Visualizzazione post con etichetta Ħaż-Żebbuġ. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Ħaż-Żebbuġ. Mostra tutti i post

venerdì 1 settembre 2023

Żgħażagħ u żgħażagħ

 

Kemm-il darba aħna l-adulti naqbdu xi argument dwar il-ġenerazzjoni ta’ warajna jew aħjar dwar iż-żgħażagħ tal-lum. Tabilħaqq li dan kulħadd żmienu jara l-isbaħ, imma wisq nibża’ li meta aħna nitkellmu dwar iż-żgħażagħ tal-lum għandna t-tendenza li naraw biss l-ikrah, li niġġeneralizzaw u li npoġġu lil kulħadd f’keffa waħda. Imbagħad taqra xi aħbar, tisma’ xi storja, tara xi fatt dwar din il-faxxa ta’ nies u bla ma trid tinduna li tkun żbaljat fil-ġudizzju tiegħek. Ikollna nammettu li mhux kollox ħażin fiż-żgħażagħ tad-dinja tal-lum. Hemm differenza kbira bejnhom u bejnna u dan narawh b’għajnejna u mmissuh b’idejna imma hemm ukoll ir-realtà li d-dinja tagħhom hija d-dinja li għaddejna minnha aħna wkoll. Jekk jiżbaljaw ikollna nammettu li aħna wkoll xi darba jew oħra żbaljajna.

Ħajja differenti

L-opportunitajiet li għandhom illum iż-żgħażagħ huma ħafna akbar minn dawk li kellna aħna. Ħa nieħdu l-eżempju tal-istudju. Min minna kien imur jistudja barra minn Malta kien jagħmel dan bi spejjeż tal-familja tiegħu. Illum mod ieħor, illum bil-pogrammi differenti li hawn, żagħżugħ jew żagħżugħa jistgħu jagħmlu parti mill-istudji tagħhom f’xi pajjiż ieħor u l-ispejjeż ma jitħallsux kollha minnhom. L-istudju barra mill-pajjiż jiftaħlek orizzonti ġodda, l-istudju f’universitajiet barra minn Malta ilaqqgħek ma’ nies mhux biss b’kulturi differenti imma b’mentalità jew twemmin differenti. Jien kont wieħed mill-ixxurtjati li studjat kważi għaxar snin f’univesitajiet barra minn Malta u nista’ ngħid li kienu snin li biddluni radikament. Trid taħdem u tistinka biex tlaħħaq għax tkun qed tistudja b’lingwa mhux tiegħek jekk xejn. Trid taddatta stil ta’ ħajja differenti għal kollox, bogħod mid-dar u mill-kumditajiet kollha li toffri l-familja. Tikber bla ma trid. Din il-ħaġa saret komuni ħafna fosti ż-żgħażagħ tagħna llum.

Dan huwa biss eżempju wieħed. Hemm ħafna aktar x’wieħed iżid.

Altruwiżmu

Kultant aħna l-kbar nikkritikaw liż-żgħażagħ. Ġieli nsejħulhom bla moħħ jew egoisti. Biss ma nistgħux niġġenerralizzaw. Dan l-aħħar waslitli l-aħbar li grupp ta’ żgħażagħ minn Ħaż-Żebbuġ marru jagħmlu xi jiem jgħinu lill-missjunarji Dumnikani fl-Albanija. L-Albanija llum mhux dik li kienet għoxrin jew ħamsa u għoxrin sena ilu, meta kienet għadha ħierġa mill-ħakma Komunista. Madanakollu hija art li fiha hemm il-missjunarji mela dan ifisser li hemm bżonn l-għajnuna b’xi mod. Dawn iż-żgħażagħ ħadmu biex faddlu l-flus għall-passaġġ u marru. Ma marrux vaganza, vaganza mmorru niddevertu mhux naħdmu! Dan huwa att ta’ altruwiżmu ta’ grupp ta’ żgħażagħ tal-lum, grupp mill-istess faxxa ta’ nies li kemm-il darba aħna l-kbar inħarsu lejhom bi prospettiva negattiva, b’nuċċali skur.

