Visualizzazione post con etichetta aushwitz. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta aushwitz. Mostra tutti i post

sabato 21 gennaio 2023

Jum internazzjonali b'tifkira tal-Olokawst



Kull 27 ta’ Jannar isir Jum it-tifkira. Nistħajjel li jkun hawn min jistaqsi: liema tifkira tkun iċċelebrata dakinhar? Minkejja li ngħidu li hija tifkira, huwa jum li fih niftakru ġrajja li kulħadd jixtieq jinsa. Dakinhar niftakru f’dawk il-miljuni ta’ bnedmin li ġew maqtulin minħabba filosofija żbaljata, minħabba politika ħażina fejn jeżistu r-razez, il-kuluri, il-firdiet fost il-bnedmin. Dakinhar id-dinja tiftakar fl-Olokawst li seħħ matul it-Tieni Gwerra Dinjija fejn madwar sitt miljun Lhudi ra t-tmiem tiegħu sempliċiment għax kien jappartjeni għall-ġens Lhudi.

Olokawst jew Shoah

L-Olokawst, li huwa magħruf ukoll bħala s-Shoah, kien il-ġenoċidju tal-Lhud Ewropej matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Bejn l-1941 u l-1945, il-Ġermanja Nażista u l-kollaboraturi tagħha qatlu sistematikament madwar sitt miljun Lhudi madwar l-Ewropa okkupata mill-Ġermaniżi. Dan in-numru kien jammonta għal madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni Lhudija tal-Ewropa. Il-qtil sar kemm f’massakri u sparar tal-massa kif ukoll bi programm ta’ politika ta’ sterminazzjoni permezz ta’ xogħol fil-kampijiet ta’ konċentrament. Sar ukoll fi kmamar tal-gass u vannijiet tal-gass fil-kampijiet ta’ sterminazzjoni Ġermaniżi, prinċipalment Auschwitz-Birkenau , Bełżec , Chełmno , Majdanek , Sobibór , u Treblinka fil-Polonja okkupata.

Il-Ġermanja implimentat il-persekuzzjoni fi stadji. Wara l-ħatra ta' Adolf Hitler bħala Kanċillier fit-30 ta’ Jannar 1933, ir-reġim bena għadd ta’ kampijiet ta' konċentrament fil-Ġermanja għall-avversarji politiċi u dawk meqjusa bħala “mhux mixtieqa”. L-ewwel kamp ta’ konċentrament kien dak ta’ Dachau li fetaħ fit-22 ta' Marzu 1933. Wara li għadda dak li jissejjaħ l-Att ta’ Enabling, fl-24 ta’ Marzu, 1933 Hitler ġie mogħti poteri plenarji dittatorjali, bid-dritt li jgħaddi liġijiet mingħajr ħtieġa ta’ maġġoranza fil-parlament jew approvazzjoni tal-President. Minn dan il-waqt il-gvern Nażista beda jiżola l-Lhud mis-soċjetà ċivili; dan kien jinkludi l-bojkott tan-negozji Lhud f'April 1933 u l-promulgazzjoni tal- Liġijiet ta' Nuremberg f'Settembru 1935. Bejn id-9 u l-10 ta' Novembru 1938, tmien xhur wara li l-Ġermanja ħakmet l-Awstrija , in-negozji Lhud u s-sinagogi kollha u bini Lhudi ieħor ġew meqrudin jew inħarqu madwar il-Ġermanja u l-Awstrija kollha, f’dik li saret magħrufa bħala Kristallnacht, li bil-Malti nistgħu nsejħulu “il-Lejl tal-Ħġieġ imkisser”. Dan kollu seħħ wara li żagħżugħ Lhudi kien qatel diplomatiku Ġermaniż f’Pariġi. Dak li seħħ f’dak il-lejl  kien sinjal għal-Lhud fil-Ġermanja u l-Awstrija biex jaħarbu minn darhom kemm jista’ jkun malajr. Mijiet ta’ eluf ta’ Lhud sabu kenn f’pajjiżi oħra, iżda mhux kulħadd, numru kbir ta’ Lhud fosthom xjuħ u morda, baqgħu f’darhom.

Kristallnacht

Wara li l-Ġermanja invadiet il-Polonja f’Settembru tal-1939, li nistgħu ngħidu kien il-bidu għat-Tieni Gwerra Dinjija, ir-reġim waqqaf gettos biex jissegrega l-Lhud. Eventwalment, mijiet ta’ kampijiet u siti oħra ta’ detenzjoni ġew stabbiliti madwar l-Ewropa okkupata mill-Ġermaniż. Matul is-snin tal-gwerra l-Olokawst wettaq atroċitajiet li sal-lum għadhom iħammru wiċċ id-dinja.

Politika ta’ razza

Il-bidu ta’ dan il-perjodu ikrah fuq id-dinja kien frott ta’ filosofija żbaljata fejn il-bniedem beda jemmen, ovvjament għax hekk ġie mgħallem minn dawk ta’ fuqu, li neżistu aħna u jeżistu huma u min mhux magħna jew bħalna huwa kontra tagħna u min hu kontra tagħna huwa għadu tagħna mela għandna neħilsu minnu kemm jista’ jkun malajr. Il-poplu Ġermaniż ġie ddottrinat li hemm razza ta’ bnedmin puri u min mhux minn dik ir-razza għandu jitwarrab. Fil-verità aħna bħala umani nappartjenu għal razza waħda, ir-razza umana u la iżjed u lanqas inqas. Biss il-politika Nażista għallmet diversament. Ma tistax tlum lil min ġie ddotrinat b’dan il-mod li jemmen li dak li tgħallem huwa s-sewwa.

Meta nsemmu l-Olokawst spiss nifhmu l-ġenoċidju tal-Lhud, iżda matul is-snin tal-gwerra, jiġifieri bejn l-1933 u l-1945, seħħew kemm-il darba qtil sistematiku tal-massa jew ta’ gruppi oħra tal-popolazzjoni. Dawn kienu jinkludu lir-Rom jew Żingari , Pollakki , Ukrajini , Sovjetiċi ċivili u priġunieri tal-gwerra. Gruppi iżgħar kienu wkoll vittmi taʼ persekuzzjoni Nażisti, bħall-membri tax- Xhieda taʼ Ġeħova, il- Ġermaniżi Suwed, il- persuni b’diżabilità, il- komunisti u l-omosesswali.

Għalfejn niftakru?

Imma gaħlfejn ta’ kull sena nerġgħu niftakru fi żmien li d-dinja kollha tixtieq tinsa? Huwa propju għalhekk li rridu niftakru għax kif jgħid sewwa l-filosfu George Santayana: “Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kkundannati li jerġgħu jgħixuh.” Din il-frażi tinsab miktuba f’waħda mid-daħliet tal-barrakki ġewwa l-kamp ta’ konċentrament f’Auchwitz. Għalhekk ma rridux ninsew dak li d-dinja għaddiet minnu għax inkella jkun hemm ir-riskju li terġa’ tgħaddi minnu. Dak li seħħ fi żmien il-gwerra seħħ minħabba politiku b’ideoloġija li llum nafu li kienet żbaljata iżda fi żmienha kienet aċċettata. Għalhekk it-tifkira, biex ma ninsew qatt u biex forsi ma nerġgħux ngħaddu minn dak li għaddew minnu dawk ta’ qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Jannar 2023


 

 

 

 

 

venerdì 24 settembre 2021

Nitgħallmu mill-imgħoddi

 

Żort il-Polonja aktar minn darba u f’kull żjara tiegħi dejjem żort dak li fadal mill-kamp ta’ konċentrament li n-Nażisti kienu bnew ġewwa Oświęcim jew kif inhu magħruf aħjar: Auschwitz. F’waħda mill-barrakki tal-kamp hemm tabella li rajtha l-ewwel darba li żort dan il-post li jħammar wiċċ l-umanità kollha. Din it-tabella fiha miktub fuqha frażi ta’ George Santayana, miktuba bil-Pollakk u bl-Ingliż. Il-frażi bil-Malti nistgħu ngħidu li tiġi hekk: Dak li ma jiftakarx l-imgħoddi huwa kkunddannat li jerġa’ jgħaddi minnu.

