martedì 30 giugno 2026

Lanċa ġejja u oħra sejra

 

Ftit ilu ktibt li ġejt assenjat fil-kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu ta’ Tas-Sliema u għalhekk l-artiklu tiegħi kien jitratta fuq fuq il-Bażilika Santwarju tan-Nazzarenu li hemm mal-kunvent tagħna. Illum ser nikteb dwar xi ħaġa oħra li hi marbuta ma’ din ix-xaqliba ta’ Tas-Sliema. Mit-tieqa ta’ kamarti nara waħda mill-isbaħ veduti li għandna f’pajjiżna, nara l-Belt Valletta, in-naħa ta’ Marsamxett, bil-koppla tal-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu u l-kampnar tal-Katidral Anglikan ta’ San Pawl. Tidher Manuel Island u nara ħafna dgħajjes u opri tal-baħar oħra. Kull qisu nofs siegħa nara l-catamaran li jkun għadu kif wasal mill-Belt jew li jkun għadu kif telaq minn Tas-Sliema lejn il-Belt. Ara ma taħsbux li ma għandix x’nagħmel u ngħaddi xi ġurnata wara t-tieqa ta’ kamarti nħares il barra, xejn minn dan imma billi t-twieqi tal-kmamar tal-kunvent tagħna huma kbar, kważi minn ħajt sa ħajt, bla ma trid hekk kif tħares il barra, tara l-attività li tkun għaddejja. U għalhekk illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif li ksibt dwar il-laneċ li kienu jaqsmu l-port ta’ Marsamxett u fl-istess ħin inwassal suġġeriment li nispera jasal fejn għandu jasal u jittieħed bis-serjetà.

Ftit tagħrif u storja

Is-servizz tal-laneċ ta' Tas-Sliema jaf il-bidu tiegħu nhar il-Ħadd 11 ta' Ġunju 1882, meta ċertu Julius Goldseller beda joffri s-servizz tal-Lanċa bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta. Jixraq ngħidu li dan Goldseller kien waqqaf il-kumpanija bl-isem “The Sliema Valletta Ferry Service Company” f’Jannar tas-sena ta’ qabel imma s-servizz ma bediex qabel Ġunju tas-sena 1882. L-ewwel dgħajjes jew laneċ li kienu joperaw dan is-servizz kienu jaħdmu bil-faħam u saru popolari fost dawk li kuljum, jew tal-anqas spiss, kienu jivvjaġġaw minn Tas-Sliema lejn il-Belt Valletta jew bil-kontra. Xieraq li ngħidu x’kien jisimhom dawn id-dgħajjes pijunieri fit-traġitt bil-baħar bejn dawn iż-żewġt ibliet: Kienu Ogygia u Melita. Sa sentejn wara dan is-servizz tant sar popolari li kellhom jiżdiedu l-laneċ u nafu li kien hemm żewġ opri tal-baħar oħra, waħda bl-isem ta’ Sliema u oħra bl-isem ta’ Victoria.

Kompetizzjoni

Għal dawk li jaħsbu li l-kompetizzjoni jew l-ikkupjar tal-ideat fin-negozju huwa xi ħaġa tal-lum, fejn jekk wieħed jiftaħ bil-pastizzi dlonk issib nofs tużżana oħra jagħmlu bħalu, ikun sejjer żball. Billi l-laneċ ta’ Goldseller kienu għamlu suċċess, inħolqot kumpanija oħra li kienet toffri t-trasport bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta. Inħoloq il-“Marsamscetto Steam Ferry Service” fil-bidu tas-seklu għoxrin. Dawn il-laneċ kienu jissejħu “Ta’ Mattej”. Kienu joperaw rotta tas-sajf bejn Spinola u Marsamxett. Kienu jagħmlu wkoll vjaġġi speċjali bejn il-Port il-Kbir u Spinola waqt il-festi prinċipali u xi Ħdud. Is-servizz kien popolari ħafna, speċjalment għall-pubbliku li kien imur għall-quddiesa ta' nofsillejl ta’ lejlet il-Milied. Is-servizz intemm għal kollox f'nofs is-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor.

Aktar storja

Intant, dan is-servizz tant sar popolari li saħansitra ta isem lix-xatt ta’ Tas-Sliema minn fejn kienu jitilqu u beda jissejjaħ “Il-ferries” kif għadu jissejjaħ sal-lum il-ġurnata. U mhux hekk biss, anke l-karozza tal-linja li tieqaf hemmhekk, għad hawn min isejħilha “Il-ferry”. Inkomplu bi ftit storja. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ir-rotot tal-ferry waqfu temporanjament iżda reġgħu bdew f'Lulju 1943 bl-użu ta' laneċ bl-isem ta’ Daphne u Neptune. Is-servizz waqaf għal kollox fis-snin ħamsin iżda fl-1991 reġa’ beda dan is-servizz biex fl-2012, Transport Malta ħadet f’idejha dan is-servizz biex illum għandna servizz b’catamaran tassew effiċjenti.