Determinazzjoni

Ejjew nibqgħu Ħaż-Żebbuġ. Dan l-aħħar żagħżugħ minn dan ir-raħal irnexxielu jasal sal-belt kapitali tal-Iżvezja Stokħolma. Forsi tgħiduli li hawn ħafna li marru jżuru din il-belt sabiħa, imma dak li huwa differenti f’din l-istorja huwa li dan iż-żagħżugħ wasal hemm fuq ir-rota. Qadef l-Italja kollha, għadda l-Awstrija u mess mar-Repubblika Ċeka biex imbagħad qadef il-Ġermanja, qasam lejn id-Danimarka u baqa’ sejjer l-Iżvezja.

Steve Zammit Lupi għamel wieħed u erbgħin jum biex wasal fejn kien determinat li jasal. Sitta u tletin jum minnhom għamilhom qdif, ħamsa minnhom mistrieħ. Għadda minn sitt pajjiżi differenti u kien jaqdef medja ta’ mija u għoxrin kilometru kuljum. Iżda darba qadef ferm aktar, għax irnexxielu jaqdef mitejn u ħdax-il kilometru.

Minbarra din il-kisba, dan iż-żagħżugħ jaħdem ħafna favur l-ambjent – ħaġa li qridna aħna l-kbar u li wirtu ż-żgħażagħ tal-lum.  Dan kollu frott tad-determinazzjoni. Sewwa jgħidu l-Ingliżi: Where there is a will there is a way!

Aktar

Semmejt biss dawn iż-żewġ fatti, imma kemm hemm oqsma oħra li ż-żgħażagħ jaħdmu fihom u forsi bla daqq ta’ trombi. Resqin lejn tmiem l-istaġun tal-festi. Forsi meta nsemmu ż-żgħażagħ u l-festi f’moħħna jiġi biss it-tbaħrid, is-sokor, forsi d-droga, id-dagħa, il-piki, it-tgħajjir u mitt ħaġa oħra, dejjem fin-negattiv. Bla ma neskludi dan kollu, inżid li ħafna xogħol fil-festi jsir miż-żgħażagħ, u mhux fejn jidħlu marċi biss, mhux fl-armar ta’ barra biss. F’bosta knejjes imnalla jkunu xi żgħażagħ li jmiddu jdejhom għall-armar. Għax ikollna nammettu, aħna kbirna u ċertu xogħol ma bqajniex tajbin għalih. Tinsiex x’jgħid il-Malti: Mal-kwaranta, ix-xitan jibda jittanta. Ma’ dan il-qawl darba smajt wieħed iżid li mbagħad maċ-ċinkwanta tibda tiżżarma. Illum naqbel miegħu. Ajma ħej, mela mas-sittin x’ġej? Imnalla jkunu ż-żgħażagħ!

Meta wieħed jieqaf u jirrifletti ftit, wara li jkun ra jew sema’ stejjer bħal dawn ikollu jammetti li tabilħaqq hawn żgħażagħ u żgħażagħ, bħalma kien dejjem, hawn it-tajjeb u hawn il-ħażin, hawn il-qamħ u hawn is-sikrana.

Fr Reno Muscat

Dan l-artriklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Settembru 2023



venerdì 13 maggio 2022

Santu Rokku

 

Il-ġimgħa l-oħra wassalt xi tagħrif dwar San Bastjan u l-kult tiegħu billi huwa wieħed mill-qaddisin li l-bniedem idur lejhom f’xi epidemija jew pandemija. Daqs tant ieħor ikun mitlub Santu Rokku u għalhekk xieraq li llum inkun u nafu xi ħaġa dwar dan il-qaddis u l-kult tiegħu.