George Santayana
Santayana

Ejjew qabel xejn naraw min kien dak li ħareġ b’din il-frażi eċċellenti. Ismu propju kien Jorge Agustín Nicolás Ruiz de Santayana y Borrás, imma aktar huwa magħruf bħala George Santayana. Huwa twieled Madrid fi Spanja f’Diċembru tas-sena 1863. Meta kellu tmien snin il-familja tiegħu emigrat lejn l-Istati Uniti u hu dejjem ħass li kien Amerikan minkejja li żamm iċ-ċittadinanza Spanjola. Studja ġewwa l-Università ta’ Harvard. Wara erbgħin sena huwa reġa’ lura lejn l-Ewropa fejn gĦex f’Avila, Pariġi u Oxford fost oħrajn u fil-kontinent tagħna baqa’ sakemm miet fl-1952 fil-Belt ta’ Ruma, l-Italja. Huwa kien filosfu, kittieb u poeta li jibqa’ magħruf kemm għal din il-frażi li semmejt kif ukoll għal xi oħrajn bħal: Dawk li jmutu biss jaraw it-tmiem tal-gwerra.

Ġenoċidji

Fil-post fejn rajt il-plakka bi kliem Santayana ġew maqtula fuq miljun ruħ. Biss ma rridux ninsew li fl-istess żmien kien qed issir qtil ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Serbi mill-Kroati bl-għajta ta’ tindif etniku. Huwa stmat li nqatlu aktar minn miljun Serb f’dan l-hekk imsejjaħ “tindif”. Insemmu wkoll li n-Nażisti wkoll f’dawn is-snin qatlu bejn kwart u nofs miljun minn dak il-poplu li jissejjaħ Rom, dejjem bl-iskuża tat-tindif etniku.  Fl-1971 kellna bosta mwiet fil-ġlieda għall-ħelsien tal-Bangladesh. Bejn mitejn u tliet mitt elf ruħ inqatlu mill-forza tal-ordni tal-Pakistan. Bejn l-1974 u l-1999 kellna qtil ta’ mases ta’ nies f’Timor tal-Lvant. Hemm inqatlu bejn mija u tliet mitt elf ruħ.  Bejn l-1975 u l-1979 seħħ il-qtil tal-massa fil-Kambodja. Bejn miljun u nofs u żewġ miljun ruħ sabu tmiem ħajjithom f’dawn is-snin f’dan il-pajjiż Ażjatiku. Fil-Gwatemala bejn l-1981 u l-1983 inqalu madwar mija u sitta u sittin elf persuna ta’ nisel Maya. Dawn ta’ wara t-tieni gwerra dinjija huma kollha ġenoċidji li seħħew fi gwerra bierda u jkollna ngħidu li ma kinux dawn biss. Ir-Rwanda, Il-Bosnija, il-Kongo, is-Somalja huma ftit fost il-pajjiżi li għaddew minn esperjenza kerha ta’ ġenoċidju.

Donnha d-dinja tinsa dak li tkun għaddiet minnu, anzi jkolli ngħid tinsa malajr wisq jew ma tkunx trid tiftakar. Biss biss is-seklu li għadda kien dominat minn żewġ gwerer dinjin, li kull ma kien hemm bejn tmiem l-ewwel waħda u l-bidu tat-tieni kienu madwar għoxrin sena. F’għoxrin sena kien hemm suldati li kienu ssieltu fil-gwerra l-kbira u reġgħu sabu ruħom fuq il-front tal-gwerra. F’għoxrin sena dik li tilfet lil żewġha fit-taqbid kienet għadha tieħu ħsieb uliedha żgħażagħ.  Wara għoxrin sena, dak it-tifel li l-aħħar darba li ra lil missieru kien meta kien sejjer għall-gwerra, liebes ta’ suldat, bla ma reġa’ qatt rah, għadu jħoss it-tgħannieqa li tah. U donnu l-bniedem ma jitgħallem qatt, jinsa jew ma jkunx irid jiftakar.

Fuq livell iżgħar

Hawn fuq semmejt xi każijiet fuq livell globali, fatti li smajna bihom fuq l-aħbarijiet, qrajna dwarhom fil-gazzetti u tkellimna fuqhom min jaf kemm-il darba. Biss il-bniedem għandu tendenza jinsa anke fuq livell personali. Bniedem li daħaq bik darba għandek terġa’ tafdah? Min jidħaq bik darba jista’ jidħaq bik darbtejn jew tlieta jew erba’ darbiet? Allura għandna nafdaw? Jekk ninsew dak li għaddejna minnu għandna mnejn inbatu l-konsegwenzi. Allura ma għandniex naħfru? Ġieli nisimgħu min jgħid: Naħfer iva, imma ninsa qatt! Il-bniedem ma jistax jinsa dak li jkun għadda minnu. Moħħ il-bniedem mhux hard disk ta’ kompjuter li tista’ tibdilha u titfa’ dak li trid fiha u tħalli barra dak li ma tridx. Il-bniedem sakemm il-fakultà tal-memorja tiegħu tkun għada taħdem sewwa ma jistax jinsa, imma jista’ jaljina rasu, jista’ ma jkunx tgħallem mill-imgħoddi u għalhekk ikollu jerġa’ jgħaddi mill-istess storja li jkun għadda minnha qabel.


Il-ħajja hija l-aqwa u l-akbar għalliema. Ħasra li ġieli ma nitgħallmux minnha, ħasra li dak li tgħaddina minnu din il-ħajja ġieli joħroġ minn moħħna. Kull esperjenza tal-ħajja għandna nitgħallmu minnha biex il quddiem meta nerġgħu nsibu rwieħna fl-istess qagħda nkunu nafu x’għandna nagħmlu, inkunu lesti nagħżlu t-triq li ma twassalniex għad-disfatta, għall-uġigħ, għat-telfa imma nagħżlu triq differenti. Fuq kollox ma għandna nisew qatt kliem George Santayana: Dak li ma jiftakarx l-imgħoddi huwa kkunddannat li jerġa’ jgħaddi minnu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Settembru 2021




sabato 14 agosto 2021

Bħal-lum tmenin sena

 

L-14 ta’ Awwissu għal ħafna minna jista’ jkun jum bħal ħafna oħra u ma jfisser xejn għalina. Biss f’dan il-jum, sewwasew tmenin sena ilu, miet, jew ġie maqtul bniedem li ta’ min jgħid xi ħaġa fuqu. Qed nirreferi għal San Massimiljanu Kolbe.

Żmien il-gwerra

Iż-żmien li qed nitkellmu dwaru huwa żmien it-tieni gwerra dinjija. Żmien xejn sabiħ fl-istorja tal-umanità, biss imbagħad hemm waqtiet minn dan iż-żmien li huma aktar ta’ mistħija minn oħrajn, bħal ngħidu aħna t-twaqqif tal-Kampijiet ta’ Konċentrament.

Auschwitz - Kamp ta' Konċentrament
Illum, tant snin wara din il-paġna tal-istorja li tħammar wiċċ il-bniedem ċivilizzat, l-isem Auschwitz u ismijiet oħra marbutin mal-magna tal-mewt,  għadu jkexkixna, ibeżżagħna, ibikkimmna u jbikkina. F’dak il-post fejn miljuni ta’ bnedmin, il-parti l-kbira tagħhom Lhud, sabu it-tmiem tagħhom, ġew sterminati, meqruda, maqtula..... minħabba filosofija żbaljata, minħabba twemmin falz li kien inxtered fost il-mexxejja tal-poplu Ġermaniż – filosofija li tifred il-bniedem skont ir-razza! Filosofija li tgħallem il-qerq għax fostna l-bnedmin ma hemmx razez, aħna lkoll maħluqin xorta. Jeżistu iva varjazzjonijiet fil-lewn tal-ġilda tagħna, jeżistu differenzi fil-fiżjonomija ta’ bnedmin minn oħrajn, imma aħna lkoll membri tar-razza umana.

Il-qerda ta’ tant miljuni ta’ bnedmin Lhud kienet frott filosofija ħażina u żbaljata, biss daqstant ieħor hija żbaljata l-filosofija tal-gwerra, filosofija li matul is-seklu li għadda tatna għal darbtejn gwerer dinjin. Il-gwerra hija “Straġi Inutli.” Hekk sejħilha l-Papa Benedettu XV fl-ittra appostolika tiegħu lill-Popli antagonisti tal-ewwel gwerra dinjija, ittra li ħariġha nhar l-10 ta’ Awwissu, 1917. Straġi inutli li fiha kulħadd joħroġ tellief u fejn ħadd ma jirbaħ xejn. Hekk jiġri fi gwerra.

80 sena ilu

Illum jaħbat it-tmenin sena mill-mewt ta’ bniedem fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz. Nistħajjilkom tgħiduli li ma jiena qed ngħid xejn speċjali għax f’dak il-kamp kienu jmutu jew jinqatlu mijiet, jew eluf ta’ bnedmin kuljum. Imma llum huwa t-tmenin anniversarju mill-mewt ta’ Massimiljanu Marija Kolbe, il-patri Franġiskan Konventwali li ta ħajtu biex jinħeles bniedem ieħor.

