Visualizzazione post con etichetta vaganzi. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta vaganzi. Mostra tutti i post

venerdì 18 agosto 2023

VAGANZI

Nistqarr magħkom mill-bidu nett li jiena bniedem li nippreferi x-xitwa mis-sajf. Biss is-sajf, minkejja dak kollu li jdejjaqni fih, jista’ jkun ukoll żmien sabiħ. Ħafna jgħidulek li s-sajf huwa żmien il-vaganzi u tabilħaqq hu hekk. Minħabba l-ħedla li wieħed iħoss fix-xhur qliel tas-sħana, wieħed jipprova jfittex li jmur xi vaganza xi mkien fejn ikun jista’ jiffrisska xi ftit.

Xi tfisser vaganza

Fil-qedem, fir-Renju Unit, vaganza kienet tirrefera għall-waqfa twila tas-sajf meħuda mill-qrati tal-liġi u mbagħad aktar tard din il-kelma bdiet tintuża għall-waqfa mil-lezzjonijiet tal-universitajiet. Id-drawwa ta’ dawn il-waqfiet ġiet introdotta minn William the Conqueror u kienet isservi biex fihom issir il-ġbir tal-għeneb. Fil-passat, ħafna familji tal-klassi għolja kienu jmorru jgħixu f'dar tas-sajf għal parti mis-sena, u kienu jħallu id-dar tas-soltu tagħhom vojta, jew vakanti.  Minn hawn ħarġet l-idea tal-kelma vaganzi. Il-kelma “Vacation” fl- Amerika ta' Fuq tirreferi għal vjaġġar rikreattiv, bħal vjaġġ qasir ta' pjaċir jew vjaġġ barra mill-pajjiż. Nies fil-pajjiżi tal-Commonwealth jużaw it-terminu “vaganza” biex jiddeskrivu assenza mix-xogħol kif ukoll biex jiddeskrivu btala jew vjaġġ. Il-vaganza tista’ tfisser jew toqgħod id-dar jew tmur x’imkien bogħod mid-dar.

Villeġġjatura

Hawn bosta minna li għax-xhur tas-sajf għandhom dar tal-villeġġjatura. Illum postijiet bħal San Pawl il-Baħar u Wied il-Għajn saru lokalitajiet li fihom jgħixu Maltin u barranin tul is-sena kollha, imma dan ma kienx hekk sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Anzi biex ngħidu kollox, mijiet ta’ snin ilu n-nobli Maltin ma kinux ifittxu xi post qrib il-baħar għall-vaganzi tagħhom imma kien ikollhom xi dar fil-kampanja. Maż-żmien inbidel kollox.

Fi tfuliti niftakar konna mmorru Buġibba fejn iz-ziju kellu garage qrib ħafna tal-baħar. Hemm konna ngħaddu ġranet sħaħ. Ma konniex nagħtu kas tal-kumdità, saqqu mal-art u norqdu, mejda quddiem il-garage u nieklu fuqha. Illum mhux hekk, illum infittxu l-kumdità. Lanqas nimmaġinawna li mmorru vaganza xi mkien f’post mingħajr arja kkondizzjonata, bil-kmamar tas-sodda u bil-kamra tal-banju kompluta. U dan bir-raġun kollu. U jekk is-sena kollha aħna jkollna dawn il-kumditajiet sejrin għal jiem ta’ vaganzi biex inkunu agħar milli nkunu d-dar? Jekk id-dar imdorri b’televiżjoni f’kull kamra se mmur f’post fejn lanqas televiżjoni wieħed ma hemm? Illum il-villeġġjaturi saru komdi daqs id-djar tagħna u kultant aktar.

Safar

Imbagħad hawn min il-vaganzi tiegħu jgħaddihom bogħod minn xtutna. Illum il-Maltin sirt issibhom kullimkien. Ma hawn l-ebda limitu għall-pajjiżi li sar iżur il-Malti. L-Italja u l-Ingilterra jibqgħu l-postijiet l-aktar popolari magħna, imma dan ma jfissirx li hemm biss immorru. Illum sirna nfittxu anke s-safar hekk imsejjaħ long haul. Sirna nżuru pajjiżi bogħod mhux ħażin minn artna u mill-Ewropa.

