Il-festi
tal-Milied u l-ewwel tas-sena għaddew u min din is-sena diġa’ bdejna nnaqsu mhux
ħażin il-ġranet. Hija l-aktar ħaġa normali li jiġu festi, jgħaddu u jerġgħu
jaslu oħrajn. Anke fil-liturġija erġajna bdejna naraw il-kulur aħdar wara li
konna ilna nużaw il-vjola u mbagħad l-abjad sa minn tmiem Novembru.
Wara li jgħaddu l-vaganzi
Minkejja li mhux
kulħadd ikun jista’ jieħu xi ftit jiem ta’ mistrieħ fil-jiem tal-festi, xorta
hemm faxxa kbira ta’ ħaddiema li jirnexxielhom ma jidħulx għax-xogħol f’dak iż-żmien.
Issa li għaddew kważi kważi diġa’ bdejna nħarqu ’l quddiem lejn xi vaganza
oħra. It-tfal tal-iskola reġgħu lura lejn il-klassijiet u żgur qegħdin
jistennew il-karnival biex jieħdu jumejn vaganżi oħra. Din is-sena se jkollhom
jistennew xi ftit aktar mis-soltu għax ir-Randan se jibda f’Marzu! Intant li
rrid ngħid hu li wara li jgħaddu l-vaganzi kollox jerġa’ lura għal dak li kien
qabel, il-ħaddiem jerġa’ lura fuq il-lant tax-xogħol, l-istudent jerġa’ jsib
ruħu fuq il-bankijiet tal-iskola, u l-apparat liturġiku aħdar jerġa’ jibda
jintuża fil-knejjes tagħna. Nerġgħu lura għal li konna!
Inħarsu ’l quddiem
Għal xi wħud
għandu mnejn il-fatt li għaddew il-festi u erġajna bdejna r-rutina tas-soltu ma
tantx ifisser, iżda dan ma nistgħux ngħiduh għal kulħadd. Hemm min din is-sena
ilu jaħseb fiha min jaf kemm. Fost dawk li ilhom jistennew li jgħaddu l-festi u
tibda s-sena 2019 żgur insibu lil dawk li matul din is-sena sejrin jiżżewġu!
Kemm preparamenti, kemm ħsibijiet, kemm ġiri u kemm spejjeż. Kemm persuni
involuti għal dan il-jum speċjali għal dik il-koppja li tkun sejra torbot
l-għoqda. Bla dubju dawn it-talin iħarsu lejn dan iż-żmien b’lenti differenti
minn dawk li għalihom din is-sena biddlet biss in-numri tad-data. Żgur li
koppja li din is-sena sejra tiżżewweġ ma tistax tgħid li terġa’ għal dak li
kienet qabel wara li tkun għamlet dan il-pass.
Tieġ speċjali

Illum nistgħu
naraw kif Kristu jista’ jibdlilna xortina. Illum nistgħu nindunaw kif b’laqgħa
miegħu mhux kollox jerġa’ lura għal li kien qabel. Illum nintebħu li jekk
insibuH il-laqgħa tagħna miegħu mhux bħall-jiem tal-festi li jgħaddu u nerġgħu
għan-normal. Laqgħa miegħu tista’ tagħmel bidla.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 20 ta' Jannar 2019

Nessun commento:
Posta un commento