Maximiljanu Marja Kolbe, imwieled Rajmund Kolbe fi Zduńska Wola, l-Polonja nhar it-8 ta’ Jannar, kien qassis Pollakk u Franġiskan li offra li jieħu post missier ta’ familja, destinat għall-bunker tal-ġuħ fil-kamp ta' konċentrament ta’ Auschwitz. Huwa ġie beatifikat fl-1971 mill-Papa Pawlu VI, li sejjaħlu "martri tal-imħabba" u mbagħad ipproklamat qaddis fl-1982 mill-Papa Ġwanni Pawlu II.

Patri Massimiljanu Kolbe OFM Conv.
Wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Massimiljanu Kolbe kien wieħed mill-ftit patrijiet li baqgħu fil-kunvent ta’ Niepokalanów, fejn twaqqaf sptar temporanju. Wara li l-belt inqabdet mill-Ġermaniżi, huwa ġie arrestat minnhom fid-19 ta' Settembru 1939 iżda meħlus fit-8 ta' Diċembru. Huwa rrifjuta li jiffirma d-Deutsche Volksliste, dokument li kien jagħtih drittijiet bħal dawk taċ-ċittadini Ġermaniżi. Mal-ħelsien tiegħu huwa kompla jaħdem fil-kunvent tiegħu, fejn hu u patrijiet oħra pprovdew kenn lir-refuġjati fosthom 2,000 Lhudi li ħeba fil-kunvent ta’ Niepokalanów mill-persekuzzjoni Ġermaniża.

Fit-28 ta’ Mejju, 1941, Kolbe wasal fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, fejn kien irreġistrat bin-numru 16670 u impjegat f’xogħlijiet tabilħaqq umiljanti bħalma huma t-trasport ta’ katavri. Huwa ġie msawwat diversi drabi, iżda ma qatax qalbu u baqa’ juri solidarjetà ma’ sħabu l-priġunieri. Minkejja li kien ipprojbit, Kolbe ċċelebra l-quddiesa b’mod sigriet tal-anqas darbtejn u kompla bl-impenn tiegħu bħala presbiteru.

Pittura ta' San Massimiljanu Kolbe li tinsab fil-
Kolleġġjata ta' San Ġorġ Ħal Qormi 
 Xogħol Manuel Farrugia
Ftit minn  ħajtu

Forsi l-aktar parti tal-ħajja tal-Qaddis Kolbe li aħna midħla tagħha hija din l-aħħar biċċa, imma biex huwa seta’ jgħix b’dak il-mod, kellu pedamenti sodi. Kolbe ma beniex id-dar tiegħu fuq ir-ramel u meta ġie l-maltemp waqqagħlu kollox, Kolbe bena daru fuq il-blat.

Kolbe kiber f’familja reliġjuża, li fiha sab sostenn u appoġġ għall-vokazzjoni tiegħu. Fiċ-ċentru tal-ispiritwalità tiegħu poġġa l-figura ta’ Marija Immakulata, li huwa kien jaraha bħala r-rabta bejn il-bniedem u Alla, u li lilha jista’ jafda ruħu bl-imħabba u l-fiduċja. Kien hu li waqqaf “Il-Milizja tal-Immakulata” għax kien jaf li bħalma l-Immakulata saħqet ras is-serp, kellha s-setgħa titlob lil Binha jeqred il-ħażen mill-ħajja tagħna. Kolbe mar ixandar lil Kristu fl-artijiet tal-missjoni. Huwa mar kemm il-Ġappun kif ukoll l-Indja sabiex iwassal l-Evanġelju ta’ Kristu lil dawk il-popli!



Wara mewtu

Kolbe ġie beatifikat fis-17 ta’ Ottubru tas-sena 1971 mill-Papa Pawlu VI u kkanonizzat fl-10 ta’ Ottubru 1982 mill-Papa Ġwanni Pawlu II, Pollakk bħalu. Fil-jum tal-kanonizzazzjoni tiegħu, il-Papa Wojtyła fl-omelija tiegħu ddefinieh bħala "martri qaddis, patrun speċjali għaż-żminijiet diffiċli tagħna, patrun tas-seklu diffiċli tagħna" u "martri tal-karità". Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm Franciszek Gajowniczek, ir-raġel li kien salva mill-mewt fil-kamp tal-konċentrament.

Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-memorja tiegħu dakinhar tal-mewt tiegħu, l-14 ta ’Awwissu.

Dan huwa dak li niċċelebraw illum, il-mewt ta’ bniedem kbir, sewwasew tmenin sena ilu!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 14 ta' Awwissu 2021




sabato 28 gennaio 2017

Wara Auchwitz

Auchwitz
Fis-27 ta’ Jannar tas-sena 1945 ġie meħlus minn idejn in-Nażisti l-aktar kamp ta’ konċentrament li baqa’ magħruf mad-dinja kollha, Auchwitz. Dan kien kamp ta’ xogħol mill-aktar inuman, żona ta’ qerda ta’ massiet ta’ nies. Kien fabbrika tal-mewt. Kien wieħed mill-istrumenti fil-politika ta’ Adolf Hitler biex iħassar darba għal dejjem il-ġens Lhudi minn wiċċ id-dinja. Wara l-fildiferru jxewwek ta’ dan il-kamp, ħallew ħajjithom madwar sitt miljun Lhudi. Id-dinja damet ma ndunat x’ kien qed jiġri mhux bogħod wisq mill-belt Pollakka ta’ Krakovja. Meta ndunat ħalfet li atti bħal dawn ma jsirux aktar mill-bnedmin! Imma kemm tassew Auschwitz għalaq kapitlu ikraħ fl-istorja tal-umanità?

Gwerer kbar
Gwerra tal-Vjetnam
It-tieni gwerra dinjija kienet ta’ mera għad-dinja kollha. Issa kien spiċċa ż-żmien tal-gwerer minn fuq dahar iż-żiemel, issa l-armamenti kienu ħafna u kapaċi jeqirdu ħafna wkoll. Madanakollu xorta d-dinja ma sabitx paċi wara nofs is-snin erbgħin tas-seklu li għadda. Ħalli naraw biss ftit mill-gwerer il-kbar li seħħew wara t-tieni gwerra dinjija. Fl-1950 bdiet il-gwerra fil-Korea, gwerra li baqgħet sejra għal tliet snin, li qatlet madwar miljun u nofs ruħ. Sentejn wara rajna l-bidu tal-gwerra tal-Vjetnam, gwerra li tawlet għoxrin sena, gwerra li kissret pajjiż u ħalliet ukoll miljuni bla ħajja. Matul dan iż-żmien seħħet il-gwerra ċivili ġewwa n-Niġerja, gwerra oħra li ġabet it-tmiem ta’ miljuni oħra ta’ nies. Niftakruha l-gwerra tal-Afganistan, għaxar snin ta’ taqbid, bejn l-1979 u l-1989 li wkoll ħalliet vittmi bla għadd. Il-gwerra tal-Golf, bejn l-Iran u l-Iraq seħħet bejn l-1980 u l-1988 filwaqt li fis-sena ta’ tmiem din il-gwerra bdiet dik tal-Kongo li spiċċat fl-2003. Dawn ukoll temmew il-ħajja ta’ miljuni ta’ suldati u ċittadini.  

Dawn huma biss sitt gwerer, sitta minn lista twila ta’ gwerer li seħħew wara tieni gwerra dinjija. Imma stenna ftit! Il-bniedem wara Auchwitz ma qalx DAQSHEKK? Imma kif qed naraw ma kien daqshekk xejn għax il-massakri baqgħu sejrin, mhux fil-kampijiet ta’ konċentrament imma fil-beraħ, sfaċċatament, madwar id-dinja kollha. Ma’ dawn ma semmejtx il-gwerra li għaddejja fis-Sirja.
Allura minn Auchwitz ma tgħallimna xejn?

 F’ barrakka ta’ Auschwitz
Fid-daħla ta’ waħda mill-barrakki li hemm ġewwa l-kamp ta’ konċentrament ta’ Auscwitz hemm tabella bil-kliem li fi lsienna jfisser hekk: Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kkundannati li jeġgħu jgħixuh. Frażi mimlija għerf li ħarġet mill-pinna tal-filosfu George Santayana. Din it-tabella qed tistieden lil min iżur dan il-post tal-waħx, biex ma jħallix lid-dinja tinsa dak li seħħ hemmhekk, imma tibqa’ tiftakar għaliex jekk le l-istorja tirrepeti ruħha.

Kemm fis-sewwa kollu, id-dinja ftakret l-imgħoddi? Din hija mistoqsija retorika li ma titlob l-ebda tweġiba għaliex l-istorja twieġeb għaliha.

