Visualizzazione post con etichetta gimgha l kbira. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta gimgha l kbira. Mostra tutti i post

venerdì 6 marzo 2020

Beda r-Randan


Ta’ kull sena il-perjodu ta’ qabel il-festi tal-Għid il-Kbir ikun wieħed intensiv ħafna. Mhux qiegħed nirreferi għal-lat reliġjuż ta’ dan iż-żmien tas-sena iżda mil-lat organizzattiv ta’ ħafna ħidmiet u attivitajiet li jsiru fir-Randan ġewwa pajjiżna.

Tħejjijiet
F’pajjiżna llum il-ġurnata fil-Ġimgħa Mqaddsa sirna naraw bosta wirjiet marbutin mal-passjoni ta’ Kristu. Sa nofs seklu ilu dawn kienu rari imma llum sirt issibhom mifruxin ma’ Malta kollha. Bosta minn dawn il-wirjiet ikun fihom xogħol verament ta’ livell għoli. Wieħed iżur xi wirja minn dawn u jitlaq wara ftit minuti iżda l-preparamenti għaliha ikunu ilhom għaddejja bosta xhur. Dawn it-tħejjijiet ikunu jinvolvu bosta persuni u bosta snajja: mastrudaxxi, electricians, ħajjata, ħaddieda u min jaf kemm-il sengħa oħra tidħol bla ma forsi nintebħu meta nżuru dal-wirjiet. Dawn il-wirjiet jiġġeneraw ukoll xi ftit xogħol indirett bħal stampar ta’ posters jew libretti. Ħafna minn dawn il-wirjiet jibdew jiġu mħejjijin f’xi maħżen. Dawn l-imħażen huma tassew imħażen ta’ talenti għax meta wieħed jara l-prodott finali li ħafna drabi jkun frott il-ħidma volontarja, jara mhux xogħol ta’ dilettanti imma ta’ professjonisti fil-passatemp tagħhom. Huwa għalhekk xieraq li nżuru dawn il-wirjiet u ngħinu kif nistgħu.


Ħoss
Tħejjija oħra li tibda f’dawn il-jiem hija l-prattika tad-daqq tal-marċi funebri fil-każini tal-banda. Il-marċi funebri ma jindaqqux daqs kemm jindaqqu l-marċi hekk imsejħin volanti allura żmien ir-Randan huwa ż-żmien li jerġgħu jibdew jiġu pprattikati mill-bandisti. La qed insemmu l-baned ma nistgħux inħallu barra id-diversi kunċerti u programmi ta’ mużika sagra u mużika oħra adattata għal dawn iż-żminijiet li bdew isiru mis-soċjetajiet mużikali dawn l-aħħar ftit għexieren ta’ snin. Ħalli ngħid kollox. L-ewwel għidt li l-marċi funebri ftit li xejn jindaqqu għajr f’dawn il-jiem, biss hawn min jibda jdoqqhom mill-għada tal-Milied. Lil min hu dilettant ma tistax tlumu”

Xogħol
Kont qed nitkellem ma’ wieħed li xogħlu huwa ta’ dulċier. Dan qalli li f’dan iż-żmien jibdew jaħsbu għall-figolli u l-bajd tal-Għid. Kull staġun iġib xi naqra xogħol differenti miegħu. Hawn irrealizzjat li kull pajjiż għandu xi ħelu tipiku tal-Għid imma donnha l-bajda tal-Għid issibha kull fejn ikun iċċelebrat dan il-jum. Fi ċkuniti kienu popolari ħafna l-Karamelli tal-ħarrub iżda llum donnu ħadd ma għadu jfittixhom. Fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira mbagħad insibu l-qagħaq tal-Appostli iżda dawn ma jistgħux isiru kmieni bħall-figolli għax billi huma ħobż, iridu jkunu friski għax jekk ikunu xotti ma jkun fihom l-ebda gost. Qabel ħallejt lil dan id-dulċier bi tbissima qalli “Father intom tgħidu lin-nies biex isumu fir-Randan, u aħna nibdew naħsbu biex kif jispiċċa jpattu ta’ kemm ikunu ilhom imxennqin!” Osservazzjoni ħelwa għax kos, qabel ir-Randan nieklu ikla prinjolata u kif jispiċċa nduru għall-figolli! Tabilħaqq li bejn il-karnival u l-festa tal-Għid il-Kbir hemm il-jiem tas-sawm u astinenza, imma ma tantx hawn min jogħlob minħabba s-sawm.