La qed insemmi s-safar tajjeb hawnhekk insemmi l-ikel. Ladarba nkunu f’pajjiż barrani tajjeb li nippruvaw induqu l-ikel tal-pajjiż. Ovvjament mhux kulħadd iħobb kollox u kultant tkun f’pajjiż li ċerti ingredjenti jew ma nkunux nafu bihom jew li għalina ma jkunux jgħoddu. Biss żgur li xi ħaġa tal-pajjiż li tkun tgħodd għalina nsibu. Din hija problema tat-Taljani għax imorru fejn imorru jkunu jridu jieklu ikel Taljan. Aħna l-Maltin differenti u nemmen li aħna aktar avventurużi fejn jidħlu provi ta’ ikel ġdid li qatt ma nkunu doqna qabel. Ngħid għalija meta nkun imsiefer nipprova nduq platti tipiċi tal-pajjiż.

Għawdex


Il-gżira tat-tliet għoljiet minn dejjem kienet attrazzjoni għalina l-Maltin. Biss ikollna nammettu li Għawdex ta’ tfulitna ma kienx Għawdex tal-lum. L-iżvilupp u l-progress għandhom prezz għoli x’jitħallas. Qabel konna mmorru jumejn jew tlieta Għawdex għall-kwiet, biex ingawdu meded ta’ raba’, nieklu ikel bin u ġenwin li toffri din l-art. Illum Għawdex bl-istil ta’ ħajja li fih u bil-bini li tela’ sar estenzjoni ta’ Malta u għalhekk bosta minna qed jippreferu jmorru Sqallija. Biss baqa’ żewġ okkażjonijiet li l-Maltin għadhom imorru Għawdex bl-eluf. Il-festi ta’ San Ġorġ fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u l-festa ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu, li t-tnejn li huma jsiru fil-Belt tar-Rabat. Dawn jaraw eluf ta’ Maltin li jmorru jqattgħu xi jiem fil-gżira ta’ Għawdex. Ma’ dawn nista’ nżid il-festi ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur u dik tal-Bambina fix-Xagħra. Il-festi Għawdxin l-oħra jistgħu jiġbdu xi Maltin lejhom ukoll, biss mhux daqs dawn li semmejt.

Waqfa

Il-vaganzi huma żmien fejn wieħed jieqaf mir-rutina ta’ kulljum u għal ftit żmien jistrieħ. Mela l-vaganzi huma bżonn. Ir-riċerka dwar l-effetti tal-vaganzi fuq is-saħħa, il-benessri u l-prestazzjoni tax-xogħol bdiet fis-snin disgħin. L-ewwel analiżi dwar l-effetti tal-vaganzi ġiet ippubblikata fl-2009. Reviżjoni ta’ dan ir-rapport tal-2013 dwar il-benefiċċji tas-saħħa u l-benessri tal-esperjenzi tal-ivvjaġġar uriet effetti ta’ benefiċċju tal-vaganza. Studji aktar reċenti juru l-effetti pożittivi tal-vaganzi minħabba t-tneħħija mill-istress tax-xogħol kif ukoll bħala żmien ta’ attivitajiet rilassanti u ta' pjaċir. Kollox juri li l-vaganzi huma meħtieġa għall-bniedem.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Awwissu 2023



venerdì 26 luglio 2019

Inti djamant


Min minna qatt ma sema’ jew kanta d-diska tal-grupp famuż Għawdxi The Tramps, Inti djamant? Diska li titratta l-ġżira ta’ Għawdex u s-sbuħija tagħha. Tant hi popolari din id-diska li anke Michela li rrappreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest kantatha waqt il-provi. Nazzarda ngħid li l-kliem ta’ din id-diska il-Maltin jafuh aktar mill-kliem tal-Innu Nazzjonali!

Calypso
Għawdex huwa wkoll imlaqqam bħala l-Gżira ta’ Kalipsu. L-oriġini ta’ dan l-isem imur lura fil-mitoloġija Griega u nsibu dan kollu fil-kitba tal-Odissea ta’ Omeru. Skont Omeru Kalipsu żammet lil Oddissej għal seba’ snin sħaħ f’għar fuq ir-Ramla l-Ħamra bħala priġunier tal-imħabba. Omeru jsejjaħ lil din il-gżira bħala Oġiġa. Din hija mitoloġija antika u mhux storja, imma xorta waħda rabtet lill-Għawdex mal-kumplament tad-dinja. Ma ninsewx li fi żmien Omeru, li għex aktar minn mitejn sena qabel Kristu, il-Greċja kienet fl-aqwa tagħha fejn jidħlu arti, letteratura, filosofija u armata. Kienet biex ngħidu hekk l-Amerika tal-lum. U Għawdex jissemma fil-ktiba ta’ dan il-kittieb kbir u magħruf.