Illum
Il-liġijiet razzisti kontra l-Lhud tas-snin tletin li ħolqu n-Nażisti fil-Ġermanja u aktar tard ikkuppjawhom il-Faxxisti Taljani, aktarx kienu frott ta’ patriottiżmu sfrenat. Il-Lhud kienu ilhom jgħixu fil-Ġermanja u fl-Italja, bħalma kienu jgħixu fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Iżda minkejja li kienu ċittadini Ġermaniżi jew Taljani jew Pollaki jew Ungeriżi jew kienu x’ kienu, xorta baqgħu Lhud. Is-sens ta’ nazzjonaliżmu fihom eskludihom mill-kumplament tad-dinja. Baqgħu jgħixu daqslikieku qegħdin Ġerusalemm minkejja li kienu Berlin, Varsavja, Budapest jew Milan. Baqgħu jiżżewġu lil xulxin u jgħixu ħdejn xulxin, bieb ma’ bieb, b’ mod li ħolqu komunitajiet għalihom, minkejja li kienu ċittadini tal-pajjiż daqs l-oħrajn, kienu jħallsu t-taxxi bħall-oħrajn, iżda baqgħu ma integrawx u għalhekk x’ ħin iltaqgħu żewġ kurrenti opposti splodew, iżda minn kien l-iżgħar kien l-aktar li bata.
Din ir-realtà qed nerġgħu narawha llum madwarna. Inbiddlu l-atturi, inbiddlu l-kostumi u nbidel l-irtokk, imma t-trama tad-dramm hija identika, anzi hija l-istess waħda. Żewġ kurrenti li qed jonfħu kontra xulxin.

Irridu inkunu saqajna mal-art! Irridu nirraġunaw. Ħalli nġib eżempju banali! Tipretendi li tistedinni l-President ta’ Malta biex immur niekol magħha u jien immur bil-flipflop? U waqt l-ikel tistenna li noħroġ il-mus mill-but u naqta’ l-laħam ta’ ġol-platt bih għax jaqta’ iktar mis-sikkina li hemm fuq il-mejda? Jekk id-dar noqgħod bil-flipflop u l-laħam naqtgħu bil-mus, ma jfissirx li dan huwa l-mod li għandi nġib ruħi bih meta ma nkunx id-dar. Irrid inġib ruħi skont il-post li qiegħed fih. Ladarba ma nkunx f’ dari rrid naddatta ruħi jien mhux ħaddieħor jadatta ruħu għalija.

Auchwitz mill-ġdid
Kull sena niftakru f’ dawk maqtulin f’ Auschwitz, u hekk xieraq, biss wara Auscwitz seħħew stejjer kbar anke ta’ ġenoċidji oħrajn. Wara t-tmiem ta’ Auscwitz seħħew atroċitajiet kbar fid-dinja li meta ngħalaq il-bieb ta’ dan il-kamp ta’ konċentrament il-bniedem kien qal daqshek, qatt aktar ma jseħħu, biss ġie fi kliem George Santayana, ma damx ma nesa l-imgħoddi u ġie kkundanant jerġa’ jgħixu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 28 ta' Jannar 2017



venerdì 30 gennaio 2015

Jum it-tifkira

Biex ma ninsew qatt dak li seħħ

Kull nhar is-27 ta’ Jannar infakkru dak li seħħ fil-kampijiet ta’ konċentrament matul it-tieni gwerra dinjija. Forsi nistaqdu jekk illum, li għaddew 70 sena minn dawn il-ġrajjiet, għadx hemm ħtieġa li nibqgħu nfakkru dan kollu? Jien ngħid li llum aktar minn qatt qabel jeħtieġ inkunu nafu x’ seħħ f’ dawk is-snin biex noqgħodu attenti li ma jerġgħux iseħħu dawk l-atti kriminali li ġraw. Bla ma rrid qed jiġi quddiem għajnejja dak li hemm miktub f’ waħda mill-barrakki fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz:  “The one who does not remember history is bound to live through it again...” Min ma jiftakarx dak li għadda minnu huwa ddestinat li jerġa’ jgħaddi minnu. Kliem mimli għerf. Ilum insibu bosta films u bosta u bosta kotba li jitrattaw stejjer ta’ nies li għexu f’ dawn il-kampijiet ta’ konċentrazzjoni. Biex nifhmu dak li għaddew minnu dawk l-imsejkna irridu naqraw dawn il-kotba u naraw dawk il-films.

Lejl
Wieħed minn dawk li għadda snin ġewwa Auschwitz kien Elie Wiesel. Fil-ktieb tiegħu La Nuit, bil-Malti il-Lejl, huwa jagħti ħarsa ddettaljata ta’ x’ għaddew minnu dawk l-imsejkna bħalu li spiċċaw f’ xi kamp ta’ konċentrament. Araw kif jispega l-wasal tiegħu fil-kamp ta’ konċentrament:


L-oġġetti għeżież li ġarrejna magħna ħallejniehom fil-karru, u magħhom ħallejna it-tamiet kollha tagħna.
Kull żewġ metri kien hemm suldat tal-S.S., bl-azzarin ippuntat lejna. Hemm id f’ id imxejna wara l-folla.
Wasal uffiċċjal tal-S.S. bil-lembuba f’ idu. Ordnalna:
‘L-irġiel fuq ix-xellug u n-nisa fuq il-lemin!’
Erba’ kelmiet indifferenti, bla ebda emozzjoni. Erba’ kelmiet qosra u sempliċi. Imma kien il-waqt li ħallejt lil ommi. Lanqas biss kelli l-ħin naħseb li ma ħassjetx id missieri fuq spallti; bqajna waħedna. Għal sekonda stajt nara lil ommi, lil ħuti sejrin lejn il-lemin. Zipporà żammet id ommi. Rajthom jitbiegħdu, ommi tmelles ix-xagħar isfar ta’ oħti, donna biex tipproteġiha, u jien miexi ma’ missieri, mal-irġiel. U ma kontx naf li dak il-ħin, f’ dak il-post, kont qiegħed nitlaq lil ommi u lil Zipporà għal dejjem. Komplejna nimxu. Missieri żammli idi. Warajja wieħed xiħ waqa’ fl-art. Ħdejh l-S.S. poġġa l-pistola f’ postha.

Waħda mill-aktar siltiet iebsin f’ dan il-ktieb insibuha fir-raba kapitlu fejn inqatel tifel:

Jum minnhom mar id-dawl fiċ-ċentru ta’ Buna. Għajtu fuq il-post lill-Gestapo għax ħasbu li kien sabutaġġ. Sabu ħjiel ta’ xi ħaġa. Marru fil-blokk tal-Oberkapo Olandiż. U hemm wara t-tfittix sabu ftit armi mhux ħażin.
L-Oberkapo kien arrestat dak il-ħin. Kien ittorturat biex jikxef imma ma lissen l-ebda isem. Bagħtuh Auschwitz u ma smajna xejn aktar dwaru.
Imma ċ-ċkejken Pipel tiegħu baqa’ fil-kamp, fil-ħabs. Ittorturawh imma lanqas hu ma semma lil ħadd. Allura l-S.S. ikkundannawh għall-mewt flimkien ma’ żewġ  priġunieri oħra li kienu sabulhom xi armi.
Jum minnhom meta ġejna lura mix-xogħol rajna tliet forok imwaqqfin fil-misraħ tar-rassenja: tliet ċawliet suwed. Rassenja. L-S.S. madwarna bl-azzarini ppuntati lejna. Iċ-ċerimonja tas-soltu. Tliet kundannati fil-ktajjen, u wieħed minnhom iċ-ċkejken Pipel, l-anġlu ta’ għajnejh imnikka.


L-S.S. dehru aktar imħassbin u mtaqqlin mis-soltu. Li tgħallaq tfajjel quddiem eluf ta’ nies mhix ċajta. Il-kap tal-kamp qara il-verdett. Għajnejn kulħadd kienu fuq it-tfajjel. Kien jidher kaħlani, kważi kalm, u beda jigdem xufftejh. Id-dell tal-forka kien fuqhom.
Il-Lagerkapo din id-darba ma riedx li jkun il-bojja. Tliet suldati tal-S.S. ħadu postu.
It-tliet ikkundannati telgħu flimkien fuq il-banketti tagħhom. It-tliet għonuq ġew imlibbsa flimkien l-għoqiedi.
‘Viva l-ħelsien’  għajtu t-tnejn il-kbar.
Iż-żgħir, sieket.
‘Fejn hu Alla t-twajjeb? Fejn hu?’ staqsa xi ħadd minn warajja.
Mas-sinjal tal-kap tal-kamp, it-tliet banketti ġew imneħħija.
Skiet assolut. Fuq l-orizzont dehret ix-xemx nieżla.

