giovedì 7 febbraio 2019

Profeta


Spiss nisimgħu min jgħid li xi ħadd kien profeta għax ikun bassar u qata’ xi ħaġa li tkun ġrat sewwasew kif ikun qal dak it-tali. Imma l-profeta m’huwiex biss dak li jbassar il-futur u jaqta’ xi jkun ser jiġri, il-profeta mhux xi saħħar, il-profeta jmur lil hinn mit-tbassir tal-futur.

Il-kelma profeta għandha l-għeruq tagħha fil-Grieg antik. Il-kelma προφήτης (profeta) hija magħmula minn żewġ kelmiet. Ħalli nibda minn denbha u nfisser l-aħħar biċċa. Φημί (tinqara femi) tfisser titkellem, tgħid xi ħaġa. Mela l-profeta għandu x’jaqsam mad-diskors, il-profeta ma jistax jibqa’ mutu, il-profeta fin-natura tiegħu irid ilissen xi ħaġa għax inkella ma jkun profeta xejn. Niġu issa għall-ewwel parti tal-kelma. Προ (tinqara pro) tfisser quddiem, qabel imma tfisser ukoll minflok jew f’isem. Mela jekk ngħaqqdu dawn iż-żewġ kelmiet u naraw xi jfissru nkunu nistgħu ngħidu li profeta huwa kemm dak li jitkellem qabel ma tkun seħħet il-ħaġa kif ukoll dak li jitkellem f’isem ħaddieħor.

Figuri
Il-profeti huma figuri tipikament reliġjużi li nsibuhom tista’ tgħid fir-reliġjonijiet li jemmnu f’xi tip ta’ alla jew allat. Il-profeta huwa dak li jitkellem f’isem dawn l-allat. Fil-fidi Lhudija, u ovvjament f’dik Nisranija wkoll għaliex din tat-tieni hija mwielda minn tal-ewwel, il-figura tal-profeta hija waħda importanti ħafna. Dawn huma figuri li wasslu kemm il-kelma ta’ Alla lill-poplu kif ukoll bassru dak li kellu jseħħ fil-futur. L-itwal ktieb fil-Bibbja huwa ta’ profeta, ta’ Isaija, għad li l-istudjużi jsostnu li dan il-ktieb twil ma nkitibx minn persuna waħda iżda tal-anqas minn tlieta. F’dan il-ktieb insibu kemm il-kelma ta’ Alla mwassla lill-poplu ta’ Isreal kif ukoll tħabbir tal-ġejjieni, it-twelid tal-Messija, ta’ ħellies tal-poplu.

L-aktar fidi qrib dawn it-tnejn hija dik Musulmana li wkoll iżommu xi profeti li nsibu fl-Antik Testment bħala nies qaddisa u jissiġillaw il-lista tal-profeti b’Muħammed, il-fundatur tal-Islam. Xi reliġjonijiet oħra wkoll insibu l-profeti fihom.

Kliemu
Isaija l-profeta
Imma issa ejjew naraw il-profeta xi kliem jgħid. Huwa profeta għax iwassal il-messaġġ ta’ Alla u għalhekk il-kliem li jgħid meta jipprofetizza ma jkunx kliemu imma kliem li Alla jkun irid iwassal lill-bniedem. Kieku profeta ilissen kliemu ma jkun profeta xejn għax ikun qed iwassal il-messaġġ tiegħu, qed jikkomunika dak li għandu f’moħħu. Kieku l-profeta jwassal dak li għandu f’moħħu allura nispiċċaw ngħidu li kieku Facebook u Twitter huma mimlijin profeti! Il-profeta jwassal kliem il-Mulej.

Il-pajjiż tal-profeta
Fl-evanġelju nsibu l-fatt meta Kristu mar fis-sinagoga u ħabbar il-kelma ta’ Alla imma niesu ma laqgħuhx. Hu qalilhom bla tlaqlieq li l-ebda profeta ma huwa milqugħ f’pajjiżu, anzi ma hemmx post agħar minn pajjiżu fejn profeta jiġi mżebblaħ. Mhux faċli li bniedem li tkun tafu sa minn twelidu, tarah jitrabba, jikber, isir ġuvni, raġel taċċetta mingħandu tagħlim differenti minn dak li tant tkun ilek fih. Kien għalhekk li lil Kristu ma aċċettawh, kien għalhekk li ma niżżluhiex li bin il-mastrudaxxa jgħallimhom tagħlim differenti minn dak li kienu ankrati fih. Kienet iebsa biex jidrittaw l-imgħawweġ tagħhom wara t-twissija ta’ bniedem li kienu jafuh.

Profeti llum għad għandna, li forsi ma jitkellmux f’isem Alla imma jitkellmu f’isem is-sewwa, f’isem il-ħaqq u l-ġustizzja, imma l-istess bħalma għamlu lill-profeti tat-Testment il-Qadim, kliemhom bosta drabi jaqa’ fuq widenejn torox.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 3 ta' Frar 2019



Nessun commento:

Posta un commento