Dan l-isem għadu biex ngħidu hekk imwaħħal magħna għax għat-Taljani il-gżejjer Maltin sa madwar mitt sena ili jew xi ftit aktar kienu magħrufin bħala le Isole Calipsee, il-gżejjer ta’ Kalipsu.
Dan il-ħsieb iffakkarni fi professur li kien jgħallimni t-teoloġija. Kien professur Taljan magħruf ħafna. Kien dejjem jgħidli li jixtieq iżur Malta biex imur fil-gżira ta’ Kalispu għax dik issemmiha Omeru. Stedintu kemm-il darba imma dejjem qalli li jibża’ jitla’ fuq ajruplan! Dan il-biża’ dejjem ċaħħad lil dan il-professur tant intelliġenti milli jżur dak li dejjem xtaq iżur. U hawn jiġi f’moħħi kliem Santu Wistin; id-dinja hija ktieb, dawk li ma jivvjaġġawx jaqraw biss folja waħda minnu.

Vaganza fil-qrib
Għalina l-Maltin hija ħaġa faċli biex naqbdu l-karozza u morru jumejn Għawdex. Imma llum ħafna qed jaħsbuha darbtejn qabel jieħdu din il-vaganza fil-qrib. Illum kulħadd bl-arja kkondizzjonata id-dar, fl-uffiċċju, fil-karozza, fis-supermarket u kullimkien. Meta mmorru vaganza nistennew li nsibu post fejn inkunu paxxuti. Issa jekk immur Għawdex u nikri post fejn se mmut bis-sħana, allura naħsibha darbtejn għax ikun jaqbilli nibqa’ d-dar. Il-kumdità tabilħaqq trid tħallas għaliha, imma tajjeb li dak li jinvesti fi flats jew djar biex jinkrew, jaħseb sewwa għal dan l-apparat li llum ma għadux lussu imma sar bżonn, sar parti mill-ħajja tagħna. Naf li hemm ħafna li diġà investew f’apparat ta’ arja kkondizzjonata fil-flats jew djar li jikri, u hekk għadnu jkun.

Mina jew pont
Kemm ilna nisimgħu diskors dwar jekk hux ser isir pont jew jekk hijiex sejra tinbena jew titħaffer mina bejn iż-żewġ gżejjer! Issa wara tant snin ta’ argumenti, qbil jew nuqqas ta’ ftehim, sirna nafu li se ssir mina. Għadna ma nafux jekk din hix sejra titħaffer taħt qiegħ il-baħar jew jekk hijiex sejra tinbena fil-qiegħ tal-baħar. Hu x’inhu sa issa nafu li se ssir mina xi darba. Ngħid għalija nippreferi mina milli pont.
Bil-mina li tgħaqqad iż-żewġ ġżejjer ewlenin tal- arċipielgu Malti nkunu nistgħu ngħidu li ma baqgħux żewġ ġżejjer imma saru magħqudin. Il-biża’ ta’ bosta Maltin huwa li Għawdex jitlef il-karattru tiegħu. Diġà tilef ħafna minn dak li kellu, bit-tagħqid tiegħu ma’ Malta jitlef dak li fadallu. Allura ħafna drabi nispiċċaw ngħidu li aħjar ma ssir xejn il-mina. Imma meta taħseb dwar dawk l-Għawdxin li ta’ kuljum, xemx u xita, sħana jew kesħa, iridu jsebbħu kmieni biex jaqsmu dax-xiber baħar li jifred lil dawn iż-żewġ  gżejjer, bla ma trid tgħid “Iġri ssir il-mina”.

Biss nemmen li hemm soluzzjoni biex Għawdex ma jintilifx għal kollox wara l-ftuħ tal-mina. Nissuġġerixxi li l-Malti li juża l-mina jkollu noll bil-wisq ogħla min-noll li jitħallas fuq il-vapuri. Dan ma jkunx jgħodd għall-Għawdxi li jkollu jaqsam lejn Malta kuljum. Anzi, l-idea tiegħi hi li dak l-Għawdxi li jkollu jiġi Malta kuljum, ikollu pass biex ikun jista’ juża l-mina b’xejn ladarba jkun qed jaqsam lejn Malta biex imur għax-xogħol.