L-importanza u l-popolarità ta’ dan is-servizz jidher mill-fatt li saħansitra aħna l-Maltin ħloqna għanja dwarhom. Min qatt ma kantaha l-għanja li tibda hekk: “Lanċa ġejja u oħra sejra, minn Tas-Sliema għal Marsamxett”?

Suġġeriment lil Transport Malta

Issa li jiena qed noqgħod Tas-Sliema, nistqarr magħkom li kull meta jkolli bżonn immur sal-Belt, kemm naqsam it-triq, nirkeb il-lanċa u fi ftit minuti nsib ruħi fid-destinazzjoni tiegħi. Kieku kelli nuża tal-linja, f’dawk il-minuti mhux żgur inkun għadni wasalt l-Imsida. Hekk kif tasal Marsamxett, issib il-van jistenna biex jekk tkun trid tmur taqbad il-lanċa li tieħdok fit-tlett ibliet. Tasal bil-kumdità kollha. Ikun hemm min ikun irid joqgħod il-Belt. Sa Hawn kollox sew, imma issa inressaq is-suġġeriment tiegħi. Kieku l-van li jwasslek minn Marsamxett sa ħdejn id-dwana jgħaddi wkoll minn fejn it-terminus ta’ Pjazza Tritoni, dak li jkun Tas-Sliema u jrid imur f’destrinazzjoni li mhix il-Kottonera jkun jista’ juża l-lanċa għal nofs il-vjaġġ tiegħu. Biex titla’ bil-mixi minn fejn jorbot il-catamaran saċ-ċentru tal-Belt jew sa Putrijal, hemm triq li taqta’ qalb dak li jkun. Kieku jkun hemm dan is-servizz, nemmen li jonqos xi ftit it-traffiku mill-Imsida.  Transport Malta, ħudu nota jekk jogħġobkom u ddiskutuh dan is-suġġeriment!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 27 ta' Ġunju 2026



venerdì 19 giugno 2026

Elementi tal-Festa Maltija

Wasal Ġunju u dalwaqt jgħaddi wkoll, u għalhekk waslu il-jiem marbutin mal-festi tradizzjonali li jsiru fl-ibliet u l-irħula tagħna l-Maltin. Dwar dawn il-festi hemm ħafna x’wieħed jgħid, fosthom li hawn min jgħix is-sena kollha għall-festa u hawn imbagħad oħrajn li jieħdu qatgħa malli jisimgħu l-ewwel murtal. Hu x’inhu, tħobbhom jew ma tħobbhomx, minn l-aħħar ta’ Mejju jew il-bidu ta’ Ġunju sa Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru f’pajjiżna jkun għaddej l-istaġun tal-festi.

Elementi ta’ ġewwa

Bħal kollox, il-festa Maltija fiha elementi li jsawruha, elementi li mingħajrhom ma tkunx festa kompluta. Prinċipalment il-festa tar-raħal hija avveniment reliġjuż, biss dan il-fatt spiss jintesa u jsir aktar enfasi fuq dak li jseħħ fit-toroq milli dwar dak li l-aktar huwa importanti fil-festa.

Il-ġimgħa tal-festa tibda bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Din wara sena msakkra terġa’ tinħareġ ftit għall-arja biex titgawda. Mhux l-għan tiegħi li nsemmi xi festi partikolari, imma ngħid biss li l-ħruġ tal-vara minn ġewwa n-niċċa hawn festi li jattendu għalih nies daqs kemm jattendu għall-purċissjoni. Element ieħor tal-ġimgħa tal-festa huma it-tlett ijiem tat-tridu. Dawn għandhom l-għan li fihom isiru prietki minn saċerdot mistieden biex il-parruċċani jagħrfu l-virtujiet li bihom kien imżejjen il-qaddis patrun tar-raħal. Hawn kultant tħoss uġigħ ta’ qalb, tara knisja armata sa snienha, predikatur li jkun fittex li jħejji prietka mill-aqwa biex imbagħad ikun hemm knisja kważi vojta. Mhux l-istess isir fil-marċ, hemm ikun hemm folla mhux ħażin! Ara l-knisja fil-jiem tat-tridu, inħalluha għal dawk ix-xjuħ li wara l-funzjoni jmorru lejn darhom għax issa ma għadhomx imorru jaqbżu mal-banda!Iżda ngħid ukoll li hawn festi fejn il-knisja tkun mimlija wkoll. Imbagħad hemm it-Te Deum, li normalment kien isir fil-jum tas-Sibt filgħodu. Minħabba n-nuqqas ta’ attendenza, llum hawn festi li qed jagħmluh il-Ġimgħa filgħaxija. Personalment nippreferi s-Sibt filgħodu, imma aħjar hekk milli ma jsir xejn. Is-Sibt ukoll issir it-transulazzjoni tar-relikwija tal-qaddis jew qaddisa u hekk uffiċjalment jibda l-jum tal-festa. Imbagħad jisbaħ il-Ħadd, filgħodu l-quddiesa tal-festa u tard waranofsinhar l-Għasar Solenni u l-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis jew qaddisa.

