Jekk hawn ħaġa fil-ħajja li kulħadd jixtieqha, bla dubju hija l-hena. Kull
bniedem jixtieq ikun hieni u ferħan, kull bniedem jagħmel dak kollu li jista’
biex itejjeb il-qagħda tiegħu u jgħix ħajja aktar komda fil-hena. Din hija ħaġa
minn awl id-dinja għax żgur li ħadd ma jixtieq jgħix fid-dwejjaq. Bniedem normali
dejjem jara kif ser jifraħ hu u jferraħ lil dawk li jħobb.
Rabta
Hemm rabta kbira bejn żewġ sentimenti; l-hena u l-imħabba. Kif bniedem
jista’ jkun hieni jekk ma jkunx maħbub? U kif jista’ bniedem iferraħ u jhenni
lil ta’ madwaru jekk ma jkunx jaf iħobb? Dawn huma żewġ ħoloq f’katina waħda,
kemm-il darba tonqos waħda minnhom l-oħra tbati ħafna jew saħansitra tgħib għal
kollox.
Il-bniedem jithenna meta jħossu maħbub u milqugħ minn ta’ madwaru u għal
kuntrarju ma jħossux f’loku meta jkun jgħix, jaħdem jew jiffrekwenta ambjenti
li minflok imħabba jitrasmettu għira, mibgħeda jew pika. Jekk toqgħod taħseb u
tirrifletti ftit issib dawn il-kundizzjonijiet anke fl-anqas postijiet li
tistenniehom. Għax wara kollox aħna bnedmin li niżbaljaw u l-iżball tagħna
jista’ jibdel l-hena ta’ ħaddieħor f’niket jew saħansitra f’disprament. Mela b’dan
ġewwa moħħna tajjeb inkun reponsabbli tal-għemejjel tagħna speċjalment jekk
għandna xi kariga ta’ tmexxija, fil-post tax-xogħol, fl-għaqda, fil-familja u f’sitwazzjonijiet
oħra fejn insibu ġemgħa ta’ bnedmin. Wieħed għandu joqgħod attent li meta
jgħaddi ma jirfisx lil ħaddieħor u jekk jagħmel dan għandu jkun umli biżżejjed
biex jirranġa dak li jkun wettaq ħażin , għandu jassigura l-hena tal-bniedem ta’
taħtu.
Sellum
Darba smajt bniedem prominenti jgħid li missieru dejjem qallu li l-ħajja
qisha sellum, hu u tiela jiltaqa’ ma’ nies li jrid jerġa’ jiltaqa’ magħhom hu u
nieżel lura. Kliem mimli għerf għax l-iblah biss jaħseb li s-sellum titilgħu u
ser jibqa’ hemm fuq għal dejjem. Tikkalpestax lill-għajrek, ara li tagħmel
ħiltek li tassiguralu l-hena għax għada pitgħada r-roti ddur żgur. Kristu
jgħidilna li bil-kejl li nkejlu lil ħaddieħor jitkejjel lilna. Dak li Kristu
qal lilna l-Insara f’xi reliġjonijiet oħra jissejjaħ Karma, dak li tagħmel int
se ssib min jagħmlu lilek. Mela kun għaref, henni li ħaddieħor issa li huwa
l-waqt biex la ddur ir-rota dak li jkun jiftakar fit-tajjeb li tkun wettaqt miegħu
u jhenni lilek, imma jekk tnikktu tistenniex hena mingħandu.
Henjin
Fl-evanġelju nsibu lista ta’ dawk li huma henjin. Forsi narawhom
kontradizzjonijiet. Kif tista’ ssejjaħ bniedem hieni jekk huwa fqir? Kif bniedem
jista’ jkun hieni jekk ikun bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja? Bniedem jista’
jkun hieni jekk in-nies tkun tobgħodu u taqilgħu ’l barra miċ-ċirku tagħha?
Kristu iva jsejħilhom henjin lil dawn it-talin. Ma nisnewx il-qawl Malti: riħ
ta’ siegħa jnaddaf qiegħa, dak li llum qiegħed fuq għada għandu mnejn jiġri xi
ħaġa u jispiċċa isfel nett. Tinsiex, is-sellum titilgħu imma xi darba trid
tinżlu wkoll. Kliem Kristu huwa ċar daqs il-kristal: Ħażin għalikom intom li
għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku. (Lq 6:25b) Il-kotba tal-istorja
jagħtu raġun lil dan il-kliem.
Mela jekk inti bħalissa tinsab in-naħa ta’ fuq tar-rota tal-ħajja aħseb
sewwa u henni li dawk li hemm taħtek, jekk imbagħad inti tinsab in-naħa ta’
taħt, tibżax, jekk inti kkalpestat għad tifraħ u tithenna!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 17 ta' Frar 2019
Nessun commento:
Posta un commento