Visualizzazione post con etichetta natura. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta natura. Mostra tutti i post

venerdì 30 settembre 2016

L-għajta

Kont qiegħed naqra kiteb fil-gallarija x’ ħin leħen il-bejjiegħa tal-ħut waqqafni mill-qari. Dak il-ħin moħħi ġera bija u l-għajta ħaditli ħsiebi minn Ħal Qormi għal Oslo fin-Norveġja. Dwar l-għajjat aħna ngħidu li dan huwa nofs il-bejgħ, iżda l-għajta li ftakart fiha llum ma hijiex għajta li tista’ tisma’, anzi hija għajta muta, bla leħen. Qiegħed nirreferi għall-pittura ta’ Edvard Munch li hija magħrufa b’ dan l-isem.

Il-pittur

Edvard Munch
Edvard Munch kien pittur Norveġiż li għex bejn l-1863 u l-1944. Fl-istudji tiegħu huwa brilla fil-matematika, il-fiżika u l-kimika. Madanakollu, kontra x-xewqa ta’ missieru, huwa ħalla l-kulleġġ fejn kien qed jistudja biex imur jistudja l-arti u jsir pittur. Tal-istess idea bħal missieru kienu bosta ħbieb u familjari ta’ Munch iżda hu kien determinat li jsir pittur. Fid-djarju tiegħu huwa kien kiteb hekk: Fl-arti tiegħi nipprova nesprimi l-ħajja u dak li tfisser għalija.

Għal xi żmien huwa kien jgħix ġewwa Pariġi kif ukoll Berlin iżda reġa’ lura lejn Oslo fejn baqa’ jgħix il-kumplament ta’ ħajtu. L-arti tiegħu hija differenti minn l-arti li aħna drajna naraw, din l-arti trid il-ħsieb biex tifhimha sewwa. Meta dan l-artist miet ix-xogħol artistiku tiegħu ħallieh lill-belt ta’ Oslo. Dan il-wirt jikkonsisti f’ 1,100 pittura, 4,500 disinn u 18,000 print. Fl-1963 infetaħ mużew ġewwa l-istess belt fejn hemm esebiti dawn il-bċejjeċ kollha.

L-Għajta
Der Schrei der Natur
Waħda mill-aktar pitturi famużi ta’ dan l-artist tissejjaħ “Skrik”, dik li jiena qed insejħilha bħala “L-Għajta”. Ma nafx għandix insejħilha hekk jew inkella “It-Twerżieqa” għaliex bl-Ingliż din il-pitura tissejjaħ “The Scream”, bit-Taljan tissejjaħ “L-Urlo” u bil-Franċiż  “Le Cri”, imma aħna ejjew insejħulha “L-Għajta”. L-isem li Munch ta lil din il-pittura huwa bil-Ġermaniż: Der Schrei der Natur – L-Għajta tan-Natura.

Munch pitter erba’ verżjonijiet ta’ din il-pittura bejn l-1893 u l-1910. Din turi figura b’ espressjoni donnha agonizzata, imbeżżgħa, mitlufa b’ idejha t-tnejn ma’ ħaddejha. L-isfond tal-pittura huwa ħamrani u sewdieni.  Jekk wieħed jifli sew, jara li fuq wara tal-figura, li la nafu hijiex raġel jew mara, jidhru figuri ta’ żewġ persuni oħra filwaqt li fl-isfond nistgħu naraw ukoll żewġ xwieni. Billi l-pittura ta’ Munch hija simbolista u espressjonista, wieħed irid iħares sew u juża wkoll ftit tal-immaġinazzjoni.

Skont l-awtur u l-kontributur ta’ The New York Times, Arthur Lubow, din il-pittura hija ikona tal-arti moderna u tista’ titqies bħala l-Mona Lisa ta’ dawn iż-żminijiet.

Mid-djarju ta’ Munch
Dwar din il-pittura, Munch kiteb fid-djaru tiegħu dan il-kliem: Lejla minnhom x’ ħin kont għaddej mal-ġenb, bil-belt fuq naħa u l-fjord taħti, ħassejtni għajjien u debboli. Waqaft u ħarist lejn il-fjord – ix-xemx kienet nieżla u l-isħab kien qiegħed jinbidel f’ lewn ħamrani bħad-demm. Ħassejt bħal għajta għaddejja min-natura. Donni smajt l-għajta. Pittirt dal-kwadru, pittirt l-isħab daqs li kieku kien demm. Il-kulur werżaq. Din saret l-Għajta.