Paċi
Ħafna minna mmorru sa Għawdex biex insibu ftit kwiet u serħan il-moħħ, biex insibu ftit paċi li tant aħna neqsin minnha aħna li ngħixu fl-ibliet Maltin. Tiskanata kif Għawdex baqa’ daqstant differenti. Fih għadek issib dak li f’Malta illum intilef. Il-qniepen tal-knejjes sbieħ li jdoqqu u jinstemgħu fil-kampanja Għawxija hija ħaġa waħda biss li f’Malta minħabba l-istorbju lanqas għadna nisimgħuhom jew nintebħu i qed idoqqu. X’ma jiktibx mużika sabiħa Albert Ketelbey meta jkun Għawdex u jsemmiha “Bells across the Meadows”. Fejn se ssib fit paċi bħalma ssib Għawdex? Mhux ta’ b’xejn il-mibki Dominic Grech tat-Tramps isejjaħlu Djamant!

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Lulju 2019

sabato 19 gennaio 2019

Nerġgħu lura għal li konna


Il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena għaddew u min din is-sena diġa’ bdejna nnaqsu mhux ħażin il-ġranet. Hija l-aktar ħaġa normali li jiġu festi, jgħaddu u jerġgħu jaslu oħrajn. Anke fil-liturġija erġajna bdejna naraw il-kulur aħdar wara li konna ilna nużaw il-vjola u mbagħad l-abjad sa minn tmiem Novembru.

Wara li jgħaddu l-vaganzi
Minkejja li mhux kulħadd ikun jista’ jieħu xi ftit jiem ta’ mistrieħ fil-jiem tal-festi, xorta hemm faxxa kbira ta’ ħaddiema li jirnexxielhom ma jidħulx għax-xogħol f’dak iż-żmien. Issa li għaddew kważi kważi diġa’ bdejna nħarqu ’l quddiem lejn xi vaganza oħra. It-tfal tal-iskola reġgħu lura lejn il-klassijiet u żgur qegħdin jistennew il-karnival biex jieħdu jumejn vaganżi oħra. Din is-sena se jkollhom jistennew xi ftit aktar mis-soltu għax ir-Randan se jibda f’Marzu! Intant li rrid ngħid hu li wara li jgħaddu l-vaganzi kollox jerġa’ lura għal dak li kien qabel, il-ħaddiem jerġa’ lura fuq il-lant tax-xogħol, l-istudent jerġa’ jsib ruħu fuq il-bankijiet tal-iskola, u l-apparat liturġiku aħdar jerġa’ jibda jintuża fil-knejjes tagħna. Nerġgħu lura għal li konna!

Inħarsu ’l quddiem
Għal xi wħud għandu mnejn il-fatt li għaddew il-festi u erġajna bdejna r-rutina tas-soltu ma tantx ifisser, iżda dan ma nistgħux ngħiduh għal kulħadd. Hemm min din is-sena ilu jaħseb fiha min jaf kemm. Fost dawk li ilhom jistennew li jgħaddu l-festi u tibda s-sena 2019 żgur insibu lil dawk li matul din is-sena sejrin jiżżewġu! Kemm preparamenti, kemm ħsibijiet, kemm ġiri u kemm spejjeż. Kemm persuni involuti għal dan il-jum speċjali għal dik il-koppja li tkun sejra torbot l-għoqda. Bla dubju dawn it-talin iħarsu lejn dan iż-żmien b’lenti differenti minn dawk li għalihom din is-sena biddlet biss in-numri tad-data. Żgur li koppja li din is-sena sejra tiżżewweġ ma tistax tgħid li terġa’ għal dak li kienet qabel wara li tkun għamlet dan il-pass.

