venerdì 1 febbraio 2019

Frar


Aħna l-Maltin għandna qawl li jgħid li Frar ifawwar il-bjar. Dejjem smajt min jgħid, u dejjem qbilt magħhom, li dan il-qawl ifisser li fi Frar tagħmel ħafna xita. Biddilt il-fehma tiegħi wara li kont qed nitkellem ma’ bidwi u qalli li kont żbaljat fil-ħsieb tiegħi. Huwa qalli li Frar ifawwar il-bjar għax ikun meliehom Jannar. Xogħol l-iqsar xahar tas-sena huwa biss li jimla dak li jkun ħalla vojt ix-xahar ta’ qablu. Minn dakinhar biddilt ħsiebi dwar it-tifsira ta’ dak il-qawl!

Xahar qasir
Ċajta komuni ħafna hija li meta wieħed jiġi mistoqsi meta se jagħmel xi ħaġa u din il-ħaġa aktarx ma tkun sejra ssir qatt, dan it-tali jwieġeb: “Fit-30 ta’ Frar”. Din id-data ma teżistix. Kull xahar ieħor tas-sena fih it-tletin jum tiegħu imma Frar jieqaf fit-28 jew fid-29. Billi s-sena tal-kalendarju, jiġifieri d-dawra tad-dinja max-xemx, mhijiex eżattament 365 jum, iżda fiha madwar sitt sigħat aktar, kull erba’ snin Frar ma jkunx fih 28 jum imma 29. Din tissejjah sena bisestili. Kif tkun taf jekk sena hijiex se tkun bisestii jew le? Faċli, kemm tiddividi l-aħħar żewġ numri bin-numru 4 u jekk dan jidħol eżatt allura jkun ifisser li dik is-sena hija bisestili. X’sejra tkun is-sena 2024? Jekk niddividu 24 b’4 ikollna 6, mela dik is-sena iva se tkun bisestili. X’kienet is-sena tal-Indipendenza ta’ Malta? 64 niddividuhom b’4 jiġu 16, mela iva dik is-sena kienet bisestili. U s-sena tar-Repubblika x’kienet? 74 niddividuhom b’4 nispiċċaw b’18.5, allura ngħidu li dik is-sena Frar kellu biss 28 ġurnata. X’jiġri minn dak li jitwieled fid-29 ta’ Frar? Jekk jagħlaq it-18 il-sena f’sena bisestili legalment jibda jiġi meqjus bħala adult dakinhar imma jekk is-sena ma tkunx bisestili normalment jibda jitqies adult mill-1 ta’ Marzu.

Qaddisin u festi
Frar fih xi festi ta’ qaddisin għeżież għalina. Fit-2 tax-xahar niċċelebraw il-Gandlora, li tfakkar il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju. Biex ngħidu d-dritt dan il-jum iġib il-festi tal-Milied fi tmiemhom. Il-presepju fi Pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan jibqa’ armat sa dan il-jum. Ma nimmaġinax li hawn minna li nħallu l-armar tal-Milied sa dan iż-żmien, l-aktar f’dawk is-snin li kważi jkun nwasal il-bidu tar-Randan.  Qaddisa b’rabta ma’ artna hija dik li niċċelebraw fil-5 ta’ Frar. Sant’Agata li jingħad li anke waslet f’pajjiżna biex tħarab mill-persekuzzjoni li kien hemm fi Sqallija. F’Malta nsibu erba’ kappelli ddedikati lil din il-qaddisa, waħda l-Imdina, tnejn ir-Rabat, waħda fil-katakombi u oħra fuq il-katakombi u oħra fiż-Żurrieq. Il-Kurja tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl ukoll ħadet l-isem ta’ din il-qaddisa.  Semmejna lil San Pawl u la qed insemmu Frar ma nistgħux inħalluh barra. San Pawl nawfragu fl-10 ta’ Frar hija solennità fl-Arċidjoċesi tagħna. Huwa l-jum fejn niftakru li pajjiżna laqa’ fuq xtutu lill-Appostlu tal-Ġnus. L-10 ta’ Frar hija l-jum tal-ewwel festa esterna tas-sena. Il-Belt Valletta bħal-lum tara wċuħ li abbli tkun ilha sena jew aktar ma tarahom. F’dan il-jum fil-knejjes tagħna, tinqara s-silta mill-Atti tal-Appostli fejn tissemma Malta u niesha, nies barbari, jiġifieri li ma jitkellmux bil-Latin, imma nies ta’ qalb kbira.

San Valentinu
Fil-11 ta’ Frar niċċelebraw il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes. Kemm Maltin żaru dan il-post għażiż fi Franza? Eluf kbar, u ta’ kull sena għadu jattira bosta minna biex imorru jaraw fejn il-Madonna kellmet lil Santa Bernardetta Soubirous. F’dan il-jum niċċelebraw ukoll Jum il-Morda, u biex ngħidu d-dritt hemm rabta intima bejn Lourdes u l-morda, min xi darba mar jista’ jifhem aktar dak li rrid ngħid.

Għall-Maħbubin l-14 ta’ Frar ifakkarhom f’San Valentino. Biex ngħidu d-dritt dakinhar niċċelebraw lil San Ċirillu u San Metodju, patruni tal-Ewropa, imma magħhom jidħol ukoll dan il-qaddis li huwa meqjum ġewwa Terni fl-Umbria l-Italja u għandu venerazzjoni speċjali anke f’Ħal Balzan. Ma nistax inħalli barra l-Beata Marija Adeodata Pisani li niċelebraw it-tifkira tagħha fil-25 ta’ dan ix-xahar. Tabilħaqq li din il-beata twieldet Napli imma missierha kien Malti u hi ġiet Malta ta’ 19-il sena, għalhekk nistgħu ngħidu li hija Maltija.

Ħafna drabi Frar ikun ukoll ix-xahar li fih niċċelebraw il-karnival. Din is-sena l-karnival jibda propju fl-aħħar jum ta’ Frar. Dak li konna nsejħu Giovedigrass sejjer ikun fit-28 ta’ Frar.

Fid-29
Biex forsi naqta’ l-kurżità ta’ xi wħud, ngħid ukoll li anke fid-29 ta’ Frar niftakru f’Santu Wistin ta’ Chapdelaine Martri taċ-Ċina, San Ilarju Papa u f’San Osvaldu Isqof ta’ Worcester. Kulħadd b’xortih għandek tgħid, dawn il-qaddisin darba biss kull erba’ snin niffesteġġjawhom! F’dan il-jum ġewwa l-Irlanda jkun iċċelebrat jum il-ġuvintur. Mhux ġuvintur żgħażagħ imma jum għal dawk l-irġiel kollha li baqgħu qatt ma żżewġu.

Qasir u jgħaddi bħar-riħ, imma mimli dan ix-xahar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  2 ta' Frar 2019




Nessun commento:

Posta un commento