martedì 30 giugno 2026

Lanċa ġejja u oħra sejra

 

Ftit ilu ktibt li ġejt assenjat fil-kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu ta’ Tas-Sliema u għalhekk l-artiklu tiegħi kien jitratta fuq fuq il-Bażilika Santwarju tan-Nazzarenu li hemm mal-kunvent tagħna. Illum ser nikteb dwar xi ħaġa oħra li hi marbuta ma’ din ix-xaqliba ta’ Tas-Sliema. Mit-tieqa ta’ kamarti nara waħda mill-isbaħ veduti li għandna f’pajjiżna, nara l-Belt Valletta, in-naħa ta’ Marsamxett, bil-koppla tal-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu u l-kampnar tal-Katidral Anglikan ta’ San Pawl. Tidher Manuel Island u nara ħafna dgħajjes u opri tal-baħar oħra. Kull qisu nofs siegħa nara l-catamaran li jkun għadu kif wasal mill-Belt jew li jkun għadu kif telaq minn Tas-Sliema lejn il-Belt. Ara ma taħsbux li ma għandix x’nagħmel u ngħaddi xi ġurnata wara t-tieqa ta’ kamarti nħares il barra, xejn minn dan imma billi t-twieqi tal-kmamar tal-kunvent tagħna huma kbar, kważi minn ħajt sa ħajt, bla ma trid hekk kif tħares il barra, tara l-attività li tkun għaddejja. U għalhekk illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif li ksibt dwar il-laneċ li kienu jaqsmu l-port ta’ Marsamxett u fl-istess ħin inwassal suġġeriment li nispera jasal fejn għandu jasal u jittieħed bis-serjetà.

Ftit tagħrif u storja

Is-servizz tal-laneċ ta' Tas-Sliema jaf il-bidu tiegħu nhar il-Ħadd 11 ta' Ġunju 1882, meta ċertu Julius Goldseller beda joffri s-servizz tal-Lanċa bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta. Jixraq ngħidu li dan Goldseller kien waqqaf il-kumpanija bl-isem “The Sliema Valletta Ferry Service Company” f’Jannar tas-sena ta’ qabel imma s-servizz ma bediex qabel Ġunju tas-sena 1882. L-ewwel dgħajjes jew laneċ li kienu joperaw dan is-servizz kienu jaħdmu bil-faħam u saru popolari fost dawk li kuljum, jew tal-anqas spiss, kienu jivvjaġġaw minn Tas-Sliema lejn il-Belt Valletta jew bil-kontra. Xieraq li ngħidu x’kien jisimhom dawn id-dgħajjes pijunieri fit-traġitt bil-baħar bejn dawn iż-żewġt ibliet: Kienu Ogygia u Melita. Sa sentejn wara dan is-servizz tant sar popolari li kellhom jiżdiedu l-laneċ u nafu li kien hemm żewġ opri tal-baħar oħra, waħda bl-isem ta’ Sliema u oħra bl-isem ta’ Victoria.

Kompetizzjoni

Għal dawk li jaħsbu li l-kompetizzjoni jew l-ikkupjar tal-ideat fin-negozju huwa xi ħaġa tal-lum, fejn jekk wieħed jiftaħ bil-pastizzi dlonk issib nofs tużżana oħra jagħmlu bħalu, ikun sejjer żball. Billi l-laneċ ta’ Goldseller kienu għamlu suċċess, inħolqot kumpanija oħra li kienet toffri t-trasport bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta. Inħoloq il-“Marsamscetto Steam Ferry Service” fil-bidu tas-seklu għoxrin. Dawn il-laneċ kienu jissejħu “Ta’ Mattej”. Kienu joperaw rotta tas-sajf bejn Spinola u Marsamxett. Kienu jagħmlu wkoll vjaġġi speċjali bejn il-Port il-Kbir u Spinola waqt il-festi prinċipali u xi Ħdud. Is-servizz kien popolari ħafna, speċjalment għall-pubbliku li kien imur għall-quddiesa ta' nofsillejl ta’ lejlet il-Milied. Is-servizz intemm għal kollox f'nofs is-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor.

Aktar storja

Intant, dan is-servizz tant sar popolari li saħansitra ta isem lix-xatt ta’ Tas-Sliema minn fejn kienu jitilqu u beda jissejjaħ “Il-ferries” kif għadu jissejjaħ sal-lum il-ġurnata. U mhux hekk biss, anke l-karozza tal-linja li tieqaf hemmhekk, għad hawn min isejħilha “Il-ferry”. Inkomplu bi ftit storja. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ir-rotot tal-ferry waqfu temporanjament iżda reġgħu bdew f'Lulju 1943 bl-użu ta' laneċ bl-isem ta’ Daphne u Neptune. Is-servizz waqaf għal kollox fis-snin ħamsin iżda fl-1991 reġa’ beda dan is-servizz biex fl-2012, Transport Malta ħadet f’idejha dan is-servizz biex illum għandna servizz b’catamaran tassew effiċjenti.

L-importanza u l-popolarità ta’ dan is-servizz jidher mill-fatt li saħansitra aħna l-Maltin ħloqna għanja dwarhom. Min qatt ma kantaha l-għanja li tibda hekk: “Lanċa ġejja u oħra sejra, minn Tas-Sliema għal Marsamxett”?

Suġġeriment lil Transport Malta

Issa li jiena qed noqgħod Tas-Sliema, nistqarr magħkom li kull meta jkolli bżonn immur sal-Belt, kemm naqsam it-triq, nirkeb il-lanċa u fi ftit minuti nsib ruħi fid-destinazzjoni tiegħi. Kieku kelli nuża tal-linja, f’dawk il-minuti mhux żgur inkun għadni wasalt l-Imsida. Hekk kif tasal Marsamxett, issib il-van jistenna biex jekk tkun trid tmur taqbad il-lanċa li tieħdok fit-tlett ibliet. Tasal bil-kumdità kollha. Ikun hemm min ikun irid joqgħod il-Belt. Sa Hawn kollox sew, imma issa inressaq is-suġġeriment tiegħi. Kieku l-van li jwasslek minn Marsamxett sa ħdejn id-dwana jgħaddi wkoll minn fejn it-terminus ta’ Pjazza Tritoni, dak li jkun Tas-Sliema u jrid imur f’destrinazzjoni li mhix il-Kottonera jkun jista’ juża l-lanċa għal nofs il-vjaġġ tiegħu. Biex titla’ bil-mixi minn fejn jorbot il-catamaran saċ-ċentru tal-Belt jew sa Putrijal, hemm triq li taqta’ qalb dak li jkun. Kieku jkun hemm dan is-servizz, nemmen li jonqos xi ftit it-traffiku mill-Imsida.  Transport Malta, ħudu nota jekk jogħġobkom u ddiskutuh dan is-suġġeriment!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 27 ta' Ġunju 2026



Nessun commento:

Posta un commento