Tieġ speċjali
Kull koppja tqis it-tieġ tagħha bħala wieħed speċjali, u hekk għadnu jkun wara kollox. Illum fl-Evanġelju nisimgħu r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana. Mhux l-iskop tiegħi li noqgħod nirrakkonta x’ġara għax naf li kulħadd jafha l-istorja. Il-koppja hawnhekk naqasha l-inbid fl-aktar jum speċjali tal-ħajja tagħhom. Forsi ma kkalkulawx sewwa. Forsi ġew mistednin aktar milli bassru. Forsi nqalgħu nies għal għarrieda bla ma kienu qed jistennewhom. Forsi t-temp kien jitlob li dak li jkun jixrob xi ftit iktar mis-soltu. Hu x’inhu, dan il-jum tant speċjali għal din il-koppja kien ser jispiċċa f’rovina u jwaqqa’ għaċ-ċajt lill-organizzaturi. Kieku ma kienx għall-intervent li għamel Ġesù, wara li talbitu ommu Marija, kieku l-koppja qatt ma kienet tista’ tgħid li terġa’ lura għal li kienet qabel. Ovvjament kient sejra tkun koppja miżżewġa u mhux aktar żewġ persuni waħdihom imma f’għajnejn in-nies kienet tkun kopja li kellha tieġ fjask. Tabilħaqq li ż-żwieġ ma huwiex it-tieġ, żwieġ jibqa’ għal dejjem u t-tieġ jgħaddi wara l-festa. Imma dan kien tieġ speċjali li kellu mistieden speċjali.

Illum nistgħu naraw kif Kristu jista’ jibdlilna xortina. Illum nistgħu nindunaw kif b’laqgħa miegħu mhux kollox jerġa’ lura għal li kien qabel. Illum nintebħu li jekk insibuH il-laqgħa tagħna miegħu mhux bħall-jiem tal-festi li jgħaddu u nerġgħu għan-normal. Laqgħa miegħu tista’ tagħmel bidla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 20 ta' Jannar 2019

venerdì 29 settembre 2017

Spiċċa s-sajf

Uffiċċjalment is-sajf jispiċċa fl-20 ta’ Settembru, iżda aħna ma tantx nintrabtu ma’ din id-data. Għalina s-sajf inħossuh jispiċċa meta bejn wieħed u ieħor ikunu għaddew il-festi parrokkjali, għadda żmien is-safar u t-tfal reġgħu bdew ir-rutina ta’ sena skolastika ġdida. Issa li wasalna f’dan il-punt nistgħu nagħtu ħarsa lura lejn dan l-istaġun li għadu kemm ġie fi tmiemu.

Festi
Il-festi parrokkjali tagħna huma sinonimi mas-sajf, għad li xi wħud isiru wkoll fix-xitwa, imma billi dawn tal-aħħar huma fil-minoranza, nistgħu ngħidu li issa l-festi għaddew, jew aħjar, il-festi tas-sajf spiċċaw. Tajjeb li nagħmlu ftit evalwazzjoni dwarhom. Naf li il-Knisja ta’ Malta qed taħdem biex dawn il-festi ma jispiċċawx okkażjoni li tmur kontra l-prinċipi li għalihom oriġinarjament kienu nħolqu. Diġà tlifna ħafna minn dak li għalih bdew isiru l-festi, jekk nibqgħu sejrin b’dan il-pass ma ndumux ma nispiċċaw b’festi vojta u bla sinifikat ta’ xejn.

Dan is-sajf l-Isqof ta’ Għawdex faqa’ bużżieqa li kienet ilha tintefaħ u li donnu kulħadd beda jibża’ jifqagħha. Qal li fil-marċi tal-festa qed ikun hemm ammont kbir ta’ teħid ta’ droga. Ilna nafu bil-problema, ma skoprejniex l-Amerika, imma kellu jkun l-Isqof li jitkellem pubblikament dwarha? Dan mhux xogħol il-pulizija? Hawnhekk ma rridx nitfa’ t-tort fuq il-pulizija. Tajjeb inżommu f’ moħħna li taħt l-uniformi tal-pulizija hemm bniedem uman bħali u bħalek. Aħna l-bnedmin jekk naraw li xogħolna ma jkunx aprezzat għandna t-tendenza li nagħtuha b’telfa. Nemmen li bosta membri tal-korp tal-pulizija jixtiequ jagħmlu xogħolhom sewwa, imma meta jaraw li ta’ xogħolhom ftit li xejn huma apprezzati, allura jaqtgħu qalbhom u jħallu kollox għaddej, għall-ewwel jibdew jagħlqu għajn waħda u maż-żmien jagħlquhom it-tnejn. Kemm se jdumu jtellgħu l-qorti nies li nqabdu jiksru l-liġi u minħabba ma nafx xiex joħorġu liberati? Fl-aħħar il-pulizija jaqta’ qalbu u jibda jħoss ġewwa fih xi ħaġa li tgħidlu li aħjar jiġi jaqa’ u jqum.