Minn dan il-ftit kliem miktub mill-artist stess nistgħu nintebħu x’ ried iffisser bil-pittura tiegħu. Jekk ma naqrawx dak li kien kiteb għandna mnejn ma nifhmux x’ hemm moħbi wara dik il-pittura.

Patrimonju
Il-erba’ verżjonijiet ta’ din il-pittura llum huma ta’ valur kbir. Waħda minn dawn il-pitturi, dik tal-1893 insibuha fil-Mużew Nazzjonali ta’ Oslo, filwaqt li waħda mpittra bil-pastellina fl-1893 wkoll u oħra mpittra fl-1910 insibuhom fil-mużew tal-Artist Munch f’ Oslo ukoll. Ir-raba’ kopja, li kienet impittra fl-1895, inbiegħet waqt irkant tal-arti fl-2012. Il-prezz imħallas għal din il-pittura kien ta’ $119,922,600, iva sewwa qed taqra, ftit inqas minn mija u għoxrin miljun dollaru Amerikan! Din illum tinsab ġewwa l-Amerika għand kollezzjonista tal-arti. Meta tara dawn iċ-ċifri dlonk tinduna li biċċa xogħol ta’ dan l-artist, bħal ovvjament l-artisti kbar kollha, hija xejn anqas minn patrimonjun kbir.

Serq
Il-Mużew ta' Munch
Fit-12 ta’ Frar 1994 il-pittura li nsibu fil-Mużew Nazzjonali  ta’ Oslo insterqet. Min seraq din il-pittura ħalla nota miktubna li kienet tgħid hekk “Ħajr għas-sigurtà fqira li hawn”.  Intalab rahan ta’ miljun dollaru għaliha iżda l-mużew ma aċċettax. Il-pittura instabet bla ebda ħsara fis-7 ta’ Mejju tal-istess sena.

Fit-22 ta’ Awwissu 2004 insterqet il-pittura tas-sena 1910 li nsibu fil-Mużew Munch. Flimkien ma’ din il-pittura, dawk li serqu ħadu magħhom ukoll pittura oħra ta’ Munch, bl-isem ta’ “Madonna”.  Kienet ġriet ix-xnieha li l-pitturi kienu nħarqu mill-ħallelin sabiex ineħħu kull traċċa tas-serqa. Il-kunsill ta’ Oslo kien offra żewġ miljun Kroner (€231.000) lil min jagħti xi informazzjoni li twassal biex dawn il-pitturi jinstabu. Fil-31 ta’ Awwissu, tas-sena 2006 il-pulizija kienet ħabbret li ż-żewġ pitturi kienu misjuba u kienu f’ kundizzjoni tajba ħafna, aħjar milli stennew li jsibuhom.
Fuq fuq din hija l-istorja ta’ pittura famuża li ftakart fiha għax smajt lil tal-ħut tgħajjat taħt il-gallarija tiegħi! Storja li xtaqt naqsam magħkom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Ottubru 2016





mercoledì 2 aprile 2014

ANTROPOĊENTRIŻMU



Meta taqra din il-kelma ħaġa żgħira titfixkel u tgħid bejnek u bejn ruħek x'inhi. Hija kelma ffurmata minn żewġ kelmiet, bħal bosta kliem ieħor li ftit li xejn nużaw u ftit wisq aktar nifhmu! Antropos hija kelma Griega li tfisser bniedem, ċentriżmu hija kelma li nużawha spiss, u li lkoll nafu li tfisser il-qofol, il-pern, dak li kollox idur madwaru. Għalhekk antropoċentriżmu tfisser li kollox idur madwar il-bniedem. Din l-idea saret ukoll ideoloġija, l-aktar fis-snin ta' wara l-gwerra l-kbira sal-aħħar snin tas-seklu l-ieħor. Il-bniedem huwa sid ta' kollox u għalhekk kollox qiegħed għas-servizz tiegħu! Imma b' din l-ideoloġija u b' dan l-istil ta' ħajja irrovinajna id-dar tagħna stess, jiġifieri ħloqna ambjent xejn pjacevoli għalina stess.