Dan huwa bejn wieħed u ieħor il-programm tal-knisja fil-festa Maltija. Jiena ħadt tip ta’ festa li tkun iċċelebrata l-Ħadd għax fl-istaġun tal-festi Maltin hemm festi li jiġu ċċelebrati fost il-ġimgħa fil-jum liturġiku tal-festa tal-qaddis jew qaddisa u hemm festi oħra li l-programm tagħhom ikun xi ftit differenti minn dan li ktibt jiena.

Elementi ta’ barra

Jekk fil-jiem tal-festa l-knisja tkun armata sa snienha, l-istess nistgħu ngħidu għat-toroq tal-parroċċa. Illum fil-jiem tal-festi tagħna nkunu nistgħu ngawdu bosta opri artistiċi mill-aqwa; xogħol ta’ pilandri u trofej, kolonni, statwi, xogħol ta’ ħjata ta’ pavaljuni, bandalori u bnadar, kollha fuq disinn inħażżeż minn artist Malti, li jkollna ngħiduha kif inhi, illum hawn minn dawn l-artisti li tabilħaqq huma ta’ livell. Ma’ dawn jidħol ħafna xogħol ieħor, bħall-irħamar tal-pilandri u armar ieħor u xogħol ieħor li ma jidhirx, bħal xogħol ta’ ħadid u xogħol tad-dawl. Insomma fi ftit kliem nistgħu ngħidu li fil-jiem tal-festa t-toroq tagħna jinbidlu f’vetrina ta’ artiġjanat u ta’ volontarjat, għax bosta mix-xogħol li naraw ikun sar matul is-sena minn numru ta’ volontiera.

Element ieħor li nsibu fil-festa esterna hija l-mużika. Għal kull soċjetà mużikali, il-ġimgħa tal-festa hija l-aktar waħda impenjattiva. Normalment isiru għadd ta’ marċi matul il-ġimgħa filgħaxija u s-Sibt jew il-Ħadd filgħodu, imma l-akbar impenn żgur li jkun il-programm mużikali ta’ fuq il-planċier. Mal-ħoss tal-mużika jingħaqad il-ħoss tan-nar. Nemmen li fost l-aktar kritika li jaqilgħu l-festi tagħna tkun minħabba l-eseġerazzjoni fil-logħob tan-nar. Wisq nibża’ li dan jiġri minħabba l-ħoss qawwi kif ukoll minħabba li dawn il-ħsejjes idumu wisq. Sa fejn naf jien hemm liġi f’Malta li kull storbju jrid jieqaf fil-ħdax ta’ bil-lejl. Ma jidhirlix li din il-liġi xi darba tneħħiet imma nemmen li tpoġġiet fuq l-ixkaffa. Jiġi mill-organizzaturi tal-festa li jiġi irrispettat dan il-ħin.

Tal-qubbajd u tal-hotdogs

Ħa ngħidha kif inħossha, festa fejn ma ssibx lil tal-qubbajd u l-gabbana tal-hotdogs naraha festa mhux kompluta b’kollox. Jista’ jkun li nħoss dan is-sentiment għax fi tfuliti tal-qubbajd u tal-hotdogs kienu l-uniċi bejjiegħa fil-festi tagħna. Mhux bħal-lum issib minn kollox, fi tfuliti tixtri hotdog u flixkun luminata, li kienu jiswew 5 ċenteżmi, u forsi jekk tkun il-każin tal-banda tixtri sandwich bil-butir mielaħ u l-perżut. Il-bqija ma kont issib xejn aktar. Nammetti li meta llum inkun f’xi festa u nara xi gabbana mill-antiki (jekk fadal xi waħda) jew xi mejda tal-quddajd, tiġini nostalġija kbira għal snin tfuliti.

Li ma kienx hemm żgur fil-festi ta’ tfuliti kienu l-parties li jsiru llum, li ngħid id-dritt ma naqbel xejn magħhom, imma mhux billi ngħid jien. Biss nistaqsi mistoqsija dwar dawn tal-aħħar, allura issa li l-festa Maltija hija ddikjarata bħala wirt intanġibbli, dawn il-parties jagħmlu parti minn dan il-wirt ukoll?

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 20 ta' Ġunju 2026