Nisa
Sa ftit snin ilu l-kitbiet kollha li kellna dwar l-oppressjoni tal-Lhud fil-pajjiżi b’liġijiet antisemitiċi u dwar dak li ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu kollha ta’ irġiel. Forsi din il-ħaġa kienet frott tal-mentalità sessista li għandu l-poplu Lhudi u li kellha d-dinja kollha sa ftit snin ilu. Sa ftit ilu forsi ftit li xejn konna naħsbu dwar dak li għaddew in-nisa Lhud fi żmien l-oppressjoni u aktar u aktar fil-kampijiet ta’ konċentrament. Araw xà kitbet Lucille Eichengreen fil-ktieb tagħha From Ashes to Life: My Memories of the Holocaust:

In-nisa fl-Ewropa, fis-snin tletin u anke wara, kienu ċittadini tat-tieni klassi. Kienu jaħdmu bħala infermiera, segretarji, għalliema, nisa tad-dar, imma qatt ħadd ma kien jaħseb li jara mara tmexxi uffiċċju jew fabbrika jew li tkun kap ta’ ġemgħa ħaddiema.
Madanakollu fil-getto ta’ Lodz, bejn l-1940 u l-1944, ħin bla waqt  inbidel kollox ta’ taħt fuq. Għall-ewwel darba, daqs li kieku xejn, in-nisa sabu rwieħhom mexxejja ta’ fabbriki, uffiċċji, kċejjen u ta’ kull qasam ieħor fil-ħajja tal-getto. Kienu nisa kapaċi, intelliġenti, ħabrieka u ambizjużi. Riedu jibqgħu ħajjin. Riedu li tal-anqas ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq parti minn ħajjithom, f’kondizzjonijiet li kienu ’l bogħod ħafna minn dawk normali. U rnexxielhom. Saħansitra l-irġiel, b’attenzjoni u kontra qalbhom, ikollhom jammettu li dawk in-nisa li jilħqu f’xi post ta’ tmexxija, jispiċċaw biex imexxu b’ mod aktar effiċjenti, isiru esperti u jsiru kapaċi jaħdmu aħjar minnhom.
Eżatt bħall-irġiel, huma wkoll kienu jimxu bil-favoriżmi, imma lil dawk li kienu jipproteġu kienu aktarx dejjem irġiel u rari li dawn in-nisa kienu jgħinu jew iduru ma’ nisa oħrajn. Intbaħt meta kelli sittax-il sena, kont bdejt infittex xi xogħol f’ xi fabbrika. Xogħol ikun xi jkun. In-nisa lanqas biss kienu jaħlu l-ħin jisimgħu xi rrid. Id-diriġenti rġiel bil-kontra, dlonk kienu jkunu lesti li jħaddmuni magħhom. Il-mistoqsija waħdanija li kienu jagħmuli kienet: «X’lesta ttini bi tpattija?» Bla esperjenza u bla ħażen ta’ xejn, kont inwiegeb: «Ma għandix flus, ma għandix ġojjelli. Tassew ma għandi xejn ta’ valur.» Id-daħq li kienu jidħqu wara t-tweġiba tiegħi kienet tħallinni mħawda. Ma kontx nista’ nifhem. Kellha tgħaddi sena fil-getto sabiex tgħallimt kif jimxu l-affarijiet: jekk titlob pjaċir, trid tkun lesta tintelaq biex tagħmel is-sess. Sempliċi.
[...] Fost niesna, minn Rumkowski sa sid il-ħanut taż-żebgħa, is-sess issa kien meqjus bħala mezz ta’ tpartit. Imma mhux ilkoll kellhom xewqa li ‘jpartu’. Xi wħud minna preferew imutu bil-ġuħ.

Dan huwa biss ftit, imma biżżejjed biex nifhmu ftit x’ sar u biex darba f’ sena nieqfu u niftakru fil-vittmi waqt li nittmaaw li dan ma jerġa jiġri qatt u qatt.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artyiklu deher f' In-

Nazzjon, 31 ta' Jannar 2015




mercoledì 22 gennaio 2014

Il-Mara taħt in-Nażi.

Ħafna drabi nisimgħu jew naqraw esperjenzi ta’ rġiel lhud li sofrew bil-liġijiet razzjali maħruġin fis-snin tletin mir-regim Nażista fil-Ġermanja u minn dak Faxxista fl-Italja.[1] Sa ftit snin ilu il-kitbiet kollha li kellna dwar l-oppressjoni tal-Lhud fil-pajjiżi b’liġijiet antisemitiċi u dwar dak li ġara fil-kampijiet takonċentrament kienu kollha ta’ irġiel. Forsi din il-ħaġa kienet frott tal-mentalità sessista li għandu l-poplu Lhudi u li kellha d-dinja kollha sa ftit snin ilu. Sa ftit ilu forsi ftit li xejn kollna naħsbu dwar dak li għaddew in-nisa Lhud fi żmien l-oppressjoni u aktar u aktar fil-kampijiet takonċentrament. Sa ħamsin sena wara t-tmiem tal-gwerra konna għadna nimmaġinaw li l-irġiel Lhud kienu dawk li batew, dawk li mietu taħt in-Nażisti. Imma mhux hekk. Jekk  inżommu li nofs is-sitt miljun ruħ li mietu fl-olokawst kienu nisa, ma jistax jonqos li dawn batew ukoll.

Nitolbok,
agħmel xi ħaġa,
tgħallem il-passi ta’ żifna,
xi ħaġa li tiġġustifika l-eżistenza tiegħek,
xi ħaġa li tagħtik id-dritt
li tilbes ġildek u l-pil ta ġismek.
Tgħallem idħaq u imxi,
tgħallem għax mhux ħaġa sewwa
li bosta mietu
u inti tgħix
u ma tagħmel xejn b’ħajtek.

Din hija poeżija ta’ Charlotte Delbo, Lhudija li rnexxielha tgħix wara l-esperjenza xejn sabiħa ġewwa l-kamp ta’ Auschwitz. Għaddew bosta snin sakemm Delbo bdiet tippubblika il-memorji koroh tagħha. L-esperjenza qarsa tagħha riedet taqsamha mal-bnedmin l-oħra sabiex tħajjarhom jieħdu dak kollu li jistgħu minn  ħajjithom. Delbo rat eluf ta’ nisa Lhud, bħalha, li f’ Auschwitz ħallew ħajjithom u ma setgħux jiżfnu, jidħqu jew jimxu aktar.

Awtriċi Lhudija oħra li rnexxielha tibqa’ ħajja wara l-moħqrija tal-getto ta Lodz fil-Polonja u tal-kampijiet ta’   konċentrament ta’ Auschwitz, ta’ Neuengamme u ta’ Bergen-Belsen hija Lucille Iechengreen. Kellha tminn snin meta Hitler sar mexxej tal-Ġermanja. Hija kienet tgħix f’ Hamburg. Kellha għoxrin sena meta l-alleati ħelsu lilha u lil dawk li kienu għadhom ħajjin minn taħt idejn in-Nażisti. Iechengreen, xebba Landau, tiddeskrivi dawn it-tnax-il sena bħala snin ta’ orruri, ta’ privazzjoni, ta’ umiljazzjoni u ta’ ġuħ. Forsi ħadd daqsha ma jista’ jiddeskrivi dak li għaddew minnu n-nisa Lhud taħt is-suldati tal-S.S.. Imwielda minn  ġenituri Polakki, tgħid illi missierha, Beno, inqatel fl-1941 f’ Dachau filwaqt li ommha, Sala, mietet bil-ġuħ fil-getto ta’ Lotz fl-1942. Kellha oħtha iżgħar minnha, Karen li kienet mibgħuta f’ kamp takonċentrament fejn inqatlet fl-1942.
 
L-ewwel memorji ta’ Iechengreen kienu ppubblikati fl-1994 (kważi ħamsin sena wara t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija) fil-ktieb tagħha Ashes to Life.[2] Hija tirrakkonta l-attroċitajiet li saru man-nisa Lhud fil-getto ta’ Lotz fil-Ktieb tagħha Romkowski and the orphan of Lodz.[3] It-tielet ktieb tagħha jiddeskrivi tajjeb ħafna t-tbatija fil-getto ta’ Lods u aktar tard fil-kampijiet ta’ konċentrament li soffrew bosta nisa. Dan il-ktieb igib l-isem Haunted Memories. [4]

Meta l-Lhud bdew ikunu imġegħlin allu djarhom u jinġabru f’żona magħluqa għalihom, f’dak li jissejjaħ il-getto, il-ħajja tagħhom bdiet kull ma jmur tmur għall-agħar. Minkejja li kienu jkunu Lhud bejniethom, il-ħajja xejn ma kienet pjaċevoli. Fil-getto, il-Lhud kien ikollhom jgħixu fi djar żgħar u ġieli l-istess kamra kien ikollha tinqasam ma’ nies oħra.