Fil-knejjes
Fuq kollox dan iż-żmien huwa żmien liturġiku. Fil-ħajja ċivili u soċjali ma jinbidel xejn imma hija l-ħajja spiritwali li tgħix f’dan ż-żmien li tagħmel differenza minn żminijiet oħra matul is-sena. Għalhekk ma jistax jonqos li fil-knejjes bħalissa jkun hemm bosta preparamenti għaddejjin li forsi ftit huma dawk li jindunaw bihom. Fil-knejjes minn fejn toħroġ il-purċisjoni jibdew it-tħejijjiet għalihom. Ilbies ġdid, manutenzjoni ta’ ieħor qadim, tindif tal-aċċessorji li jintużaw fil-purċissjoni u mitt ħaġa oħra. F’bosta knejjes minn dawn hemm id-drawwa li tinħareġ vara kull ġimgħa. Forsi din hija l-aktar ħaġa li tagħti fil-għajn, biss ibqgħu fuq kliemi li dawn il-ġranet huma mimlijin xogħol għas-sagristan u dawk li jgħinuh. Aktar ma tersaq il-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nibdew naraw dak li jkunu wettqu dawn it-talin minn wara l-kwinti. Bosta minn dak li naraw fl-aħħar ikun ilu lest jew imħejji ġimgħat sħaħ. Bir-raġun għaliex fuq kollox dawn il-jiem li qed insemmu huma festi tal-Knisja u għalhekk jixraq li jiġu ċċelebrati bl-akbar solennità.

Nagħtu sehemna
Dawk kollha li jorganizzaw xi wirja, dawk kollha li huma involuti f’xi għaqda tal-mużika kif ukoll ħafna minn dawk li jagħtu sehemhom fl-armar tal-knisja jagħmlu dan bħala delizju. Għalhekk tajjeb li napprezzaw l-isforzi kollha li jsiru minnhom. L-akbar apprezzament li nistgħu nagħtu huwa li nattendu għall-attivitajiet li jkunu organizzati minnhom, Il-wirjiet ikunu miftuħin għal madwar ġimgħa jew aktar, il-programmi mużikali jsiru aktarx f’ Ħadd il-Palm jew f’xi jum matul il-Ġimgħa Mqaddsa u ċ-ċelebrazzjonijniet liturġiċi jilħqu l-qofol tagħhom bejn Ħadd il-Palm u Ħadd il-Għid. Tajjeb li nsibu ħin nattendu għal dawn l-attivitajiet li wara kollox huma maħsubin għall-publiku kollu. Tassew li ma tistax tmur tara kull wirja, ma tistax tmur tisma’ kull kunċert mużikali li jsir imma tajjeb wieħed imur jara u jisma’ dak li jista’.  Dan huwa l-akbar sehem li nistgħu nagħtu aħna bħala pubbliku.

Jonqos ftit biex dak li qed jitħejja joħroġ għad-dawl! Ejjew napprezaw il-ħafna sforsi u sagrifiċċi li bosta dilettanti jagħmlu bħalissa biex joffrulna t-talenti tagħhom fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Fr Reno Muscat


venerdì 30 marzo 2018

Bejn mewt u ħajja


Sibt il-Għid huwa jum li minn dejjem affaxxinani għax inħoss sentiment li mhux faċli nfissru bil-kliem aħseb u ara bil-kitba! Ma nafx jekk tħossux l-istess sentiment bħali. Ovvajment qed nirreferi għal dawk li jħaddnu l-istess twemmin reliġjuż tiegħi għax għal min ma jemminx bħali dan huwa jum bħall-kumplament tas-sena.

Għall-Insara
Għall-Insara Sibt il-Għid huwa l-jum li ra l-akbar ġrajja sseħħ, bniedem mejjet jerġa’ jieħu l-ħajja, bniedem ikkundannat għall-mewt mal-agħar kriminali, jirxoxta mill-mewt u jibqa’ mfakkar eluf ta’ snin wara. Sibt il-Għid huwa jum speċjali għax jagħti anke tifsira lill-mewt, jgħaddi bħal passaġġ mill-mewt qerrieda għall-ħajja rebbieħa, mill-firda għall-għaqda, mid-disperazzjoni għall-hena, mid-dlam għad-dawl.

Il-mewt
Għalina l-bnedmin il-mewt tidher bħala tmiem, telfa, disperazzjoni, firda u dak kollu li ma nixtiequx. Narawha hekk għax il-bniedem maħluq biex jgħix u mhux biex imut, imma liema ħajja tassew aħna maħluqin għaliha? Il-fidi tagħna tgħallimna li aħna ma konniex maħluqin biex nibqgħu ngħixu f’din id-dinja imma biex kif tintemm il-ħajja fuq din l-art tibda oħra differenti, ħajja li l-moħħ tagħna ma jistax jifhem kif tista’ tkun.