Xi wħud mill-ħassieba jitfgħu t-tort ta' din il-mentalità fuq il-fidi Nisranija u jsejħulha Antropoċentriżmu Kristjan. L-għeruq ta' din it-teżi ġejja mill-Bibbja stess. Fil-ktieb tal-Ġenesi fl-ewwel kapitlu nsibu miktub: «U berikhom Alla u qalilhom: ̋Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il- ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.̏ » (Ġen 1, 28)

Imma lkoll nafu li l-ktieb tal-Ġenesi huwa ktieb mhux biss tal-Insara imma prinċiparjament huwa ktieb tal-Lhud. Il-problema li jsostnu dawn il-ħassieba hija li l-bniedem, jew aħjar in-Nisrani ħadha kelma b' kelma din il-parti tal-Kotba Mqaddsa, bir-riżultat li wasalna fl-istat li wasalna. Min isostni din it-teorija jgħid li kieku il-ktieb tal-Ġenesi baqa' biss ktieb tar-reliġjon Ebrajka, u kienu jkunu il-Lhud biss li jsostnu li l-bniedem huwa s-sid tal-art u tal-ħlejjaq kollha, ftit li xejn kienet issir ħsara u l-ħsara li kienet issir fil-bicca art żgħira, fit-tarf tal-baħar Mediterran fejn kienu u għadhom,  jgħammru l-Lhud, l-impatt ma kienx ikun wieħed globali. Imma billi l-fidi tan-Nazzarenu nxterdet mal-erbat irjeħ tad-dinja, imxterdet magħha l-idea li kulma jinstab fid-dinja huwa għall-qadi tal-bniedem u jista' jużah kif irid.

Naqblu jew ma naqblux ikollna nammettu li l-ħsara saret. Bosta jsostnu li l-Knisja għandha titkellem dwar dan il-punt ukoll. Ikun jiżbalja min jaħseb li l-Knisja tibqa' b' ħalqha magħluq quddiem sitwazzjoni gravi bħal din. Kemm-il darba il-Papa Ġwanni Pawlu II irrefera għal din il-problema fid-diskorsi jew fil-kitbiet tiegħu. Insemmi biss l-Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici miktuba fl-1988. «Is-setgħa li l-bniedem ingħata biex jaħkem l-art kienet setgħa li jikkultiva il-ġnien.» Din hija setgħa u dover, «li kull bniedem għandu josserva u jaqdi.» (161) U aktar qabel, il Koncilju Vatikan II wkoll fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, jiddedika il-kapitlu 69 għal din il-problema.

Forsi tgħidu li jiena bil-fors nitkellem hekk għax jiena patri u obbligat niddefendi lill-Knisja. Imma nafu tajjeb li l-ħsara li saret ma saritx minn Insara biss. Bosta gvernijiet ma jxaqilbu lejn l-ebda reliġjon u minkejja dan f' pajjiżhom isiru delitti kontra l-ambjent, kontra d-dinja, kontra d-dar tagħna. Biżżejjed naħsbu fil-qerda ta' bosta foresti. Is-siġar jixorbu l-ilma tax-xita. Fejn spiċċaw is-siġar l-ilma tax-xita jmur il-baħar bil-konsegwenza li jżid mal-problema li l-ibħra qegħdin jogħlew anke minħabba li s-silġ qiegħed idub kawża tal-effett serra. Il-qerda tal-foresti ma ġabithiex il-Knisja imma l-gvernijiet li ma ppjanawx politika ta' sussidjarjetà, fejn tinqata' siġra u titħawwel oħra. Bosta gvernijiet raw biss sa mneħirhom, raw il-ġid li jakwista pajjiżhom (sic) u ma rawx aktar.


Argumet twil dan jekk wieħed ikollu jibda jitkellem fit-tul dwaru. Kulħadd għandu bicca mit-tort, min ftit  u min ħafna. Kieku kellna nieħdu l-eżempju ta' San Franġisk ta' Assisi, patrun tal-ekoloġija nibdew inħossuna parti mid-dinja u mhux aktar dominaturi tagħha. Ma ninsewx li dan il-qaddis sejjaħ lil qamar ħuh u lix-xemx oħtu. Min jaf jekk f moħħu kellux li d-dinja hija aħna stess?


Fr. Reno Muscat OP




artiklu li deher f' In-Nazzjon Marzu 2011