[...] Ix-xemx kienet tiżreġ, it-toroq kienu dojoq, dojoq ħafna, mimlijin trab u l-ilma maħmuġ kien jiġri mal-ġnub tat-triqat. Kien il-bidu tal-ħarifa u s-sħana kienet qegħda tagħmel tagħha waqt li kienu qegħdin ikaxkruna lejn il-getto. (ta’ Lodz) Tlabna ftit ilma u ħallewna nieqfu ftit  f’ bitħa sakemm nixorbu. Ersaqna lejn il-vit tal-ilma u bdejna nixorbu direttament minn idejna magħmulin forma ta’ bieqja.[5]

Din hija x-xhieda ta’ Iechengreen ta’ meta hija flimkien ma’ ommha u oħtha kienu meħudin mis-suldati Nażisti fil-getto. Dan ma kienx il-bidu. F’ Ottubru tas-sena 1938 missierha kien arrestat u minn Hamburg kien deportat lejn il-Polonja. Mar lura lejn daru f’ Mejju tas-sena ta’ wara. Ma damx wisq igawdi l-familja għax f’ Settembru kien mibgħut f’ Dachau. Martu u ż-żewġ uliedu bniet spiċċaw waħedhom imma kellhom it-tama li għad jerġgħu jingħaqdu bħala familja. It-tama baqgħet fiergħa għax Beno miet fil-bidu tas-sena 1941 bla ma kellu x-xorti jerġa’ jara lil martu jew lil uliedu.

Il-ħajja fil-getto ta’ Lodz xejn ma kienet waħda faċli. L-awtriċi tgħid li kien hemm ċertu Chaim Rumkowski li jmexxi kollox fil-getto. Jekk kien jikteb isem xi ħadd fuq il-lista tad-deportati kien ifisser mewt garantita.Kien Lhudi huwa wkoll. In-Nażisti kienu poġġew lilu bħala mexxej tal-getto u ftit li xejn kienu jħabblu moħħhom x’kien jiġri. In-Nażisti qatt ma taw widen għall-kliem il-Lhud magħluqin fil-getto; miżmumin hemm ġew bil-forza tal-armi. « [...] kien spazju żgħir imdawwar minn fildiferru jxewwek, bi kmamar ċkejkna tal-għassiesa, miżbugħin ħomor u bojod, madwar il-getto: is-suldati Ġermaniżi jimxu dritti l quddiem u lura bl-azzarini wara daharhom, b’għajnehom miftuħin għal kull ċaqlieqa tagħna. »[6] «Malajr kbirt f’ dawk it-tliet snin.  Tgħallimt xi tfisser tbati. Sirt naf xi tfisser il-forza, il-ħbiberija, il-biża’ il-ġuħ. Il-Ġermaniżi kienu ħallewna f’din il-biċċa art minsija minn Alla sabiex iħalluna mmutu. Fil-getto ta’ Lodz konna naħdmu għalihom. Kienu jwegħduna l-ikel imma s-sehem tal-ikel li kienu jagħtuna kien kemm wieħed jgħix. Jum wara jum kienu jmutu bit-tifojder, bid-disenterija, u l-parti l-kbira minna, anke jekk tajjeb jew ħażin għadna ħajjin, konna nbatu l-ġuħ. »[7]

Ix-xhieda ta’ bosta vittmi li għexu fil-getto ta’ Lodz u li rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara l-olokawst turi kemm kien bniedem bla qalb dan Rumkowski. Qabel ma nħoloq il-getto ta’ Lodz, huwa kien direttur ta’ orfanatrofju. Jingħad li kien jabbuża b’mod regolari mit-tfal żgħar, subien u bniet. Kien Lhudi wkoll u għalhekk in-Nażisti poġġew lilu bħala kap tal-getto sabiex joħolqu aktar mibgħeda u firda bejn l-imsejkna kreaturi ta’ ġewwa l-getto. Forsi l-ktieb ta’ Iechengreen, Rumkowski and the Orphan of Lods, jiffoka fuq l-atti krudili ta’ din il-persuna, imma ma kienx hu biss li japprofitta ruħu min-nisa tal-getto. Kienu Lhud stess li japprofittaw minn ħuthom Lhud. Araw kemm spjegat sewwa din is-sitwazzjoni Iechegreen:

In-nisa fl-Ewropa, fis-snin tletin u anke wara, kienu ċittadini tat-tieni klassi. Kienu jaħdmu bħala infermiera, segretarji, għalliema, nisa tad-dar, imma qatt ħadd ma kien jaħseb li jara mara tmexxi uffiċċju jew fabbrika jew li tkun kap ta’ ġemgħa ħaddiema.
Madanakollu fil-getto ta’ Lodz, bejn l-1940 u l-1944, ħin bla waqt  inbidel kollox ta’ taħt fuq. Għall-ewwel darba, daqs li kieku xejn, in-nisa sabu rwieħhom mexxejja ta’ fabbriki, uffiċċji, kċejjen u ta’ kull qasam ieħor fil-ħajja tal-getto. Kienu nisa kapaċi, intelliġenti, ħabrieka u ambizjużi. Riedu jibqgħu ħajjin. Riedu li tal-anqas ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq parti minn ħajjithom, f’kondizzjonijiet li kienul bogħod ħafna minn dawk normali. U rnexxielhom. Saħansitra l-irġiel, b’attenzjoni u kontra qalbhom, ikollhom jammettu li dawk in-nisa li jilħqu f’xi post ta’ tmexxija, jispiċċaw biex imexxu b’ mod aktar effiċjenti, isiru esperti u jsiru kapaċi jaħdmu aħjar minnhom.
Eżatt bħall-irġiel, huma wkoll kienu jimxu bil-favoriżmi, imma lil dawk li kienu jipproteġu kienu aktarx dejjem irġiel u rari li dawn in-nisa kienu jgħinu jew iduru ma’ nisa oħrajn. Intbaħt meta kelli sittax-il sena, kont bdejt infittex xi xogħol f’ xi fabbrika. Xogħol ikun xi jkun. In-nisa lanqas biss kienu jaħlu l-ħin jisimgħu xi rrid. Id-diriġenti rġiel bil-kontra, dlonk kienu jkunu lesti li jħaddmuni magħhom. Il-mistoqsija waħdanija li kienu jagħmuli kienet: «X’lesta ttini bi tpattija?» Bla esperjenza u bla ħażen ta’ xejn, kont inwiegeb: «Ma għandix flus, ma għandix ġojjelli. Tassew ma għandi xejn ta’ valur.» Id-daħq li kienu jidħqu wara t-tweġiba tiegħi kienet tħallinni mħawda. Ma kontx nista’ nifhem. Kellha tgħaddi sena fil-getto sabiex tgħallimt kif jimxu l-affarijiet: jekk titlob pjaċir, trid tkun lesta tintelaq biex tagħmel is-sess. Sempliċi.
[...] Fost niesna, minn Rumkowski sa sid il-ħanut taż-żebgħa, is-sess issa kien meqjus bħala mezz ta’ tpartit. Imma mhux ilkoll kellhom xewqa li ‘jpartu’. Xi wħud minna preferew imutu bil-ġuħ. [8]

Bosta nisa Lhud li wara l-gwerra irnexxielhom isalvaw mill-ħruxija Nażista, jgħidu li baqgħu jħossu s-sens ta’ ħtija ġewwa fihom ta dak li għamlu. Imma għall-mara Lhudija tal-getto l-għażla kienet waħda: jew toffri ġisimha għall-użu ta’ dawk li jikkmandaw jew tmut bil-ġuħ u magħha jmutu wliedha.

