sabato 19 settembre 2026

Il-ħobża Maltija

 

Fost il-ħafna ikel tipiku Malti, insibu l-ħobż Malti. Tista’ tgħid li kull pajjiż u kull kultura għandha l-ħobż tagħha. L-istess nistgħu ngħidu għal pajjiżna. Il-ħobża Maltija hija aktar minn sempliċi ikel; hija simbolu tal-kultura u l-identità nazzjonali tagħna. Tiddistingwi ruħha bil-qoxra aktarx iebsa u tqarmeċ u l-qalba, li tissejjaħ ukoll lbieba, li tkun ratba. Għidli min ma jħobbx kisra ħobż tal-Malti biż-żejt u l-kunserva? Kultant nara hobż mormi u ngħid id-dritt inħoss qalbi tingħafas meta niftakar kemm ħin ikun għadda l-furnar fis-sħana tal-forn biex iwassal ħobża friska u mbagħad ikun hemm min jarmiha.

Il-proċess tal-ħobż Malti 

Il-proċess tal-ħobża Maltija huwa wieħed twil u jiddependi ħafna wkoll mit-temp. Il-proċess jibda mill-jum ta’ qabel issir il-furnata. X’jiġifieri? Il-ħobża Maltija, meta tkun maħduma bil-proċess tradizzjonali, ikollha dik li tissejjaħ tinsila, il-ħmira li tgħolli l-għaġna kollha. It-tinsila kienet tkun biċċa għaġina li titħalla mill-jum ta’ qabel biex din tiqras u ssir ħmira. Il-kelma li jużaw il-furnara hija li t-tinsila titlewwet. Din it-tinsila sservi biex issir il-fermentazzjoni biex il-ħobż jogħla u jieħu togħma rikka li fih.

Il-ħobża Maltija ma fihiex wisq ingredejenti, fiha biss proċess twil biex jagħmilha unika. Il-proċess jibda billi jitħalltu d-dqiq, l-ilma, il-melħ mill-oħxon u l-ħmira. Il-kwantità u l-ħin ta' mistrieħ tal-għaġina huma sigrieti ewlenin ta’ kull furnar. Kollox jitħallat fil-maġna u wara li l-għaġna tkun lesta tinqala’ mill-makna u tintefa’ f’tilar tal-injam. Hemm titħalla toqgħod imma titqalleb xi darbtejn. Imbagħad din l-għaġina tittieħed fil-mejjilla, li huwa banju kbir tal-injam biex tkompli togħla sakemm tibda titqatta’ sabiex titgerbeb f’ħobż.

Tieħu l-forma

Wara dan il-proċess ikun wasal il-waqt li l-għaġna titqatta’ tal-qies, tintiżen u tibda titkebbeb f’ħobż. Il-ħobża titgerbeb u ssirilha l-għoqda u titpassat, jiġfieri titpoġġa f’tilari. Tajjeb ngħidu li kull tip ta’ ħobż Malti għandu l-istess ingredjenti u l-istess proċess, imma l-forma tista’ tibdel anke xi ftit it-togħma.

Il-ħobża Maltija tista’ tkun “baxxa” jew “għolja”, id-differenza hija fil-mod ta’ kif wara li titgerbeb titpassat fit-tilar. Il-ħobża baxxa, tiġi mpoġġija fit-tilar bl-għoqda il fuq. Fil-fatt xi furnara jixħtu raxxa ġunġlien fit-tilar u dan jeħel ma’ wiċċ il-ħobża. Il-ħobż “għoli” jew kif insibuh ukoll, tas-salib jew tas-sikkina, jitpassat bl-għoqda tmiss mat-tilar u fil-fatt għalhekk ħobż ta’ dan it-tip ma jkunx fih ġunġlien. Il-ftajjar jitkebbu l-ewwel u warajhom jitkebbeb il-ħobż għoli u fl-aħħar isir il-ħobż baxx. Il-ħobża titkebbeb f’qisien differenti. Illum aktarx insibu dik li tissejjaħ “kbira” u dik li nsibuha bħala “żgħira”, imma qabel kien isir ħobż ta’ nofs wiżna, ħobż ta’ ratlejn, ta’ ratal u ta’ nofs artal. Ma rridux ninsew li sa ftit deċenji ta’ snin ilu l-ħobż kien bir-razzjon u għalhekk kien jintiżen u jekk il-piż ma kienx ikun eżatt kienet tingħata l-ġonta, biċċa ħobż, jew biċċa ftira, sabiex jintlaħaq il-piż li jkun imiss lil dik il-klijenta li tkun qed tixtri l-ħobż għall-familja tagħha.

