Kien jismu Xmun,
imma ismu nbidel meta minn sajjied tal-ħut sar sajjied tal-bnedmin. Naħseb tafu
għal min qed ngħid: San Pietru li Kristu darba sejjaħlu xitan imma mbagħad
sejjaħlu blata u f’idejh ħalla l-knisja tiegħu.
Kull 22 ta’ Frar
niftakru f’dan il-fatt, niċċelebraw festa li nsejħulha l-Katedra ta’ Pietru,
it-tron ta’ dak li jmexxi l-Knisja ta’ Kristu. It-tmun tad-dgħajsa.
X’figura!
Meta nistudjaw
ftit bir-reqqa il-figura ta’ San Pietru naraw l-umanità tiegħu. Kemm kien
bniedem sempliċi u fl-istess waqt speċjali. Għandu mnejn kien l-akbar wieħed
minn fost l-appostli kollha u forsi għalhekk l-imgħallem riedu jkun il-mexxej,
il-kap ta’ sħabu. Kien bniedem ta’ ftit skola, kien bniedem tax-xogħol, aktarx
iben sajjied ukoll bħalma kien ħuh Indri. Madanakollu, minkejja n-nuqqas ta’
skola xorta lilu għażel Kristu biex fuqu jibni l-Knisja tiegħu.
Raġel tal-familja
li ntagħżel minn Alla biex ikun figura importanti fil-ħajja pubblika ta’ Ġesu.
Kien minn tal-bidu li telaq l-użanzi Lhud u ħaddan it-tagħlim ta’ Kristu, kien
hu flimkien ma Ġakbu u Ġwanni li ra lill-imgħallem jinbidel fuq il-mumtanja
Tabor u kien hu wkoll ma’ dawn it-tnejn l-oħra li ra lil Kristu ażgonija fl-Ort
tal-Getsamani. F’dan l-istess post kien Xmun Pietru ħareġ is-sejf u qata’
widnet is-suldat biex jiddefendi lill-imgħallem tiegħu u kien hu wkoll li meta
kien fil-bitħa tal-palazz ċaħad li hu wieħed minn tal-klikka tan-Nazzarenu. Kien
hu wkoll l-ewwel li daħal fil-qabar biex jixhed il-qawmien mill-mewtr ta’
Kristu. Minkejja d-dgħjufija umana ta’ dan il-bniedem, Ġesù għażel lilu biex
ikun is-suċċessur tiegħu.Din il-ħaġa ta’ min jirrifletti dwarha. Kristu kellu
miegħu għażla ta’ persuni; sajjieda bħal Indri u Pietru, ġabbar tat-taxxi,
forsi xi mastrudaxxa, xi bennej u min jaf x’aktar. Kellu nies xjuħ u żgħażagħ
fl-għaqda tiegħu, imma lil min għażel biex imexxi? Għażel sajjied bla skola
minkejja li kellu madwaru persuni intelletwali, u biex nitkellmu bi kliem
tagħna l-bnedmin tat-tielet millenju, kellu persuni b’IQ bil-wisq aqwa minn dik
ta’ Pietru. Imma xorta lilu għażel. Min jaf għalfejn?
Elfejn sena wara
Illum li għaddew
madwar elfejn sena minn żmien San Pietru, għadna niċċelebraw din il-festa għaliex
din hija festa tal-universalità tal-Knisja ta’ Kristu. Il-Knisja ta’ Kristu
fl-ewwel żminijiet tagħha tmexxiet u tkabbret bis-saħħa tal-mexxej sajjied li
kellha u l-appostli u d-dixxipli l-oħrajn.
Pietru miet, bħalma jmut kulħadd – insomma, Pietru miet martri, miet
imsallab tgħidilna t-tradizzjoni, imsallab rasu l isfel għax ma ħassux denju li
jmut mewta bħal tal-imgħallem. Il-mewt ta’ Pietru ma fissritx it-tmiem
tal-għaqda ta’ Kristu, il-Knisja warajh
mexxewha l-Papiet. Illum huwa Franġisku li jmexxi l-Knisja, li bosta drabi
tissejjaħ anke id-dgħajsa ta’ Pietru. Hemm aktar minn mitejn u sittin papa bejn
Pietru u Franġisku. Kien hemm żminijiet diffiċli, żminijiet koroh u xejn
eżemplari fl-elfejn sena tal-papat, imma l-katedra baqgħet wieqfa u għadha hemm
wieqfa. Wara kollox din kienet wegħda tal-imgħallem li s-setgħat tal-infern
sejrin iħabbtuha, imma qatt ma jirbħuha. U ż-żmien ta raġun lil dan il-kliem
għax minkejja kollox, il-Knisja li Pietru ssejjaħ bħala blata biex fuqha
tinbena għadha wieqfa.
Din hija l-festa
li nagħmlu kull 22 ta’ Frar, il-festa tal-Knisja mwaqqfa minn bniedem li spiċċa
msallab, imma kien Alla u mxerrda minn sajjied imsejjaħ blata li kellu fidi
kbira u fuq kollox imħabba bla qies.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 24 ta' Frar 2019
Nessun commento:
Posta un commento