sabato 2 marzo 2019

Rispett


Waħda mill-akbar problemi attwali li bosta minna spiss jaħsbu dwarha hija n-nuqqas ta’ rispett li sar għandha l-ġenerazzjoni żagħżugħa lejn l-aworitajiet. Titkellem ma’ kull min titkellem jgħidlek li fi tfulitna ma konniex hekk u bosta jibdew jippuntaw subgħajhom lejn dik il-ħaġa jew dak il-fattur bla ma jobsru li għandhom mnejn huma wkoll kienu kompliċi tas-sitwazzjoni li qegħdin fiha llum. Mhux qed ngħid għal Malta biss, qed ngħid għad-dinja kollha għaliex din il-problema hija waħda dinjija.

Korrezzjoni
L-ewwel edukazzjoni tiġi mid-dar fejn nitwieldu u ngħixu l-ewwel snin ta’ ħajjitna, id-dar hija l-ewwel skola. Billi llum il-ġenituri jaħdmu t-tnejn bosta drabi n-nanniet qed jieħdu post il-ġenituri fl-ewwel snin tat-trobbija tal-ulied. In-nanniet ma humiex il-ġenituri u la għandhom is-setgħat u lanqas id-doveri ta’ ġenituri. Barra minn hekk lanqas għandhom l-età ta’ ġenituri minkejja li għandhom il-kapaċitajiet għax kienu huma wkoll ġenituri xi darba. Hawn naraw li n-nanniet ma jistgħux jagħtu d-dixxiplina li jistgħu jagħtu l-ġenituri għax dawk it-tfal li jkunu qed irabbu ma jkunux tagħhom. Meta nanna tikkoreġi lil neputi, din tista’ biss tkellmu jew tgħajjat waħda miegħu u dan għandu mnejn meta tiġi ommu għalih jgħidilha li ma jridx imur aktar għand in-nanna. Kieku l-istess storja tiġri mal-omm, kienu tkun ħaġa oħra. Daqxejn ta’ kastig qatt ma għamel deni.

B’dawn l-ideat fil-moħħ tat-tfal, meta jasal żmien l-iskola l-għalliema jieħdu post in-nanniet imma l-istorja tibqa’ l-istess. L-ebda għalliem ma jista’ jikkoreġi lil ħadd għax issib min joħodha kontieh. Xbajna nisimgħu b’każi fejn għalliema spiċċaw agrediti. Hija xi ħaġa tal-biki meta xi ġenituri jmorru jieħdu s-sodisfazzjon għax xi għalliem ikkoreġa lil binhom jew binthom, imma hija tat-twerwir meta nisimgħu li xi student jew studenta għamlu għall-għalliem. Ma noqgħodux ninħbew wara subgħajna, każi bħal dawn saru komuni ħafna. L-iskola hija l-post fejn wieħed jikseb l-edukazzjoni mhux biss akkademika imma anke fil-manjieri u kif għandu jgħix b’mod ċivili fid-dinja ma’ bnedmin oħrajn bħalu. Il-korrezzjoni hija mod kif tevita l-iżbalji, jekk ma naċċettawhiex ma nistgħux neħilsu mill-iżbalji li nagħmlu, jekk ma naċċettawx li aħna niżbaljaw inkunu qed indaħħlu rasna fir-ramel u ngħidu li aħna perfetti. U min hu perfett fid-dinja?

Pulizija
Fi ċkunitna kien hawn min ibeżża’ lit-tfal bil-pulizija, ħaġa li ma kelliex tkun, illum mhux talli l-ġenerazzjoni żagħżugħa ma tibżax mill-pulizija imma l-folja daret ta’ taħt fuq u kważi kważi saret il-pulizija tibża’ min-nies. Din hija problema simili għal dik tal-għalliema. Jekk dawn il-persuni ma jkollhomx min jagħtihom sapport u jaqbeż għalihom ma ttihomx tort jibżgħu għal ġildhom. Mhux għax hija ħaġa sewwa, imma s-sitwazzjoni ġġib lil dak li jkun f’qagħda bħal din, imur għax-xogħol mhux biex ikun sodisfatt li għamel xogħlu iżda biex fl-aħħar tax-xahar jieħu l-paga lejn id-dar. Sitwazzjoni tal-biki, sitwazzjoni fejn ix-xogħol isir rutina bħal magna li tirrepeti dejjem l-istess att jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa. B’dan ir-ritmu bil-fors li dak li jkun jiddejjaq u ħaddiem imdejjaq ma jistax jagħmel xogħlu sewwa.

Problema akuta
Il-problema hija akbar milli wieħed jaħseb għaliex in-nuqqas ta’ rispett sar jidher ukoll lejn il-ġenituri. Tabilħaqq li hemm każi fejn anke dawn tal-aħħar jonqsu lill-uliedhom. Ma rridx ngħid li dawk l-ulied li ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom minħabba li jaħdmu jkun u qed jonqsu mir-rispett. Illum ma għadx hawn min jista’ jibqa’ d-dar idur b’ommu u missieru. Insomma mhux ma hawnx min, imma meta nqabblu n-numru ma’ dak li kien ftit għexieren ta’ snin ilu naraw id-differenza.

Ir-rispett naqas lejn dak kollu li huwa sagru, naqas lejn is-saċerdot, lejn il-Knisja u lejn dak kollu li għandu x’jaqsam magħha. Frosi konna aħna s-saċerdoti stess li bi kliemna jew bl-għemil ta’ xi wħud minna waqqajna l-ġebla fuq saqajna. Hu x’inhu illum ikollna nammettu li ma sar hawn rispett lejn ħadd u lejn xejn, il-bniedem sar oġġett biex jiġi użat minn ħaddieħor u ladarba jkun użat u wettaq xogħlu jiġi mwarrab jew mormi. Dan huwa l-effett tan-nuqqas ta’ rispett li l-ġenerazzjoni tal-lum għandha lejn dik ta’ qabilha.

Naqas ukoll ir-rispett lejn il-bniedem innifsu, is-self respect. Kif nista’ jiena nirrispetta lill-oħrajn jekk lanqas lili nnifsi ma nirrispetta? In-nuqqas ta’ rispett lejja nnifsi nista’ narah mill-mod kif nilbes u nitkellem, ma’ liema kumpanija nagħmilha, x’postijiet nifrekwenta. Jekk dawn ma jkunux dekorużi u ta’ rispett ma nistax nistenna rispett jiena.

Problema kbira din tan-nuqqas ta’ rispett, problema li kulħadd jgħidlek li kull ma jmur qegħda tkompli tikber. Imma jien x’nista’ nagħmel biex intaffi xi ftit minha? Nista’ nibda nirrispetta lili nnifsi u mbagħad lil dawk ta’ madwari. B’hekk nista’ ntaffi ħarira mill-problema.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Frar 2019



Nessun commento:

Posta un commento