Dejjem laqtitni l-frażi: “Life is a journey not a destiantion” Il-ħajja ma hijiex post li fih għandna naslu u nibqgħu imma hija vjaġġ li twassalna f’punt li rridu jew ma rridux ilkoll irridu naslu fih fejn ninħallu minn kull rabta li jista’ jkollna ma’ din id-dinja. Jekk toqgħod taħseb ftit tinduna li anke tarbija tat-twelid xi darba trid tkun katavru! Kemm qbadt argument ikrah illum, imma dan għamiltu biex wara li ngħaddu mid-dlam tal-mewt, napprezzaw aktar id-dawl li jġib miegħu Sibt il-Għid.

Dawl
Il-liturġija tal-Knisja Kattolika fil-lejl tal-Għid toffri mumenti tassew interessanti. Il-funzjoni fil-knisja tibda fid-dlam. Waqt li l-knisja tkun mudlama isir it-tberik tan-nar. In-nar jagħtina d-dawl, u mhux biss, in-nar huwa ta’ għajnuna kbira għalina l-bnedmin. L-annimali jibżgħu min-nar u jaħarbu minnu iżda l-bniedem jużah biex idawwal daru, isajjar l-ikel tiegħu u jsaħħan il-postijiet fejn jgħix. Din hija waħda mid-differenzi li hemm bejn l-annimal bla raġuni u l-bniedem, din hija waħda mill-provi li l-bniedem huwa superjuri għal kull speċi ta’ annimal ieħor. Fil-funzjoni ta’ Sibt il-Għid anke d-dawl tal-knisja jinxtegħel bil-mod u minn knisja mudlama ftit ftit tiġi mixgħula kollha biex tħabbar il-ferħ ta’ dan il-lejl hekk speċjali, id-dawl juri li mill-mewt għaddejna għall-ħajja.

Illum il-ġurnata biddilna anke r-rutina tal-ħajja tagħna għax għandna d-dawl elettriku. Sa mitt sena ilu ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li jaħdem bil-lejl, l-ebda student ma kien jibqa’ sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu jikteb u jistudja għax id-dawl kien skars. Bid-dawl elettriku biddilna ħajjitna u llum sirna nistgħu nagħmlu li rridu matul il-lejl għax għandna l-kumdità tad-dawl.

Żarmar u armar
Fl-għodwa tal-lum ikun hemm ħafna attività fil-knejjes tagħna, speċjalment f’dawk li bħall-bieraħ jorganizzaw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Filgħodu kollox irid isib postu, statwi, ilbies u aċċessorji oħra, u dak kollu li jinvolvu dawn l-attivitajiet. Il-knisja trid titnaddaf u tintrama għall-Għid. Min għandu l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt irid jarmaha għax għada trid toħroġ iddur fit-toroq tal-belt jew raħal.

Hawn tajjeb nuru l-apprezzament tagħna lil dawk il-bosta persuni li jaħdmu b’mod volontarju biex l-attivitajiet li jsiru fil-knejjes tagħna f’dawn il-jiem ikunu jistgħu jsiru. Żgur li mingħajr l-għajnuna ta’ dawn id-dilettanti l-attivitajiet li jkollna f’dawn il-festi jkunu bil-wisq inqas. Kif tista’ torganizza dak kollu mingħajr id-daqqa ta’ id tal-volontier? Nassigurakom li kieku kellna nħallsu lil dawk li jmiddu idejhom għax-xogħol f’dawn il-jiem, kieku ma naslux biex nagħmlu kwart ta’ dak li nagħmlu, imma grazzi għad-delizzju u l-imħabba lejn il-kultura tagħna, dawn l-attivitajiet jibqgħu jsiru minn sena għal oħra. Pubblikamnet ngħid grazzi lil dawk kollha li jgħinu. Mingħajr l-għajuna tagħkom inbatu ħafna u nitilfu dak li writna mingħand missirijietna. Mingħajr il-ħeġġa tagħkom minflok ngħaddu mill-mewt għall-ħajja nispiċċaw immorru mill-ħajja għall-mewt.

