Minn kemm ilni li ġejt noqgħod Tas-Sliema qed ninduna kemm ftit li xejn kont naf dwar dan il-post, li jkolli ngħid huwa raħal twelid ommi u tan-nannu. Kulma jmur aktar qed nintebaħ b’xi ħaġa ġdida. Billi jiena noqgħod fil-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu, inqaddes fil-Bażilika Parrokkjali li tmiss mal-kunvent, fix-xatt ta’ Tigné. Din il-bażilika hija waħda unika f’pajjiżna fejn jidħol l-istil arkittettoniku tagħha. Fuq ġewwa, fil-korsija, fil-kappelluni u fil-kor, insibu numru sabiħ ta’ niċeċ li fihom naraw statwi.
L-istatwi
Dawn l-istatwi
huma mqassmin hekk: fil-korsija prinċipali nsibu xbihat tal-Appostli. Ma nsibux
lil Ġuda l-iskarjota, imma nsibu lil San Pawl. Billi f’din il-parti
tal-bażilika hawn 14-il niċċa, mal-Appostli u San Pawl naraw l-istatwi ta’ San
Ġużepp u San Ġwann Battista. Fil-kappellun tal-Madonna tar-Rużarju, fiċ-ċentru
naraw lill-Madonna bil-bambin f’idha u fil-kumplament tan-niċeċ insibu numru
ta’ profeti. Fil-kappellun ta’ faċċata naraw l-istess tqassim bid-differenza li
fiċ-ċentru nsibu l-istatwa ta’ San Duminku u fin-niċeċ l-oħra naraw profeti
differenti. Imbagħad fil-kor naraw l-istatwa ta’ Ġesù Nazzarenu fin-nofs u
fin-niċeċ naraw profeti oħra kif ukoll lil Abel. Dawn l-istatwi, minbarra dawk
ta’ Ġesù Nazzarenu, li huwa t-titular tal-bażilika, il-Madonna tar-Rużarju u
San Duminku huma lewn it-terracotta, lewn li tant jixraq mal-ġebla Maltija li
biha hija mibnija din il-knisja.
L-Artist
Kultant inkun
fil-kor u moħħi jibda jaħseb fuq l-artist ta’ dawn l-istatwi kollha. Kif
irnexxielu joħloq numru daqstant kbir ta’ persunaġġi u kollha differenti.
Niftakar lil Patri Marius Zerafa jgħidli li l-artist kien ixebbaħ l-uċuħ ta’
dawn l-istatwi mal-patrijiet li kien hemm fil-komunità Dumnikana ta’
Tas-Sliema. Kien jgħidli wkoll li wieħed minnhom għandu wiċċu. Patri Marius
kien jgħidli li David bl-arpa f’idu huwa hu. Intant għadni lanqas semmejt lil
min ħadimhom. Ħadd ħlief l-artist Malti Vincenzo jew kif kien magħruf aktar,
Ċensu Apap. Naraw ftit min kien dan l-artist u xi ftit mix-xogħol li ħallielna
sabiex ingawduh.
Ċensu Apap
Ċensu Apap
twieled il-Belt Valletta nhar it-13 ta’ Novembru tas-sena 1909. Nistgħu ngħidu
li twieled f’familja ta’ artisti għaliex aktar il quddiem ħuħ Joseph sar
mużiċist kbir u ħuh William, jew kif aktar magħruf Willie, kien pittur magħruf ħafna.
Intant Vincenzo wara l-iskola primarja beda jattendi l-klassijiet ta’
filgħaxija tal-immudellar u tat-tpinġija. Huwa kien wieħed mill-ewwel studenti
li studja fl-Iskola tal-Arti li kienet għadha kif fetħet fl-1925. Hemm huwa
studja l-mudell u l-iskultura. Kien student li jipprometti tant li fl-1927,
rebaħ borża ta’ studju mill-Akkademja Brittanika tal-Arti f’Ruma. Hemmhekk Apap
beda jistudja taħt l-iskultur famuż Malti Antonio Sciortino.
Lura Malta
Fl-1930, Apap, li
issa kellu 21 sena, spiċċa l-istudju tiegħu f’Ruma u reġa’ lura Malta. Ftit xhur
wara huwa rebaħ konkors għall-monument ta’ Fra Diegu Bonanno OFM sewwasew
fl-għoxrin anniversarju mill-mewt tiegħu. Dan il-monument, li għadna narawh
wieqaf f’nofs Pjazza San Pawl, il-Ħamrun, nistgħu ngħidu li fetaħ il-bieb
għax-xogħol fuq skala nazzjonali ta’ dan l-artist.
Bħala ħajja
privata tiegħu ngħidu li huwa żżewweġ lil Maria Bencini fl-14 ta’ April 1941.
Il-koppja kellha tliet ulied, John, Nella u Manon. Il-familja kienet toqgħod
Tas-Sliema.
Fil-bażilika ta’
Ġesù Nazzarenu huwa ħadem 28 statwa u ħafna jsostnu li l-istatwa tal-profeta
Eżekjel hija kapolavur. Jingħad li wiċċ dan il-profeta huwa kopja ta’ wiċċu
stess. Diġà ktibt li xi wċuħ mill-uċuħ kienu tal-patrijet. Dawk li kienu jafuh
tajjeb, kollha jaqblu li Apap kellu memorja fotografika. Kien jaqbad
l-espressjonijiet tal-wiċċ fi ftit sekondi u dlonk kien idaħħalhom
fix-xogħlijiet artistiċi tiegħu. Żgur li fil-bażilika ta’ Ġesù Nazzarenu huwa
għandu l-akbar numru ta’ xogħlijiet taħt saqaf wieħed. Dan ix-xogħol ħa ħafna
snin biex tlesta. Mhux ta’ b’xejn li l-funeral tiegħu fi Frar 2003, sar
hawhekk, imdawwar b’tant xogħol minn tiegħu!
L-akbar xogħol
Kieku kellna
nsemmu x-xogħolijiet kollha ta’ dan l-artist, kemm dawk li nsibu f’postijiet
pubbliċi kif ukoll dawk li nsibu f’kollezzjonijiet jew propretajiet privati,
konna nibnu lista twila ħafna. Imma hemm xi opri li tajjeb insemmuhom fosthom
il-monumenti tal-Prim Ministri Boffa u Borg Olivier. Biss żgur li l-akbar
xogħol tiegħu hija l-funtana tat-tritoni, li nsibu barra bieb il-belt Valletta,
fejn illum qed jissejjaħ Pjazza Tritoni. Ma tistax tidħol fil-belt kapitali ta’
pajjiżna bla ma tara din il-funtana. Ix-xogħol fuqha beda fl-1952 u ntemm
fl-1959. Din il-funtana kienet ġarrbet xi ħsarat, tant li l-plattin li naraw
f’idejn it-tritoni kien waqa’. Kienet saret tiswija tagħha billi tpoġġa bħal
zokk b’xi għasafar f’nofs il-funtana. Insomma personalment nemmen li kien
traqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar. Iżda aktar tard sar restawr kif kellu jsir u
dan iz-zokk tneħħa, biex illum tpoġġa fi ġnien George Bonello di Puis f’Qui si
sana tas-Sliema.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Ottubru 2026


Nessun commento:
Posta un commento