Visualizzazione post con etichetta Ħamrun. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Ħamrun. Mostra tutti i post

venerdì 5 gennaio 2024

Sant’ Andrea della Valle

 

Fil-qalba tal-belt ta’ Ruma, f’Corso Vittorio Emanuele nsibu knisja mill-isbaħ iddedikata lill-Appostlu Sant Andrija, li kien ħu San Pietru. Dan l-aħħar f’din il-knisja kien hemm għall-wiri 26 presepju Malti u aktar tard din is-sena ser tittieħed ġewwa fiha l-istatwa ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun. Għalhekk xtaqt naqsam magħkom xi tagħrif dwar din il-knisja, anzi bażilika.

Tagħrif xi ftit dettaljat

Il-bażilika tal-qaddis Appostlu Andrija magħrufa bit-titlu della Valle tinstab f’Corso Vittorio Emanuele kantuniera ma’ Piazza Vidoni. Il-bini ta’ din il-knisja sar bejn l-1590 u l-1650 fuq pjanti ta’ Giacomo Della Porta (1532 – 1602), Francesco Grimaldi (1543 –1613) u Carlo Maderno (1556 –1629). Il-Kardinal Alessandro Peretti di Montalto (1571 –1623), li kien jiġi n-neputi tal-Papa Sistu V (1585 – 1590) ħallas għall-bini tal-knisja. L-isem della Valle ittieħed mill-palazz Della Valle tal-qrib. Fl-1608 Carlo Maderno kien imqabbad biex ikompli l-bini tal-knisja u biex jiddisinja l-koppla. Il-faċċata barokka li naraw inbniet bejn l-1655 u l-1663 fuq disinn ta’ Carlo Rainaldi (1611 – 1691) li immodifika u kompla jsebbaħ il-pjanta oriġinali li kien għamel Maderno.

Il-faċċata

Fl-ewwel ordni tal-faċċata nsibu erba’ niċeċ, tnejn fuq kull naħa tal-bieb waħdieni li hemm fil-faċċata. Fin-niċeċ insibu l-istatwi ta’ Sant’ Andrija Appostlu u ta’ Sant’ Andrija ta’ Avellino – qaddis Naplitan li miet fl-1608, xogħol ta’ Ercole Ferrata (1610 – 1686) u l-istatwi ta’ San Gejtanu u ta’ San Bastjan, xogħol ta’ Domenico Guidi (1625 –  1701). Ta’ Guidi nsibu wkoll l-anġlu bil-lanza f’idu fuq il-pont ta’ quddiem il-kastell Sant Anġlu f’Ruma wkoll. Fuq kull niċċa nsibu skudett b’simbolu tal-qaddis ta’ ġon-niċċa. Bejn in-niċeċ u bejn il-bieb insibu set ta’ kolonni fuq stil korint. Fuq il-friż tal-bieb insibu żewġ statwi ta’ żewġ nisa. Dawn huma skultura ta’ Cosimo Fancelli (1618 – 1688). Ta’ dan l-artist insibu l-anġlu li qiegħed iżomm il-maktur tal-Veronika fuq il pont ta’ Sant Anġlu.  Fit-tieni ordni tal-faċċata naraw tieqa kbira fin-nofs u żewġ niċeċ vojta ħdejha. Fuq naħa tal-faċċata nsibu statwa ta’ anġlu ta’ Ercole Ferrata imma fuq in-naħa tal-lemin ma nsibu xejn. Ta’ min jgħid li ta’ dan l-artist insibu wkoll l-anġlu li qiegħed iżomm is-salib fuq il-pont quddiem il-Kastell Sant Anġlu.  Fuq insibu fontispizju triangulari.

Fuq ġewwa

Il-knisja minn ġewwa fiha forma ta’ salib Latin, b’korsija wiesgħa u bi tmien kappelli fil-ġnub. Fost dawn il-kappelli nsibu dik ta’ Ginnetti Lancellotti, xogħol ta’ Carlo Fontana(1638 –1714), il-kappella Strozzi, xogħol ta’ Giacomo Della Porta (1532 – 1602) fuq disinn ta’ Michelangelo (1475 – 1564), il-kappella Barberini ta’ Matteo Castelli (ċ 1555 –  1632). F’dawn il-kappelli nsibu, fost bosta opri oħra, l-istatwa tal-bronz li hija kopja tal-Pietà ta’ Michelangelo. Din saret fl-1616 minn Matteo Gregorio de Rossi (1570-1637). Insibu wkoll l-istatwa ta’ San Ġwann Battista ta’ Pietru Bernini (1562 – 1629), xogħol tal-1615 u l-istatwa ta’ Santa Marta, xogħol tas-sena 1621 li ħarġet minn idejn Francesco Mochi (1580 –  1654). Iż- żewġ kappelluni  huma ddedikati lil San Gejtanu, fundatur tal-patrijiet Teatini li f’idejhom tinsab din il-bażilika. In-naħa tal-abside nsibu żewġ kappelli oħra. Dawn fihom affreski li juru l-martirju, it-tislib u d-difna ta’ Sant Andrija, xogħol tal-Kalabriż Mattia Preti (1613 – 1699). Dawn l-affreski saru bejn l-1650 u l-1651. Il-koppla fiha pittura li turi l-glorja tas-sema, pittura ta’ Giovanni Lanfranco (1582 – 1647). Il-pittura saret fl-1625. Fil-lunetti tal-koppla nsibu l-pittura tal-Evanġelisti, xogħol ta’ Domenico Zampieri magħruf bħala Domenichino minħabba l-istatura ċkejkna tiegħu (1581 - 1641). F’ din il-knisja nsibu midfun lill-Papa Piju II (1458 – 1464).