Dwar il-qaddis

Dan il-Qaddis twieled Montpellier fi Franza bejn l-1345 u l-1350 u miet f’Voghera fl-Italja bejn l-1376 u l-1379 ta’ mhux aktar minn tnejn u tletin sena. Is-sorsi fuq dan il-qaddis huma skarsi u mhumiex preċiżi ħafna u jsiru aktar oskuri bil-leġġendi dwaru. Jingħad li waqt li kien f’pellegrinaġġ lejn Ruma huwa kien ta dak kollu li kellu lill-foqra imbagħad waqaf  f’Acquapendente, fil-provinċja ta’ Viterbo, l-Italja.  Hemmhekk beda jiddedika ruħu biex jgħin lill-morda bil-pesta u wettaq xi fejqan mirakoluż tant li dlonk inxterdet il-fama tiegħu. Waqt dan il-pellegrinaġġ lejn l-Italja ċentrali huwa ddedika ruħu għal ħidmiet ta’ karità u għajnuna kif ukoll wettaq konverżjonijiet kontinwi. Kien kważi miet fil-ħabs, wara li ġie arrestat ħdejn Angera, fil-Lombardija,  minn xi suldati fuq suspett ta’ spjunaġġ. Huwa kien ikun mitlub kontra l-mard tal-baqar u d-diżastri naturali, il-kult tiegħu nfirex b’mod straordinarju fit-Tramuntana tal-Italja u dan kien marbut b’mod partikolari bħala protettur kontra l-pesta.

Qabel il-mewt tiegħu, il-Qaddis kien kiseb mingħand Alla r-rigal li jsir l-interċessur ta’ dawk kollha li jomordu bil-pesta li jinvokaw ismu, Fuq il-qabar tiegħu f’Voghera, mill-ewwel beda jiffjorixxi l-kult taż-żagħżugħ Rocco, pellegrin minn Montpellier, ħabib taż-żgħar, il-morda bil-pesta u l-foqra. Il-Konċilju ta’ Kostanza fl-1414 invokah bħala qaddis għall-ħelsien tiegħu mill-epidemija tal-pesta. Il-Papa Girgor XIII (1572-1585) daħħal l-isem ta’ Rokku fil-Martiroloġju Ruman, taħt il-pontifikat tal-Papa Urbanu VIII (1623-1644) il-Kongregazzjoni tar-Riti daħħlet Uffiċċju u Quddiesa għall-knejjes mibnija ad unur il-qaddis. Fl-aħħarnett, fl-1694, il-Papa Innoċenz XII ta l-permess lill-Franġiskani biex jiċċelebraw il-festa b’rit doppju l-festa ta’ Santu Rokku bħala membru tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk. Il-knisja tiċċelebra l-festa tiegħu nhar is-16 ta’ Awwissu.


F’Malta

Santu Rokku għandu għadd ta’ kappelli ġewwa Malta u dan juri l-qima li jgawdi. Bosta minnhom inbnew b’wegħda wara xi imxija. Indibu kappelli jew knejjes għal dan il-qaddis fu fil-Belt Valletta.

Qabel l-1658 f’Bubaqra kien hemm żewġ knejjes: waħda dedikata lil San Ġwann u l-oħra lil Santu Rokku. Dawn ingħalqu u flokhom, fl-1676, inbniet il-knisja dedikata lil Santa Marija li tkabbret fl-1961. Il-Qriema wkoll huma devoti lejn il-qaddisin protetturi kontra l-pesta. Nhar l-14 ta’ April 1676 saret purċissjoni penitenzjali waqt Ii l-aħwa Dun Giovann u Giorgio Cauchi għamlu rikors il-Kurja sabiex iwaqqgħu ħames knejjes zħar, biex flokhom jibnu knisja ddedikata Iil Santu Rokku. Din il-wegħda twettqet izda flok Iil Santu Rokku, il-kappella l-gdida kienet dedikata lit-twelid taI-Madonna {il-Vitorja). F’din ii knisja gie ddedikat artal għal Santu Rokku.