Meta jiġi biex jinħema, jew kif jgħidu l-furnara, jinħabeż, jiddaħħlu l-ewwel il-ftajjar, imbagħad il-ħobż baxx u fl-aħħar dak l-għoli. Sakemm tkun maħbuża l-furnata kollha, qabel tingħalaq il-bieba tal-forn, jinħarġu l-ftajjar għax ikunu saru. Hawn nixtieq insemmi tip ta’ ħobż ieħor Malti, li jsir mill-istess għaġna. Qed nirreferi għall-ħobża tal-kexxun. Dan kien ikun ħobż li jitpoġġa fi speċi ta’ kexxun tal-pjanċi u jinħema ġo fih. Dan mhux il-ħobż tas-sandwich imma huwa ħobż Malti li minkejja li jixbah li dak tas-sandwich għandu togħma differenti.

Sakemm ikun qed isir dan kollu, jintefa’ l-ħatab fil-parti tiegħu tal-forn sabiex jilħaq it-temperatura li tista’ ssajjar il-ħobż. Hekk kif jintefa n-nar, tinfetaħ il-bieba tal-forn u jinkines minn xi ġamar li jista’ jkun hemm fil-qiegħa tal-forn. Dan isir b’dik li tissejjaħ kenniesa, lasta twila li jkollha magħha marbuta ċaruta jew xkora li tiddaħħal fl-ilma u biha jintmesaħ qiegħ il-forn.

Dħul u ħruġ

Dak li jitfa’ l-ħobż fil-forn jissejjaħ ħabbież, huwa dak li jaħbeż. Din hija sengħa, għax il-ħabbież irid idaħħal il-ħobż b’mod li malli jibda jsir u jikber ftit, imiss ma’ xulxin. Dik il-parti li tmiss ma’ ħobża oħra tissejjaħ il-bewsa. Il-ħobża tieħu madwar 45 minuta biex issir f’forn tradizzjonali. Issa jibda ħiereġ il-ħobż mill-forn. Joħroġ l-ewwel dak li jkun daħal l-aħħar, jiġifieri l-ħobż tas-salib u tas-sikkina u wara joħroġ il-ħobż baxx. Dan jitpoġġa fit-tilari sabiex kif jibred ikun jista’ titpoġġa fil-van biex tibda d-dawra.

Aktar xogħol

Dan li ktibt sa issa huwa l-proċess bażiku li kien isir sa ftit snin ilu. Illum ma’ dan il-proċess nistgħu nżidu aktar xogħol. Illum issib ħobż tal-Malti imqatta’ u lest fil-boroż. Biex isir dan il-proċess il-ħobż irid ikun bired sewwa, l-ewwel ħaġa għax jekk ikun għadu jaħraq ma jitqattax sewwa u jekk jitpoġġa fil-borża tal-plastik meta jkun għadu sħun dan irabbi l-għaraq u l-ħobża tixxarrab u timmoffa. Barra minn hekk illum insibu ħobż Malti żgħir li jinħema fi pjanċa.

Kemm fiha xogħol ħobża tal-Malti, tarmihiex!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Settembru 2026



Nessun commento:

Posta un commento