Il-ħajja tan-nisa fil-getto kienet waħda miżera, imma meta titqabbel mal-ħajja fil kamp ta’ konċentrament wieħed jista’ jgħid li kienet ward u zahar. Araw kif tiddeskrivi Auschwitz l-awtriċi tal-ktieb Haunted Memories: «Auschwitz. L-aktar magħruf, l-aktar imsemmi fost il-kampijiet tal-qerda: kmamar tal-gass; fran krematorji; it-tabib Mengele u l-esperimenti mediċi diżumani tiegħu. Ma hemmx kliem li jfisser dak il-post. Tkellmu ħafna dwaru, inkiteb ħafna dwaru. Kien saħansitra ffilmat. Madanakollu l-ebda lsien ma jista’ jirrakkonta.....»[9]

Il-vjaggi mill-getti sal-kampijiet ta’ konċentrament kienu vjaggi tal-biża’. Il-Lhud kienu jitgħabbew fuq karrijiet tal-ferrovija li normalment kienu jġorru l-bhejjem. Elie Wiesel fil-ktieb tiegħu La Nuit jiddeskrivi b’ mod ħaj il-vjagg tiegħu u ta’ eluf ta’ Lhud oħra mill-getto ta’ Sighet fl-Ungerija sa Auschwitz:

L-għada filgħodu imxejna sal-istazzjon, fejn kien hemm jistennewna għadd ta’ karrijiet li jġorru l-annimali. Is-suldati Ungeriżi bdew itellgħuna tmenin tmenin f’ kull karru. Ħallewlna ftit ħobż u xi bramel bl-ilma. Raw li l-istaneg tat-twieqi kienu jagħlqu sew. Ingħalqu l-karrijiet. Fuq kull karru inħatar wieħed responsabbli, jekk xi ħadd jaħrab kien jinqatel hu.
Fuq il-bankina kien hemm żewġ uffiċċjali tal-Gestapo mexjin, kollhom tbissim: il-komplott kien miexi sewwa.
Tisfira twila ġriet fl-arja. Ir-roti bdew iduru. Bdejna mexjin.
Ma kienx possibbli li wieħed jintedd jew li noqgħodu lkoll bilqiegħda. Iddeċidejna li npoġġu bilqiegħda skont meta jkun imissna. Kien hemm ftit arja. Xortihom tajba dawk li nzertaw qrib xi tieqa: raw l-irħula mwarrda għaddejjin.
Wara jumejn vjaġġ l-għatx beda jkiddna. Is-sħana kienet kbira.
Ħielsa minn kull ċensura soċjali, iż-żgħażagħ tkaxxkru mill-istinti tagħhom u fid-dalma tal-lejl innamraw f’ nofsna, bla ma biss qagħdu jħabblu rashom minn ħadd, daqslikieku kienu waħedhom fid-dinja. L-oħrajn għamlu tabirruħom li ma raw xejn.
Kien fadal ftit ikel, imma ħadd ma kiel sakemm xeba’. Dan kien il-prinċipju tagħna, erfa’ għal għada. Għada jista’ jkun agħar.
Il-ferrovija waqfet Kashau, belt żgħira fil-fruntiera taċ-Ċekoslovakkja. Allura fhimna li ma konniex għadna l-Ungerija. Ftaħna għajnejna imma issa tard wisq.
Infetħet il-bieba tal-karru. Deher quddiemna uffiċċjal Ġermaniż ma’ suldat Ungeriż li beda jittraduċi dak li kien qiegħed jgħid.
‘Minn issa sejrin tgħaddu taħt l-awtorità tal-armata Ġermaniża. Min fadallu deheb, flus, arloġġi irid jgħaddihom f’ idejna issa. Min jinqabad b’ dawn l-oġġetti wara jiġi maqtul fil-post. Min ikun iħossu mhux f’ siktu jittieħed fil-vaġun-sptar. Dak kollox.’
Is-suldat Ungeriż għadda minn nofsna b’ ċistun sabiex jiġbor l-aħħar ġid ta’ dawk li ma riedux jisimgħu aktar bit-togħma morra tat-terrur.
‘Qegħdin tmenin f’ kull karru’ qal l-uffiċċjal Ġermaiż. ‘Jekk jonqos xi ħadd, tmutu lkoll, bħal klieb...’
Telqu. Il-bibien ingħalqu mill-ġdid. Dħalna f’ nassa. Id-dinja kolla spiċċat fuq dan il-karru magħluq.[10]

Wiesel, dak iż-żmien tfajjal ta’ ħmistax-il sena, jiddeskrivi fuq fuq il-wasla f’ Auschwitz:
 
L-oġġetti għeżież li ġarrejna magħna ħallejniehom fil-karru, u magħhom ħallejna it-tamiet kollha tagħna.
Kull żewġ metri kien hemm suldat tal-S.S., bl-azzarin ippuntat lejna. Hemm id f’ id imxejna wara l-folla.
Wasal uffiċċjal tal-S.S. bil-lembuba f’ idu. Ordnalna:
‘L-irġiel fuq ix-xellug u n-nisa fuq il-lemin!’
Erba’ kelmiet indifferenti, bla ebda emozzjoni. Erba’ kelmiet qosra u sempliċi. Imma kien il-waqt li ħallejt lil ommi. Lanqas biss kelli l-ħin naħseb li ma ħassjetx id missieri fuq spallti; bqajna waħedna. Għal sekonda stajt nara lil ommi, lil ħuti sejrin lejn il-lemin. Zipporà żammet id ommi. Rajthom jitbiegħdu, ommi tmelles ix-xagħar isfar ta’ oħti, donna biex tipproteġiha, u jien miexi ma’ missieri, mal-irġiel. U ma kontx naf li dak il-ħin, f’ dak il-post, kont qiegħed nitlaq lil ommi u lil Zipporà għal dejjem. Komplejna nimxu. Missieri żammli idi.[11]

Kif il-priġunieri kienu jaslu fil-kamp ta’ konċentrament kienu jitneżżgħu minn ħwejjiġhom u jekk ikun fadal min għandu xi ħaġa ta’ valur kienet tittieħidlu. Imbagħad kienu jintgħażlu; min jiflaħ jaħdem kien jintbagħat fil-kamp u min ma jiflaħx kien jispiċċa fil-kamra tal-gass. Il-Ġermaniżi ma kienux sejrin iħallu nies mhux tajba għax-xogħol jieklu ta’ xejn. Anke n-naqra ilma b’ biċċtejn ġidra fiha, li kienet tissejjaħ soppa, kienet biss għal min jiflaħ jaħdem. Wara l-eżami mediku kienu jinħaslu u jitqaxxrilhom xagħarhom. Dan ir-ritwal kien isir ma’ kull min kien jasal f’kamp ta’ konċentrament u ma kienx hemm distinzjoni bejn irġiel u nisa. Forsi it-tqaxxir tax-xagħar tal-irġiel kien ħaġa aċċettata imma fuq in-nisa kienet ukoll sinjal ta’ umiljazzjoni. Xi nisa kienu jakkwistaw privileġġ li xagħarhom ma jitqaxxarx sal-qurriegħa bħal ta’ nisa oħra imma kien jinqatalhom sa nofs għonqhom. Ovvjament dan il-pjaċir kien jitħallas bi pjaċiri oħrajn. Araw kif jiddeskrivi lill-bniedem ġewwa kamp ta' konċentrament Primo Levi, awtur Lhudi ieħor li bħal Wiesel huwa meqjus bħala klassiku fil-letteratura tax-Shoa, fil-ftuħ tal-ktieb tiegħu: Se questo è un uomo.[12]

Intom li tgħixu mkennija
Ġewwa djarkom imsaħħnin.
Intom li x’ħin terġgħu lura filgħaxija ssibu
Ikel sħun u wċuħ maħbuba:
Aħseb ftit jekk dan huwiex raġel
Li jaħdem fit-tajn
Li ma jafx bi sliem
Li jissielet għal-loqma ħobz
Li jmut minħabba Iva jew Le.
Aħseb ftit jekk din hijiex mara,
Bla xagħar u bla isem
Mingħajr saħħa li tiftakar.
Vojta għajnejha u biered il-ġuf
Donnha żrinġ fix-xitwa.
Aħseb sew fuq dak li ġara:
Qiegħed ngħidilkom dan il-kliem.
Onqxuh f’ qalbkom
Id-dar, fit-triq,
X’ħin torqod, x’ħin tqum;
Tennieh lill-uliedek
Għax jekk tispiċċa darek,
Jew ’k iżommok il-mard
Uliedek għad idawru wiċċhom minnek.