Fiż-Żurrieq, fil-parroċċa ta’ Santa Katarina nsibu l-fratellanza ta’ Santu Rokku. Din twaqqfet fl-1606 u hija l-unika fratellanza f’Malta ta’ dan il-qaddis li għadha attiva. Il-festa f’gieħ il-qaddis issir it-tielet Ħadd ta’ Settembru. Il-fratellanza għandha vara tal-kartapesta tal-qaddis, xogħol l-istatwarju Għawdxi Wistin Camillieri. Il-fratelli jilbsu muzetta ħadra bl-emblema tal-qaddis u kurdun aħdar ma’ qaddhom u kuruna tar-Rużarju.

Fit-toroq tagħna

Fit-toroq Maltin insibu xejn anaqas minn 35 niċċa bi xbieha ta’ Santu Rokku. L-akbar numru ta’ dawn in-niċeċ insibuh f’Ħal Qormi uf’Ħaż-Żebbuġ fejn hemm 6 niċeċ li juru lill-qaddis f’kull raħal minnhom. F’Birkirkara, fil-Belt Valletta, f’Ħal Luqa, f’Ħal Balzan u f’Ħal Kirkop insibu żewġ statwi f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet filwaqt li f’Tas-Sliema, , fiż-Żurrieq, fis-Siġġiewi, f’San Ġiljan, f’Santa Venera, fil-Qrendi, fl-Imsida, l-Imqabba, f’Ħal Lija, f’Ħal Għaxaq u fil-Birgu nsibu niċċa bi statwa ta’ Santu Rokku f’kull raħal jew belt minnhom. Fiż-Żejtun insibu statwa tal-qaddis fuq iz-zuntier u oħra f’niċċa

Madwar Malta nsibu għadd ta’ toroq imsemmija għal Santu Rokku: Birkirkara, il-Kalkara, l-Imdina, il-Mosta, Ħal Qormi, ir-Rabat, Ix-Xagħjra,  iż-Żejtun u ż-Żurrieq. F’Ħal Għaxaq minbarra triq hemm ukoll misraħ b’isem il-qaddis. In-naħa tal-Kalkara nsibu l-Forti Santu Rokku.

Fit-taqbil

Dan il-qaddis insibuh imsemmi f’żewġ taqbiliet Maltin. Billi kien hem żmien li kienu jsiru t-tiġrijiet tal-bhejjem fil-festa tiegħu it-tnejn li huma jagħmlu riferenza għal xi tiġrija taż-żwiemel. . Aktarx li dawn it-tiġrijiet kienu jsiru l-Ħadd qabel is-16 ta’ Awwissu, jum il-festa ta’ Santu Rokku.  Dawn it-tiġrijiet jissemmew fit-taqbila popolari:

Ninu, Ninu tal-Milied

Ommi għamlet il-qagħqiet

Il-qagħqiet tal-qastanija

Santu Rokku tat-Tiġrija.

Għaddew il-festi kollha

Baqa’ biss Santa Marija.

 

Taqbila oħra inqas popolari li hi marbuta mat-tiġrijiet ta’ Santu Rokku hi din:

Santu Rokku tat-tiġrija

Għandna żiemel intellquh

‘K jiġi l-ewwel kemm inħobbu

‘K jiġi l-aħħar kemm intuh.

 

Hemm aktar x’ngħidu u xi nsemmu dwar dan il-qaddis fosthom xbihat impittera tiegħu, imma għal-lum nieqfu hawn.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Mejju 2022



sabato 9 giugno 2018

San Filep jidħol fil-folklor Malti


Tassew li l-qaddis tagħna ma huwiex Malti imma nistgħu ngħidu li llum insibuh ukoll imdaħħal b’xi mod fil-folk tagħna billi aħna l-Maltin għandna qawl li jsemmi lil San Filep.

Minn qatt ma semgħu l-qawl: Viva San Filep, la x-xitan irid hekk­? Imma kemm minna qatt ħasbu dwar kif oriġina dan il-qawl? Jien darba kont staqsejt għalfejn jingħad hekk u kienu qaluli storja. Jekk hijiex minnha jew le ma nafx, imma kif qaluha lili ser ngħidha lilkom.

