sabato 26 gennaio 2019

Duttur tal-Knisja


Meta nlissnu l-kelma “Duttur” aħna l-Maltin nistgħu nifhmuha b’żewġ modi, jew bniedem supperv, mimli bih innifsu li jaħseb li ħadd ma hawn bħalu fuq wiċċ id-dinja, jew inkella bniedem ta’ għerf. Duttur tal-Knisja jfisser qaddis li ħalla tagħlim kbir bħala patrimonju, għerf li sal-lum għadna nistudjawh minkejja li għaddew mijiet ta’ snin minn fuqu.

Santi Padri
Madwar il-ħames seklu, il-Knisja bdiet issejjaħ Santi Padri lill-aktar kittieba Nsara awtorevoli, ovvjament dawk li ħallew kitba ta’ natura reliġjuża Kristjana. Fil-kitbiet ta’ dawn il-missirijiet tal-Knisja insibu l-pedamenti u t-tifsir tat-tagħlim li ħalla Kristu. Fi ftit kliem dawn il-qaddisin taw lill-Knisja id-duttrina tagħha, ħaġa importantissima għal din ir-reliġjon li fi ftit sekli nfirxet mad-dinja kollha ta’ dak iż-żmien. Il-kitbiet tagħhom huma magħrufa bħala letteratura patristika u fiha nsibu it-tagħlim li joħroġ mill-Bibbja speċjalment mill-Evanġelji u mill-kitbiet tal-Appostli. L-ewwel lista ta’ Santi Padri nsibuha f’dak li jissejjaħ Digriet Ġelesjan, maħruġ fis-seklu VI u attribwit lill-Papa Ġelasju li miet lejn tmiem is-seklu V.

Sa issa għadni ma semmejt l-ebda isem u forsi jkun hawn min jaħseb li qed nikteb fuq xi qaddisin li qatt ma sema’ bihom. Imma mhux hekk! Santu Wistin żgur li huwa qaddis magħruf. Dan huwa wieħed mis-Santi Padri. L-istess ngħidu għal San Ġilormu, San Ġirgor il-Kbir u Sant’ Ambroġġ. Dawn kollha għexu fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu u għalhekk jissejħu missirijiet għax kienu minn tal-bidu. Fil-fatt jissejħu l-erba’ Santi Padri l-kbar tal-Knisja Latina.

Dutturi
It-tagħlim ma jieqaf qattl, anzi ħażin jekk jieqaf. It-tagħlim tal-Knisja baqa’ jiġi studjat anke wara aktar minn elf sena mill-mewt ta’ Kristu u għadu sejjer sal-lum. Il-ħassieba u l-qaddisin tal-Medjuevu li bdew jagħtuna aktar tagħlim dwar id-duttrina tal-Knisja illum insejħulhom Dutturi. Ma jissejħux Santi Padri għax ma humiex tal-bidu imma huma importanti daqs dawk tal-bidu fit-tagħlim li ħallewlna.

San Tumas ta' Akwinu
L-ewwel wieħed fil-lista tad-Dutturi tal-Knisja kien San Tumas ta’ Akwinu li niċċelebraw il-festa tiegħu għada. Kien fis-sena 1567 li dan il-qaddis ġie proklamat bħala duttur tal-Knisja. Sena wara ġew dikjarati bħala dutturi wkoll San Ġwann Krisostmu, San Bażilju l-Kbir, San Girgor Nazjanzenu u San Atanasju. Id-differenza bejn dawn il-qaddisin u San Tumas hija li dawn l-erbgħa għexu bejn is-seklu III u V jiġifieri madwar elf sena qabel jew aktar filwaqt li Tumas ta’ Akwinu għex biss tliet mitt sena qabel ma ġie ddikjarat duttur.

Tumas ta’ Akwinu kien student ta’ qaddis kbir ieħor li aktar tard sar ukoll Duttur tal-Knisja. Qed ngħid għal San Albert il-Kbir. Dan il-qaddis Dumnikan bħal San Tumas, kien iddikjarat Duttur fl-1931,  651 sena wara mewtu.

Il-qaddis ta’ Akwinu huwa l-aktar magħruf għas-Summa Teologika li fiha kiteb dwar tista’ tgħid kull ma għandu x’jaqsam mal-bniedem u l-fidi. Opra li fiha ’l fuq minn disa’ miljun kelma. Hija maqsuma fi tliet partijiet li jitrattaw 614-il kwistjoni jew biex nifhmu aħjar nistgħu ngħidu suġġett (topic) trattati fi 3,125 artiklu. Jitratta mill-eżistenza ta’ Alla għall-morali, virtujiet u vizji u l-persuna umana fil-proġett ta’ Alla u s-sagramenti.

Tumas ta’ Akwinu għex bejn l-1225 u l-1274 iżda kitbietu għadhom jiġu studjati sal-lum minn bosta minn dawk li jkunu sejrin jirċievu s-saċerdozju jew dawk li jigradwar fit-teoloġija. Mhux ta’ b’xejn il-Knisja għażlitu bħala Duttur!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument -  27 ta' Jannar 2019


Nessun commento:

Posta un commento