venerdì 4 gennaio 2019

Elfejn u dsatax


Min jaf kemm hawn minna li għandhom tamiet sbieħ għas-sena l-ġdida li għadna kemm bdejna, min jaf kemm hawn min ilu jistenna din is-sena għaliex matulha għadnu xi avveniment importanti f’ħajtu; ser jigradwa, ser jiżżewweġ, min ħaġa u min oħra.

Imbagħad hemm min ma jkunx daqstant ħerqan meta jħares il quddiem lejn din is-sena għaliex forsi matulha jkun qed jistenna xi ħaġa mhux wisq sabiħa.

Din hija s-sena li fiha fost ħafna aktar, ser ikollna l-elezzjoni għall-membri parlamentari Ewropej, ser tkun is-sena fejn isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali madwar Malta kollha. Sena ta’ min jaf kemm aktar avvenimenti u ġrajjiet.

Il-ħin psikoloġiku
Għal dawk li qed jistennew xi ħaġa sabiħa u tajba matul din is-sena, il-ħin donnu ma jgħaddi b’xejn, il-jum mixtieq jidher wisq il bogħod. Għal min ikun fuq ix-xwiek l-arloġġ donnu jieqaf. Jgħidulek dawk l-irġiel li jkunu ser isiru missirijiet li waqt li jkunu jistennew lill-omm teħles u huma jkunu barra, kull minuta jarawha daqs li kieku tkun siegħa. Mill-banda l-oħra meta bniedem ikun qed jistenna xi bxara ħażina jkun jixtieq li ma jasalx il-waqt li jisma’ dik il-ħaġa iżda l-ħin donnu  jgħaġġel aktar mis-soltu. Itir ukoll il-ħin waqt id-divertiment. Wara xi vaganza li nkunu ħadna gost fiha ngħidu kemm għaddiet malajr. Dan huwa l-ħin psikoloġiku, jiġri meta ma rriduhx u jieqaf meta rriduh ifittex isir il-ħin.

Min jaf matul din is-sena kemm sejrin ngħaddu minn sitwazzjonijiet fejn il-ħin psikoloġiku ma jimxix l-istess bħal dak tal-arloġġ! Hu x’inhu xorta waħda ġurnata dejjem fiha 24 siegħa u siegħa tibqa’ b’60 minuta. Imma moħħna ma jaħdimx bħall-arloġġ tal-polz!

Sena Internazzjonali
Is-sena 2019 ġiet iddikjarata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda bħala s-sena internazzjonali tal- Tavla perjodika tal-elementi kimiċi (Periodic Table of Chemical Elements). Ikolli nistqarr magħkom li kull tip ta’ xjenza ma hijiex ħobż għal snieni. Naf li x-xenja tax-xjenzi, il-filosofija, tat  bidu għal bosta mix-xjenzi moderni imma llum tant żviluppaw li nfirdu kontempletament minnha. Għandi naħseb li matul din is-sena sejrin ikollna opportunità nisimgħu u nifhmu xi ftit dwar din it-Tavla perjodika. Għandha tkun ħaġa interessanti jekk tiġi mfiehma lin-nies b’lingwaġġ li jifhmu Ċikku l-poplu. Jekk spjegazzjoni tkun xjentifika aktar mill-isem il-parti l-kbira tan-nies tibqa’ ma tifhimx.

Ċentinarji f’pajjiżna
Il-qabar tal-vittmi tas-Sette Giugno
Żgur li l-akbar anniversarju jew aħjar ċentinarju li sejrin niftakru matul din is-sena f’Malta huma l-irvellijiet li kienu qamu  fl-1919 sewwasew fis-7 ta’ Ġunju. L-Assemblea Nazzjonali ta’ Malta taħt it-tmexxija ta’ Filippo Sciberras kienet qegħda tiltaqa’ ġewwa l-Belt Valletta biex tfassal kostituzzjoni għal Malta u tgħaddiha lill-Gvern Ingliż. L-ewwel laqgħa dwar dan is-suġġett saret fi Frar, it-tieni waħda saret fis-7 ta’ Ġunju. Dakinhar inġabret folla kbira fil-kapitali tagħna. Il-poplu kien mgħaddab minħabba l-għoli tal-ħajja, l-aktar tal-qamħ u d-dqieq. Xi rjus saħnu u attakkaw xi ħwienet li kellhom fil-vetrini jew fuq il-bjut tagħhom il-bandiera tal-Imperu Ingliż. Kienet attakkata l-Bibljoteka kif ukoll stamperija li kienet tistampa gazzetta favur l-Ingliżi. Inqala’ inkwiet kbir. Il-forzi tal-ordni Ingliżi ħarġu fit-toroq tal-Belt Valletta u sparaw fuq il-Maltin. Inqatlu tlieta dakinhar. L-għada Malta ġarrbet ir-raba’ vittma u martri ta’ dan l-avveniment imdemmi. Din hija l-istorja, din hija paġna kerha fl-istorja ta’ Malta, paġna miktuba bid-demm ta’ ħutna Maltin.

L-aħwa Qriema Ninu u Ġorġ Cassar

Kienet is-sena 1919 ukoll li l-aħwa Qriema Ninu u Ġorġ Cassar bdew jipproduċu nbid bi kwantità kummerċjali. Waqqfu kumpanija bl-isem ta’ A&G Cassar. Biż-żmien l-isem inbidel imma l-kumpanija kibret u baqgħet tipproduċi nbejjed għas-suq Malti. Illum il-kumpanija jisimha Marsovin, isem li ilu li ngħata lill-kumapnija sa mill-1956. Ilna mitt sena ngawdu dan l-inbid!

Semmejna żewġ Qriema, ejjew nibqgħu Ħal Qormi fejn ukoll qed ikun iċċelebrat ċentinarju ieħor. Din id-darba dan huwa tal-Kumitat Festi Esterni li jieħu ħsieb il-festi ta’ barra li jsiru f’ġieh San Ġorġ Martri. Fl-1919 Ħal Qormi kien għadu parroċċa waħda. Hemmhekk twaqqaf kumitat biex jibda jieħu ħsieb il-festi esterni tal-qaddis. Li huwa interessanti f’dan iċ-ċentianrju hu li dan kien l-ewwel kumitat tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Illum insibu bosta kumitati bħalu jew tal-inqas li għandhom l-istess funzjoni tiegħu, imma dan kien l-ewwel wieħed. Dan il-kumitat huwa ikona għax juri pass li kienet ħadet il-Knisja. Minn mitt sena ilu l-lajċi ingħataw inkarigu ġdid fi ħadnha, ħaġa li ftit li xejn kienet tinħolom, imma l-Qormin kienu għall-avangwardja, kienu ewlenin. Għalhekk dan iċ-ċentinarju huwa importanti.

Sena ġdida, pjani ġodda, stejjer ġodda, tliet mija u ħamsa u sittin jum ġdid li ħamsa minnhom diġà telqu u ħallewna! Kif ser ikunu dawn ix-xhur li ġejjin? Tgħid ser jiġru jew ser jgħaddu bil-mod.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Jannar 2019






Nessun commento:

Posta un commento