Il-pika u r-rivalità bejn il-festi mhix xi ħaġa tal-lum, anzi jista’ jkun li qabel kienet aktar mil-lum għax il-Malti ma kellux fiex jehda u għalih il-festa tar-raħal kienet kollox. Sejjaħtihom pika u rivalità għax aktar naħseb huma hekk milli kompetizzjoni. Ma nkunu qed nikxfu l-ebda sigriet jekk ngħidu li snin ilu ir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ kien impikat mar-raħal ġar tiegħu Ħal Qormi. Billi dawn huma żewġt irħula kbar u antiki, fihom minn dejjem kienu jsiru festi kbar u għaż-Żebbuġin u għall-Qriema, San Filep u San Ġorġ ma joqgħod xejn ħdejhom, għalhekk il-piki qatt ma setgħu jonqsu. Kulħadd jixtieq li l-festa tiegħu tkun aqwa minn tal-ġirien  u b’hekk nibtet u kibbret ir-rivalità bejn il-Qriema u ż-Żebbuġin.

Il-misraħ tal-Vitorja Ħal Qormi, fejn il-Qriema
kienu jwaqqfu liż-Żebbuġin fi triqithom lejn ix-xatt
Issa rridu niftakru li bosta Żebbuġin kienu jaħdmu x-xatt jew kienu jinżlu għan-negozju hemmhekk. Filgħodu kmieni kienu jerħuha jew bil-mixi jew fuq xi ħmar lejn ix-xatt tal-Marsa jew il-Belt Valletta. Mir-raħal kienu jinżlu Ħal Qormi, jgħaddu jieħdu xi tazza te mingħand xi ħanut li jkun diġa fetaħ għax-xogħol u jibqgħu sejrin lejn xogħolhom ma’ sħabhom Qriema li kienu jaħdmu x-xatt ukoll. Iżda fix-xahar ta’ April din il-ħaġa ma kinitx tibqa’ ssir. Jingħad li meta l-Qriema kienu jibdew jarmaw għall-festa ta’ San Ġorġ, li kienet issir fit-23 ta' April, ma kinux iħallu liż-Żebbuġin jgħaddu minn ġewwa r-raħal, mill-parti magħrufa bħala fejn il-Vitorja għaliex kienu jibżgħu li minħabba r-rivalità kien ikun hemm xi wieħed nofs ras li jagħmel ħsara fl-armar. Jingħad li kienu jistennew liż-Żebbuġin fit-tarf tar-raħal u jgħidulhom jgħaddu minn qalb l-għelieqi u mhux mill-qalba ta’ Ħal Qormi.

Ix-xahar ta’ April jgħaddi u miegħu tgħaddi wkoll il-festa ta’ San Ġorġ u kif jintemm dan ix-xahar jibda Mejju li jġib miegħu l-festa ta’ San Filep, il-qaddis patrun taż-Żebbuġin. Issa l-ħaddiema tax-xatt minn Ħaż-Żebbuġ kienu jfittxu x-xoqqa f’moxtha biex ipattuha lil sħabhom Qriema, imma l-Qriema ma kienux jgħaddu minn Ħaż-Żebbuġ biex imorru għax-xogħol. Allura meta x-xatt kien ikun hemm xi ċorma Żebbuġin u kienu jilmħu xi ħaddiem bħalhom minn Ħal Qormi kienu jduru miegħu u jgħidulu: “Għid Viva San Filep għax inkella ma nħallukx tibqa’ sejjer.” Mal-folla mhux ta’ min joħodha u għalhekk kien hemm xi Qriema li kienu jgħidu dak li jitolbuhom ilissnu sħabhom iż-Żebbuġin, imma kien ikun hemm min hu aktar akkanit u għalih li jgħid “Viva San Filep” kien ikun qisu qed jagħmel xi dnub mejjet, għalhekk kien jgħid: “Viva San Filep” u minn taħt l-ilsien ikompli “la x-xitan irid hekk!”

