l-isem Karmel? Din hija kelma
Ebrajka li tfisser “ġnien ta’ Alla.” Il-ġnien ta’ Alla huwa l-post fejn nistgħu
nimxu mal-Mulej, kif għamlu Adam u Eva qabel ma tkeċċew mill-Ġenna tal-Art.
X'inhu l-Iskapular?
L-Iskapular tal-Madonna tal-Karmnu, jew il-laptu tal-karmnu, jikkonsisti
f’żewġ biċċiet suf kannella marbuta flimkien b’qafla. Il-Madonna tat dan
l-ilbies lil San Xmun Stock fl-1251 bil-wegħda li “kull min imut liebes dan
l-Iskapular jiġi ppreservat minn fjammi eterni.” Huwa sinjal ta’ salvazzjoni,
ħelsien fi żminijiet ta’ periklu, wegħda ta’ paċi u tal-protezzjoni speċjali
ta’ Marija sal-aħħar taż-żmien.
Il-laptu hija forma mnaqqsa tal-libsa reliġjuża tal-Ordni tal-Patrijiet
tal-Verġni Mbierka tal-Muntanja Karmel. Billi huwa verżjoni iżgħar
tal-Iskapular tal-Ordni Karmelitan, kull min jilbsu jassoċja ruħu mal-Ordni
Karmelitan, kemm fid-devozzjoni lejn il-Verġni Marija Mqaddsa kif ukoll
fl-istennija tal-protezzjoni tagħha.
| San Xmun Stock |
L-“ilbies” huwa tema komuni fl-Iskrittura Mqaddsa. Il-libsa twila bil-kmiem
ta’ Ġużeppi (Ġenesi 37:3) huwa eżempju tal-importanza tal-ilbies fil-Bibbja.
Proverbji 31, meta jiddeskrivi mara tajba, jgħid, “Ġieħ u qawwa huma l-ilbies
tagħha.” Barra minn hekk, Iżaija 61:10 jgħid: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa
tlellex bil-ġawhar tagħha.
L-ilbies jilħaq l-ogħla sinifikat spiritwali tiegħu fil-patt il-ġdid.
Hemmhekk, jingħad li s-segwaċi ta’ Ġesù jilbsu lil Kristu nnifsu. Fl-ittra
lill-Galatin 3:27, San Pawl jikteb: “Intom, li intom mgħammda fi Kristu,
ilbistu ’l Kristu.”
L-Iskapular, bħala libsa speċjali tar-reliġjużi kkonsagrati, ilu magħruf sa
minn żmien San Benedittu (seklu VI). Il-patrijiet tiegħu kienu meħtieġa jilbsu
wieħed fuq l-abitu tagħhom waqt ix-xogħol. Minn dan l-iskop prattiku,
l-Iskapular kien imsejjaħ "il-madmad ta' Kristu" u kiseb sinifikat
spiritwali bħala sinjal ta' devozzjoni. Fost il-lajċi li jassoċjaw ruħhom ma'
ordnijiet partikolari jew jipprattikaw spiritwalità partikolari, jintlibsu verżjonijiet iżgħar ta' dawn
l-iskapulari, li spiss jissejħu “lapti” bħalma huwa l-laptu tal-Madonna
tal-Karmnu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2026
Nessun commento:
Posta un commento