Kwadru titulari

Hekk kif tidħol f’din il-bażilika bla ma trid ħarstek tmur fuq il-kwadru titulari li juri l-martirju ta’ Sant Andrija. Dan il-kwadru u ż-żewġ pitturi l-oħra li jinsabu fuq kull naħa tiegħu ġew impittra minn Mattia Preti, kollha juru l-martirju u d-difna tal-appostlu. Dawn il-pitturi waħedhom jagħmlu l-waqfa f’din il-knisja waħda li ma tintesa qatt.

Kurżità

Marbuta ma’ din il-knisja nsibu l-Opra Mużikali ta’ Giacomo Puccini (1858 – 1924) Tosca. L-ewwel att ta’ din l-opra huwa ambjentat fil-kappella Barberini ta’ din il-knisja. Din il-bażilika tista’ titqies bħala l-ewwel eżempju ta’ arkittettura barokka f’Ruma  minħabba l-kuluri tal-affreski tal-koppla u tal-arzella, il-kappelluni wiesgħin mimlijin skultura u opri tal-arti kull fejn iddawwar wiċċek.

Teatini

Tajjeb ngħidu xi ħaġa żgħira dwar dawk li f’idejhom tinsab din il-bażilika. Il-kjeriċi regolari Teatini huma istitut reliġjuż maskili li twaqqfet f’Ruma fl-14 ta’ Settembru 1524 minn San Gejtanu Thiene, Gian Pietro Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV,  Bonifacio de' Colli u Paolo Consiglieri, ilkoll membri tal- Oratorju tal-Imħabba Divina f'Ruma, bil-għan li jirriformaw il-kleru u jirrestawraw ir-regola primittiva ta' ħajja appostolika.

Din hija waħda mill-knejjes sbieħ ta’ Ruma li din is-sena żgur li bosta Maltin sejrin iżuru.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Jannar 2024



lunedì 23 dicembre 2019

L-ispirtu tal-Milied


Ninsabu fuq l-għatba tal-festa tal-Milied. Ftit sigħat oħra u niċċelebraw dak li niċċelebraw kull  nhar il-25 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Bosta minna diġà bdew bil-vakanzi u ma jersqux lejn il-post tax-xogħol tagħhom qabel tibda s-sena d-dieħla.

L-ambjent f’pajjiżna juri li dan huwa żmien speċjali, żmien differenti minn kull żmien ieħor ta’ matul is-sena. Dan l-aħħar qrajt li Malta hija meqjusa bħala post ideali fejn wieħed jgħaddi dawn il-festi li ġejjin. Ngħid id-dritt, ġieli kont imsiefer fil-Milied jew fi żmienu u jkolli nistqarr li s-sentiment li tħoss f’Malta ma tħossux f’post ieħor. Forsi għax trabbejna f’dan l-ambjent, fejn kważi f’kull dar issib il-Bambin jew il-presepju, is-siġra tal-Milied u bosta tiżjin ieħor li mhux daqstant komuni fid-djar tal-barranin? Forsi għax kif jgħidu t-Taljani “Natale con i tuoi”? Hu x’inhu, l-ispirtu tal-Milied jinħass sewwa f’dawn il-gżejjer.

La semmejt l-ispirtu
Niftakar li fis-snin sebgħin kienet ħarġet diska bil-Malti dwar il-Milied. Din id-diska kien jisimha “Bil-grokkijiet” u r-ritornell tagħha kien hekk: “L-ispirtu tal-Milied, jinxtorob bil-grokkijiet.” Dan dlonk ifakkarna li f’dawn il-jiem il-konsum tal-alkoħol jiżdied, għax biex niċċelebraw irridu nieħdu grokk jew tnejn. Illum niddubita kemm kien ikun hawn awturi li jiktbu dan ir-ritornell għaliex f’erbgħin sena nbidlet sewwa l-ħajja u d-drawwiet. Inbiddlu wkoll il-liġijiet u llum jekk tixrob u s-suq tkun qed tissogra li titlef il-punti tal-liċenzja. Imma aktar importanti mill-punti tal-liċenzja hija l-ħajja, bix-xorb żejjed mhux il-punti biss tista’ titlef imma anke ħajtek jew dik ta’ ħaddieħor. Għall-grazzja ta’ Alla, illum bosta huma dawk li saru jifthemu u dak li jkun ser isuq ma jixrobx jew inkella min joħroġ u jkun irid jixrob xi ftit aktar milli tippermetti l-liġi, imur lura d-dar billi jikri karozza bix-xufier u jasal lura d-dar qawwi u sħiħ bla nkwiet ta’ xejn.