Ir-rivalità bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi llum spiċċat għal kollox, forsi bdiet tgħosfor mat-twaqqif tal-parroċċa ta’ San Bastjan fl-1936. Issa l-Qriema Ġorjaniżi kellhom ma’ min jimpikaw eqreb miż-Żebbuġin! Hu x’inhu, il-qawl: Viva san Filep, la x-xitan irid hekk, baqa magħna minkejja li spiċċat il-pika. Dan il-qawl ifisser bejn wieħed u ieħor l-istess bħalma tfisser l-idjoma: tbus l-id li tixtieq maqtugħa; jiġifieri kultant ikollok tagħmel anke dak li ma tkunx tixtieq tagħmel!

Għandek tgħid bis-saħħa tal-pika, Filippu daħal fil-folk ta’ pajjiżna!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-ktieb tal-festa maħruġ mill-Banda 12th May ta' Ħaż-Żebbuġ Festa 2018




sabato 23 luglio 2016

Btala tas-sajf

Huma bosta dawk li jistennew ix-xhur tas-sajf biex jieħdu btala. Ħalli ngħiduha kif inhi, btala fix-xhur sħan tas-sajf Malti tkun qiegħed tistenniha daqx xarba ilma kiesah fid-deżert. Hemm bosta tipi ta’ btajjel li wieħed jista’ jieħu fis-sajf.

Villeġġjatura

Barra- Napli, fil-bidu tas-seklu XX kien għadu post ta' villeġġjatura

Meta kont ngħix l-Italja, meta xi ħbieb kienu jsemmu l-btajjel u l-villeġġjatura kont nimmaġina li jmorru ħdejn il-baħar, biss ma domtx ma ntbaħt li għalihom villeġġjatura mhux bilfors tkun dar ħdejn il-baħar, tista’ tkun fuq muntanja, fil-bosk jew f’ xi belt jew raħal ċkejken. L-iskop tal-villeġġjatura hu li tibdel l-ambjent li tkun ilek tgħix fih madwar sena. Aħna l-Maltin illum lanqas nimmaġinaw li mmorru xi jiem ta’ villeġatura bogħod minn xatt il-baħar, iżda ma kienx dejjem hekk. Kont qed nitkellem ma’ persuna minn Ħaż-Żebbuġ dwar is-sbuħija arkitettonika ta’ ċerti djar li nsibu f’ dak ir-raħal. Dan il-ħabib qalli li fil-qedem ħafna min-nobbli tal-Imdina kien ikollhom id-dar tal-villeġatura tagħhom f’ xi raħal barra s-swar iżda mhux wisq bogħod mill-belt.  Ħaż-Żebbuġ kien raħal ideali għal dan l-iskop u għalhekk insibu bosta djar sbieħ fih għax xi darba kienu djar tal-villeġġjatura. Issa Ħaż-Żebbuġ ma hemmx baħar. Dan il-fatt fakkarni f’ Napli. Kont ngħix fi kwartier li qabel ukoll kien post ta’ villeġġjatura għas-sinjuri ta’ Napli. Fil-fatt hemmhekk ukoll hemm għadd ta’ vilel sbieħ fl-arkitettura tagħhom. Lanqas fil-kwariter li kont ngħix fih Napli ma hemm baħar. Inċidentalment il-baħar minn hemmehkk imbiegħed xi daqs kemm hu mbiegħed minn Ħaż-Żebbuġ. Illum la Ħaż-Żebbuġ u lanqas Barra (għax hekk jismu l-kwartier Naplitan) ma għadhom postijiet ta’ villeġġjatura iżda saru bliet residenzjali.