Lucille Iechengreen fid-deskrizzjoni tagħha ta’ Auschwitz semmiet lit-tabib Mengele, magħruf bħala l-anglu tal-mewt. Huwa kien jagħmel esperimenti diżumani fuq nisa tqal, tewmin, inkapaċitati. Hu biss kien jiddeċiedi min kellu jgħix u min kellu jintbagħat fil-kamra tal-gass.  «F’ Auschwitz  l-akbar żball li mara setgħet tagħmel kien li tinqabad tqila. Jien (it-tabiba Gisa) kont nagħmel parti minn grupp ta’ ħames tobba u erba’ infermiera. Kemm sogħob  bija li mort ngħid x’kienet il-professjoni tiegħi! [...] Dak il-monstru kien jordnali niktiblu min kienu n-nisa li kienu ħarġu tqal. L-għan waħdieni tiegħu kien li jużahom għall-esperimenti mediċi tiegħu, u fl-aħħar jispiċċaw maqtulin kemm l-omm kif ukoll it-tarbija.»[13]

L-awtriċi tkompli tgħidlina li darba waħda ġriet il-kelma li tfajla fil-kamp ta’ Auschwitz ħarget tqila aktarx minn suldat tal-S.S. It-tabiba Gisa wettqitilha abort sabiex tevita li kemm hi kif ukoll it-tarbija jispiċċaw taħt idejn it-tabib Mengele u wara it-tnejn mejtin. L-operazzjoni kienet riskjuża minn kull naħa. Kieku kellha tinqabad it-tabiba twettaq abort kienet tiġi fi nkwiet kbir, u l-akbar inkwiet kien jitħallas bil-mewt. Min-naħa l-oħra l-operazzjoni klandestina kienet issir f’ xi post xejn nadif, fejn la kien ikun hemm tajjar la garez u lanqas faxex. Mara li kienet tgħaddi minn abort bħal dan kienet titniżżel li għandha bornkite sabiex tagħmel jumejn fis-sodda, imma mat-tielet jum kienet terġa lura lejn xogħolha. Aborti bħal dan saru ħafna. Mara tqila f’ Auschwitz kienet taf x’ kien it-tmiem tagħha u tat-tarbija tagħha.
 
In-nisa fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu wkoll imġiegħlin jaħdmu manwalment, ħafna drabi xogħol iebes. Mhux biss kienu jieħdu ħsieb inaddfu l-kwarteri tagħhom u tas-suldati, imma Iechengreen tgħidilna wkoll li bosta drabi wara xi ħbit mill-ajru mill-qawwiet tal-aleati, kienu jittieħdu fil-post fejn ikun ġarrab l-attakk sabiex ineħħu min-nofs il-ġebel u t-terrapien li jkunu waqgħu. Dan ix-xogħol kien isir kollu bl-idejn u mingħajr għodda kif ukoll mingħajr ilbies adattat. Tkompli tid l-awtriċi li ġieli wettqu xogħol bħal dan waqt li kien nieżel is-silġ, u ovvjament bl-istess ċraret li kienu jilbsu fil-kamp ta’ konċentrament.

Ma nistgħux nitkellmu dwar nisa fil-kampijiet ta’ konċentrament u ma nsemmux mara li saret magħrufa fil-Knisja Kattolika bħala martri tal-mibgħeda razzista. Qegħdin nirreferu għal Santa Tereża Benedetta tas-Salib, aktar magħrufa bl-isem propju tagħha, Edith Stein. Imwielda f’ familja Lhudija fit 12 ta’ Ottubru, 1891, ġewwa Breslavia, dak iż-żmien parti mill-Ġermanja, illum il-Polonja, studjat taħt il-filosofu magħruf Edmund Hussler. Fl-1916 kisbet dottorat fil-filosofija. Kienet tammira bil-kbir il-ġenjalità ta’Heidegger u spiss kienet titkellem dwar il-filosofija tiegħu u meta ħasset li kellha tikritika l-ideat tiegħu ma ddejqitx tagħmel dan. Bdiet tistudja sewwa lil San Tumas ta’ Akwinu u dan kien pass deċiżiv sabiex tħalli l-fidi Lhudija u tħaddan dik Nisranija. Tgħammdet f’ Jannar tal-1922. Ħdax-il sena wara daħlet soru Karmelitana. Fl-1936 kienet lestiet il-kitba filosofika tagħha, Essere finit u Essere etern, imma l-ebda dar tal-pubblikazzjoni ma riedet tippubblika xogħol waħda Lhudija. Li dan ix-xogħol ikun ippubblikat b’isem falz kienet ħaġa inaċċettabbli. Fl-1938 is-sitwazzjoni fil-Ġermanja kienet gravat ħafna u lanqas il-ħitan għolja tal-monasteru Karmelitan ma kienu qegħdin joffru kenn biżżejjed għall-imsejkna soru ta’ nisel Lhudi. Intbgħatet f’ monasteru ġewwa Echt l-Olanda sabiex taħrab mill-persekuzzjoni Nażista. F’ Lulju tal-1942 l-isqfijiet Olandiżi ħarġu stqarrija kontra l-persekuzzjoni tal-Lhud. Ir-risposta għal dan id-dokument min-naħa tal-gvern ta’ Hitler kienet id-deportazzjoni tal-Insara Olandiżi ta’ nisel Lhudi. Ma’ dawn kien hemm Stein! Telqet flimkien ma’ bosta Lhud oħra minn Echt nhar is-7 ta’ Awwissu. Waslu Auschwitz jumejn wara. Mal-wasla tagħhom, Stein flimkien mal-parti l-kbira tan-nisa li keinu għadhom kif waslu hemm ittieħdu fil-kamra tal-gass. Kien id-9 ta’ Awwissu, 1942. Is-soru kellha ħamsin sena. Fil-11 ta’ Ottubru, 1998, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjaraha qaddisa, martri tal-fidi u sena wara kienet iddikjarata ko-patruna tal-Ewropa flimkien ma’ Santa Katarina ta’ Siena u Santa Brigida tal-Isvezja. [14]

Miljuni ta’ nisa Lhud għaddew minn dawn it-tbatijiet. Statistika uffiċċjali ma għandniex għax l-iskop ewlieni tan-Nażisti mmexxijin minn Adolf Hitler kien li jeqred il-ġens Lhudi minn wiċċ id-dinja u mhux li jżomm statistika ta’ kemm naqqas minnhom. Imma jekk nofs dawk li nqatlu fl-olokawst kienu nisa allura n-numru jitla għal madwar tliet miljuni jew fuqhom. Ftit kienu dawk li ħelsuha, u llum xi wħud minnhom qegħdin jiktbu dak li għaddew minnu sabiex id-dinja tkun taf kemm soffrew in-nisa fil-kampijiet tal-qerda. Angela Bianchini, Marina Jarre, Giacoma Limentani, Lia Levi, Edith Bruck, Liana Millu, Lidia Beccarla Rolfi huma nisa Lhud kittieba tal-esperjenzi tagħhom fil-kampijiet ta’ konċentrament.[15] Kitbu jew qegħdin jiktbu llum sabiex jagħtu xhieda tat-tbatija li għaddew minnha ħtija ta’ filosofija żbaljata, ħtija ta’ ideoloġija ta’ qerda. Kitbu jew qegħdin jiktbu llum għax għada jkun tard wisq. Kitbu jew qegħdin jiktbu huma għax huma kienu hemm. Kienu huma li daqu l-imrar tal-mibgħeda razzista, kienu huma li raqdu u qamu mal-mewt. Kitbu jew qegħdin jiktbu llum għax għada d-dinja ma temminx.



[1] […] nel 1933, la legislazione nazista negò ai “non ariani” (ebrei in prima linea) il pieno godimento dei diritti politici, l’ammissione ai pubblici uffici, il diritto di unirsi in matrimonio con i tedeschi “ariani” e così via. Anche nell’Italia fascista, a partire dal 1938, vennero introdotti discriminazioni antisemitiche: allontanamento dall’insegnamento e dagli uffici pubblici degli ebrei italiani, espulsione degli ebrei stranieri, ecc. A. Boroli, <RAZZISMO>, in Universo, De Agostini S-p.A., Novara, 1966, vol X, p 290.
[2] Ippubblikat l-ewwel darba minn Mercury House Publications ġewwa San Francisco, California.
[3] Ippubblikat l-ewwel darba minn Mercury House Publications ġewwa San Francisco, California fis-sena 2000.
[4] Ippubblikat minn ‘Publishing Works Inc.’ ġewwa Exeter fl-2011.
[5]    Iechengreen L., Le donne e l'Olocausto - Ricordi dall'inferno die lager, Trad. Buonanno E., Marsilio Editori, Venezia, 2012, p. 53.
[6]   Idem., p. 53.
[7]    Idem., p.55.
[8]    Ibid., pp. 21-22.
[9]    Ibid., p. 85.
[10] Wiesel E., Il-Lejl, trad. Muscat R., Pubblikazzjonijiet Dumnikani, 2012, pp 23-26
[11] Ibid., p. 31.
[12] Ippubblikat l-ewwel darba f’ Turin fl-1947 mid-dar tal-pubblikazzjonijiet De Silva.
[13]    Iechengreen L. Op cit. pp 97-98.
[14] http://www.filosofico.net/edithstein.htm
[15] SERKOWSKA, H. La Shoah ha un genere? Il caso di alcune scrittrici ebree di lingua Italian, Utrecht Publishing & Archiving Services, 2007. P. 201216.

Fr. Reno Muscat OP


Dan l-Artiklu deher fil-perjodiku Knisja 2000, Pubblikazzjoni Dumnikana numru 101