Imma l-festi mhux problemi biss. Il-festi għaddew u fihom stajna napprezzaw bosta opri artistiċi ġodda li saru minn artisti magħrufin fix-xena lokali flimkien ma’ ħafna u ħafna xogħol ieħor ta’ ħidma volontarja. Issa li għadda s-sajf dawn l-individwi jibdew, jew diġà bdew, iħejju għall-festa tas-sena d-dieħla.

Safar
L-istaġun tas-safar għadda wkoll u issa kull ma baqa’ huma biss it-tifkiriet ta’ dak li rajna, ta’ ħbiberiji ġodda li għamilna, ta’ postijiet ġodda li żorna, ta’ ikel li qatt ma konna doqna qabel u li forsi qatt ma nerġgħu nduquh. Fadal ir-ritratti li ġbidna bil-mowbajl jew bit-tablet.

Illum is-safar sar komuni. Mhux bħal fi tfuliti, biex tmur jumejn sa Sqallija kont trid taħseb xhur qabel. Illum tisma’ lil min tisma’ kulħadd jitkellem fuq xi vaganza barra minn xtutna li jkun għamel. Tassew li meta nieħdu vaganza din tkun għall-mistrieħ, imma mistrieħ ma jfissirx għass. Kemm hawn minna li jinteressaw ruħhom u jfittxu ftit dwar il-postijiet ġodda li jkunu ser iżuru? Kont naħseb li ftit imma kelli żball. Dan is-sajf indunajt kemm bosta Maltin ifittxu tagħrif dwar il-postijiet li jkunu ser iżuru u għalhekk jagħmlu mistoqsijiet serji lill-gwidi li jkunu qed imexxuhom. Illum permezz tal-internet malajr issib dak li tun trid, anzi tara t-toroq tal-post qisek qiegħed miexi fihom. X’differenza  minn għoxrin jew tletin sena ilu! Issa li għadda s-sajf miegħu telqu wkoll il-vaganzi imma baqa’ t-tagħrif li ksibna. Issa li għadda s-sajf nibdew naħsbu fejn ser immorru s-sajf li ġej!

U l-iskola
Issa li għadda s-sajf l-iskejjel reġgħu fetħu bwiebhom għall-istudenti. Meta tkun għadek żgħir l-iskola ma jkunx il-post favorit tiegħek. Tal-inqas il-maġġoranza tal-istudenti jippreferu l-vaganzi tas-sajf milli x-xhur tas-sena akkademika. Inħoss li s-sistema tal-edukazzjoni f’pajjiżna hemm bżonn tkun aġġornata. Għandna bżonn inħarsu lejn pajjiżi barranin li għandhom sistema għal kollox differenti minn tagħna u r-riżultat aħħari huwa aħjar minn dak tagħha. Illum l-istudent Malti jaħdem għal biċċa karta, liema biċċa karta tiftaħlek il-bieb għad-dinja u mingħajrha ma tasal imkien. Imma l-ħajja mhux magħmula miċ-ċertifikati. Huma importanti, imma mhumiex kollox. Illum ġibna lill-istudenti tagħna b’bagalja ċertifikati imma bla ebda esperjenza jew prattika tal-ħajja. Jgħaddi l-eżami, tinkiseb il-marka u l-għada jintesa kollox. Għadda s-sajf u l-iskejjel reġgħu fetħu bl-istess sistema li f’Ġunju kienu għalqu biha. Tgħid sa sajf ieħor isir xi ħaġa biex din is-sistema tinbidel? Ma nafx, u ngħid id-dritt għandi d-dubji tiegħi.

Illum missejt tliet punti li nistgħu nirriflettu fuqhom issa li l-istaġun tagħhom għadda bħall-festi u s-safar jew ser jibdew bħall-iskejjel. Issa li għadda s-sajf ħarsitna trid tkun ’il quddiem, min jaf, forsi lejn sajf ieħor?


 Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 30 ta' Settembru 2017