L-ispirtu tal-Milied Malti ma huwiex biss dak ta’ ġol-flixkun. Il-kċina ta’ pajjiżna fiha ikel bnin għal dawn il-festi. Illum il-qagħaq tal-għasel insibuhom matul is-sena kollha, imma oriġinarjament dawn kienu ħelu tal-Milied. L-istess l-imbuljuta, xarba sħuna bil-qastan u l-kokotina, ma ssibhiex kullimkien. Ma’ dawn illum insibu għadd ta’ ikel, jew aħjar ħelu ieħor li daħal fil-kċina tagħna bħalma huma l-kejkijiet tal-Milied, il-Christmas log, il-pudina tal-Milied u l- mince pies. Bħala ikla ta’ nhar il-Milied il-Maltin kellhom drawwa jsajru dundjan iżda kull ma jmur qed tonqos din id-drawwa għaliex bosta ma jiekluhx u billi dan huwa tajra kbira, il-familja tal-lum saret ċkejkna wisq biex tiekol dundjan sħiħ. Iżda aħna nsibu soluzzjoni ta’ kollox, illum issib tixtri biċċiet tad-dundjan u għalhekk ma jkollokx għalfejn tixtri wieħed sħiħ. Dawn huma xi ftit ingredjenti li jħawru l-Milied Malti u jkomplu jżiru l-ispirtu tiegħu.

Tiżjin
Kull min ikun f’Malta f’dawn il-jiem jintebaħ bl-ammont ta’ dawl li jinxtegħel. Dawl dekorattiv li jagħti atmosfera unika. Aħna ma għandniex borra u silġ allura l-Milied tagħna huwa wieħed kulurit u mhux bajdani fik naraw fil-kartolini jew xi kultant noħolmu li ngħaddu xi wieħed. B’daqshekk ma jfissirx li ma għandniex is-sbuħija tagħna allavolja bla borra. Ma hawnx raħal jew belt f’Malta li ma jkolliex xi ftit tiżjin fit-toroq u l-pjazez, li jagħti ambjent festiv. Din il-ħaġa mhux dejjem issibha barra minn Malta.

Darna wkoll tissebbaħ u tiżżejjen b’mod differenti. Il-presepju, għad li mhux drawwa Maltija, illum reġa’ ħa spinta ’l quddiem u bosta minna għandhom wieħed fid-dar. Kien hemm żmien fejn donnu l-presepju kien qed jintesa minna imma llum ma nistgħux ngħidu hekk. Fi djarna llum insibu presepji tal-ogħla livell, presepji Naplitani jew maħdumin f’pajjiżna stess li nistgħu ngħidu huma opri tal-arti. Tara wieħed tinsa l-ieħor! Ma’ dan insibu l-Bambin. Dan ukoll għandu parti mill-folk Malti. Snin ilu kienu jsiru Bambini tal-ġibs, tal-forma, maħdumin lokalment. Posthom ħaduh il-Bambini ta’ Spanja, sbieħ u fini li donnhom tarbija tat-twelid. Il-Bambin tal-ġibs konna bdejna ninsewh imma lum erġajna qed narawh mat-tiżjin għaliex wieħed qed jerġa’ jsib jixtri minnhom u forsi dawk li kellhom u kienu refgħuhom, illum qed jerġgħu jżejnu bihom.

Drawwiet Maltija puri
Jekk hawn drawwa tal-Milied li nistgħu ngħidu li hija mija fil mija Maltija hija l-purċissjoni tal-Bambin. Grazzi għal San Ġorġ Preca li beda din id-drawwa u li s-soċi tal-Museum li żammew ħajja din id-drawwa. Noqgħodu attenti li ma tintemmx għax fejn qed jagħlqu l-oqsma tal-Museum hemm tendenza li din il-purċissjoni ma ssirx lanqas. Hawn parroċċi li jagħmlu din il-purċissjoni f’xi jum tan novena, imma bix-xieraq li din issir lejlet il-Milied.

Drawwa oħra li ma nsibu mkien ieħor ħlief f’Malta hija l-prietka tat-tifel. Illum tista’ tkun tifla li tagħmel din il-prietka jew inkella tifel u tifla flimkien. Din id-drawwa għadha ħajja u jalla tibqa’.
Dan huwa l-ispirtu tal-Milied Malti, spirtu li ma ssibux kulimkien, spirtu li mhux biss jinxtorob fil-grokkijiet imma spirtu li jinħass fl-arja Maltija.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’ ferħ, paċi, hena u saħħa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Diċembru 2019