Wasal Ġunju u dalwaqt jgħaddi wkoll, u għalhekk waslu il-jiem marbutin mal-festi tradizzjonali li jsiru fl-ibliet u l-irħula tagħna l-Maltin. Dwar dawn il-festi hemm ħafna x’wieħed jgħid, fosthom li hawn min jgħix is-sena kollha għall-festa u hawn imbagħad oħrajn li jieħdu qatgħa malli jisimgħu l-ewwel murtal. Hu x’inhu, tħobbhom jew ma tħobbhomx, minn l-aħħar ta’ Mejju jew il-bidu ta’ Ġunju sa Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru f’pajjiżna jkun għaddej l-istaġun tal-festi.
Elementi ta’
ġewwa
Bħal kollox,
il-festa Maltija fiha elementi li jsawruha, elementi li mingħajrhom ma tkunx
festa kompluta. Prinċipalment il-festa tar-raħal hija avveniment reliġjuż, biss
dan il-fatt spiss jintesa u jsir aktar enfasi fuq dak li jseħħ fit-toroq milli
dwar dak li l-aktar huwa importanti fil-festa.
Il-ġimgħa tal-festa tibda bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Din wara sena msakkra terġa’ tinħareġ ftit għall-arja biex titgawda. Mhux l-għan tiegħi li nsemmi xi festi partikolari, imma ngħid biss li l-ħruġ tal-vara minn ġewwa n-niċċa hawn festi li jattendu għalih nies daqs kemm jattendu għall-purċissjoni. Element ieħor tal-ġimgħa tal-festa huma it-tlett ijiem tat-tridu. Dawn għandhom l-għan li fihom isiru prietki minn saċerdot mistieden biex il-parruċċani jagħrfu l-virtujiet li bihom kien imżejjen il-qaddis patrun tar-raħal. Hawn kultant tħoss uġigħ ta’ qalb, tara knisja armata sa snienha, predikatur li jkun fittex li jħejji prietka mill-aqwa biex imbagħad ikun hemm knisja kważi vojta. Mhux l-istess isir fil-marċ, hemm ikun hemm folla mhux ħażin! Ara l-knisja fil-jiem tat-tridu, inħalluha għal dawk ix-xjuħ li wara l-funzjoni jmorru lejn darhom għax issa ma għadhomx imorru jaqbżu mal-banda!Iżda ngħid ukoll li hawn festi fejn il-knisja tkun mimlija wkoll. Imbagħad hemm it-Te Deum, li normalment kien isir fil-jum tas-Sibt filgħodu. Minħabba n-nuqqas ta’ attendenza, llum hawn festi li qed jagħmluh il-Ġimgħa filgħaxija. Personalment nippreferi s-Sibt filgħodu, imma aħjar hekk milli ma jsir xejn. Is-Sibt ukoll issir it-transulazzjoni tar-relikwija tal-qaddis jew qaddisa u hekk uffiċjalment jibda l-jum tal-festa. Imbagħad jisbaħ il-Ħadd, filgħodu l-quddiesa tal-festa u tard waranofsinhar l-Għasar Solenni u l-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis jew qaddisa.
Dan huwa bejn
wieħed u ieħor il-programm tal-knisja fil-festa Maltija. Jiena ħadt tip ta’
festa li tkun iċċelebrata l-Ħadd għax fl-istaġun tal-festi Maltin hemm festi li
jiġu ċċelebrati fost il-ġimgħa fil-jum liturġiku tal-festa tal-qaddis jew
qaddisa u hemm festi oħra li l-programm tagħhom ikun xi ftit differenti minn
dan li ktibt jiena.
Elementi ta’
barra
Jekk fil-jiem
tal-festa l-knisja tkun armata sa snienha, l-istess nistgħu ngħidu għat-toroq
tal-parroċċa. Illum fil-jiem tal-festi tagħna nkunu nistgħu ngawdu bosta opri
artistiċi mill-aqwa; xogħol ta’ pilandri u trofej, kolonni, statwi, xogħol ta’
ħjata ta’ pavaljuni, bandalori u bnadar, kollha fuq disinn inħażżeż minn artist
Malti, li jkollna ngħiduha kif inhi, illum hawn minn dawn l-artisti li
tabilħaqq huma ta’ livell. Ma’ dawn jidħol ħafna xogħol ieħor, bħall-irħamar
tal-pilandri u armar ieħor u xogħol ieħor li ma jidhirx, bħal xogħol ta’ ħadid
u xogħol tad-dawl. Insomma fi ftit kliem nistgħu ngħidu li fil-jiem tal-festa
t-toroq tagħna jinbidlu f’vetrina ta’ artiġjanat u ta’ volontarjat, għax bosta
mix-xogħol li naraw ikun sar matul is-sena minn numru ta’ volontiera.
Element ieħor li
nsibu fil-festa esterna hija l-mużika. Għal kull soċjetà mużikali, il-ġimgħa
tal-festa hija l-aktar waħda impenjattiva. Normalment isiru għadd ta’ marċi
matul il-ġimgħa filgħaxija u s-Sibt jew il-Ħadd filgħodu, imma l-akbar impenn
żgur li jkun il-programm mużikali ta’ fuq il-planċier. Mal-ħoss tal-mużika
jingħaqad il-ħoss tan-nar. Nemmen li fost l-aktar kritika li jaqilgħu l-festi
tagħna tkun minħabba l-eseġerazzjoni fil-logħob tan-nar. Wisq nibża’ li dan
jiġri minħabba l-ħoss qawwi kif ukoll minħabba li dawn il-ħsejjes idumu wisq.
Sa fejn naf jien hemm liġi f’Malta li kull storbju jrid jieqaf fil-ħdax ta’
bil-lejl. Ma jidhirlix li din il-liġi xi darba tneħħiet imma nemmen li tpoġġiet
fuq l-ixkaffa. Jiġi mill-organizzaturi tal-festa li jiġi irrispettat dan
il-ħin.
Tal-qubbajd u
tal-hotdogs
Ħa ngħidha kif inħossha, festa fejn ma ssibx lil tal-qubbajd u l-gabbana tal-hotdogs naraha festa mhux kompluta b’kollox. Jista’ jkun li nħoss dan is-sentiment għax fi tfuliti tal-qubbajd u tal-hotdogs kienu l-uniċi bejjiegħa fil-festi tagħna. Mhux bħal-lum issib minn kollox, fi tfuliti tixtri hotdog u flixkun luminata, li kienu jiswew 5 ċenteżmi, u forsi jekk tkun il-każin tal-banda tixtri sandwich bil-butir mielaħ u l-perżut. Il-bqija ma kont issib xejn aktar. Nammetti li meta llum inkun f’xi festa u nara xi gabbana mill-antiki (jekk fadal xi waħda) jew xi mejda tal-quddajd, tiġini nostalġija kbira għal snin tfuliti.
Li ma kienx hemm
żgur fil-festi ta’ tfuliti kienu l-parties li jsiru llum, li ngħid id-dritt ma
naqbel xejn magħhom, imma mhux billi ngħid jien. Biss nistaqsi mistoqsija dwar
dawn tal-aħħar, allura issa li l-festa Maltija hija ddikjarata bħala wirt intanġibbli,
dawn il-parties jagħmlu parti minn dan il-wirt ukoll?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 20 ta' Ġunju 2026
Nessun commento:
Posta un commento