Safar
Btala sabiħa hija meta mmorru barra minn artna u nżuru xi art barranija. Kien hemm żmien li s-safar kien xi ħaġa immaġinarja, xi ħaġa li mhux kulħadd jista’ jagħmilha. Illum il-folja nqalbet u ftit għad hawn Maltin li qatt ma siefru. Niftakar wieħed xiħ kien qalli li qatt ma siefer għax kien jibża’ mill-ajru jew mill-baħar. Kien jgħid li l-arju għat-tajr u l-baħar għall-ħut. U allura dan it-tali lanqas sa Għawdex qatt ma’ mar. Għalih id-dinja kienet tispiċċa l-Marfa jew iċ-Ċirkewwa. Min jaf dak il-bniedem kif kien jimmaġina d-dinja lil hinn minn din l-art li twieled fiha?

Minbarra li huwa mezz ta’ mistrieħ, is-safar huwa wkoll mezz ta’ edukazzjoni. Li żżur palazzi, mużewijiet, pjazez u toroq li forsi jkunu ssemmew fl-istorja iġiegħel lil dak li jkun jistħarreġ xi ftit fuq dak il-post u għalhekk ikabbar l-għerf tiegħu. Tabilħaqq li hawn min isiefer biex jara l-vertini tal-ħwienet biss u jimla l-bagalji tiegħu b’ dak li jkun xtara. U llum jaħasra f’ pajjiżna ssib kollox u forsi anke bi prezz orħos! Imma mur fiehem lill-Malti!

Hawn min jippreferi jsiefer għal rasu, jippjana safra, jikri karozza jew jippjana vjaġġi bil-ferrovija, jaħseb għal-lukandi u joħloq programm hu stess. Iż-żgħażagħ jippreferu dan it-tip ta’ safar. Dawk li huma akbar fl-età aktarx li jippreferu tour. F’ tour ikollok kollox lest u inti ma jkollok għalfejn tinkwieta għal xejn għax hemm il-mexxej jaħseb għal kollox hu.

Il-Cruise
Snin ilu li tmur cruise kienet ukoll ħaġa kbira. L-ewwel ħaġa kien hemm l-iskariġġ tal-vjaġġ qabel tibda l-cruise. Qabel il-cruise liners ma kienux jidħlu f’ pajjiżna u min kien jagħżel li jmur btala fuq vapur kien ikollu l-ewwel jaqbad ajruplan u jasal fil-port tat-tluq tal-cruise liner. Ilum anke din il-problema spiċċat għaliex għandna għadd ta’ cruise liners li jidħlu fil-port tagħna. Dawn it-tipi ta’ btajjel saru popolari magħna l-Maltin u hemm min imur kull sena. Ħaġa li timpressjonani hi li meta tistaqsi kif marru fil-cruise,  ħafna min dawk li jkunu marru l-ewwel li jgħidulek tkun:  “UUU kemm kilna!” U s-santa mqattgħa, dortu l-Mediterran u tiġi ssemmili l-ikel! Lanqas li qegħdin f’ xi art tat-tielet dinja fejn hawn il-ġuħ ma’ kullimkien!

Btala ta’ bilfors
Li tmur btala barra minn xtutna hija dejjem xi ħaġa mixtieqa u sabiħa. Hawn faxex ta’ nies li bilfors iridu jieħdu btala barra l-pajjiż għaliex inkella ma jieqfux minn xogħolhom. Il-politiku, bil-mobile dejjem idoqq, it-tabib li lejl u nhar jissejjaħ biex jassisti lil xi marid, is-saċedot li la għandu Ħdud la festi u xejn. Dawn kollha huma kostretti li jsiefru biex jieħdu btala. Ma jistgħux imorru btala f’ Malta stess għax tispiċċa ma tkun btala xejn. Ġieli kont btala Għawdex ma’ persuni minn dawn . Nassigurakom li għalihom din ma tkunx btala imma jiem ta’ xogħol bogħod mill-ambjent tas-sotu għaliex in-nies iċemplulhom, in-nies jarawhom u jkunu jridu jkellmuhom dwar xi problema u għalhekk jispiċċaw bla btala.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 23 ta' Lulju 2016