Kemm ħsibijiet f’dan il-jum partikolari. Sibt il-Għid fejn minkejja li għal xi wħud huwa jum bħall-oħrajn, għal min jemmen dan huwa jum speċjali, jum li biddel ix-xorti tal-bniedem. Għal min hu dilettant tal-kultura u d-drawwiet ta’ pajjiżna huwa jum ta’ ħidma li jisbaħ fid-dlam imma li jsib it-tmiem tiegħu mdawwal b’dawl kbir.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 31 ta' Marzu 2018



venerdì 23 marzo 2018

Il-mixja


Niskanta kif aħna l-Maltin ninterpretaw dak li nisimgħu jew naqraw kif jidher jew jaqbel lilna. Jekk tikteb li qegħdin il-ġenna malajr jgħidulek li qed tgħid hekk għax tissimpatizza mal-gvern tal-ġurnata, jekk tgħid li mhux qegħdin il-ġenna ssib min jgħidlek li bi kliemek qed tappoġġja l-partit fl-oppożizzjoni. F’kelma waħda tagħmel kif tagħmel taqlagħha fuq rasek żgur b’xi mod jew ieħor. Aħna l-Maltin donna ma għandniex fiex nehdew għajr fil-politika u r-reliġjon. Ikteb xi ħaġa jew għid kelma li jkunu b’xi mod relatati mat-twemmin, mal-Knisja jew ma’ xi deciżjoni politika u tara l-maltemp riesaq. U x’tip ta’ maltemp ukoll: Tsunami.


Nostalġija u korrezzjoni
Jiena bniedem li nuża ħafna l-mezzi tal-media soċjali għax naf li llum huma l-aħjar mezzi li juruk kif qed iħabbat il-polz tad-dinja. Hawnhekk, f’dawn il-mezzi nsibu l-akbar kamp tal-battalja għalina l-Maltin. Wieħed jikteb abjad, l-ieħor jgħidlu iswed, waħda tgħid fuq, seħbitha tgħid li isfel u nsomma….. Hawn ukoll insibu ’l dawk li kull ma jaqraw, jarawh jew minn lenti ta’ partit politiku jew mil-lenti klerikali jew aktarx dik antiklerikali.

Kont qed inqaleb xi files u ġew f’idejja xi paġni ta’ gazzetti antiki li kont użajt għat-teżi tiegħi. Irrealizzajt kemm il-mastheads, (il-mod u l-forma ta’ kif jiġi ppreżentat l-isem) tal-ġurnali nbiddlu kollha u għalhekk tfajt il-mastheads tal-Orizzont u tan-Nazzjon (flimkien ma’ tal-Ġens, Leħen is-Sewwa u xi oħrajn) fuq paġna Facebook li ġġib ritatti antiki ta’ Malta biex tnissel nostalġija u dawn it-tifkiriet ma jintilfux għal dejjem. Persuna dlonk kitbet li mhux sewwa ndaħħal il-politika fuq dik il-paġna. L-amministratur wieġeb li jien kont tfajt ritratti ta’ gazzetti minn kull xaqliba politika. Imma dak it-tali baqa’ jinsisti li għamilt hekk b’mod politiku. Ovvjament ir-ritratti tal-mastheads hemm baqgħu!

Darba minnhom rajt poster ta’ attività tal-Ġimgħa l-Kbira u kelli suspett li kelma fih kienet miktuba ħażin u għalhekk tfajt dan il-poster f’paġna fejn jiġi diskuss il-Malti miktub tajjeb. Kien hemm minn qalli li hemmhekk mhux post li nitfa’ poster ta’ attività reliġjuża. Mela jien tfajtu hemm biex tiġi l-attività? Tfajtu hemm biex tgħidli jekk hemmx xi żball grammatikali fih! Imma billi kienet attività reliġjuża kien hemm lil min tah fastisju.

Il-mixja ta’ Ħamis ix-Xirka
Bħalissa għandna kontroversja, battibekk, ma nafx x’naqbad insejjaħlu aktar, dwar il-mixja li għal dawn l-aħħar snin bdiet issir bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira biex jinġabru fondi għall-għaqda filantropika Puttinu Cares. L-għan huwa nobbli u min jinnega dan il-fatt ikun qed jiżbalja. Interessanti li din il-mixja ma tkunx organizzata mill-għaqda Puttinu imma minn individwi oħrajn li jieħdu l-inizjattiva biex din l-għaqda li tant tagħmel ġid tkun mgħejjuna finanzjarment.

Il-problema mhux il-mixja, il-problema mhux il-flus, il-problema mhux l-Għadqa filantropika imma l-lejl magħżul.

Dan il-punt reġa’ kien wieħed li nissel bosta diskursati fuq l-internet, fuq Facebook. Min jgħid abjad u min jgħid iswed. Imma l-griż ma jeżistix? Possibbli ma hemmx soluzzjoni għaliha din il-problema.
Ikollna nammettu li biex timxi mill-Mellieħa sal-Isla trid tistrieħ qabel u min jgħid li l-ewwel imur jagħmel il-visti u wara jmur jagħmel il-mixja jien ngħidlu: “Alla jbierkek u rodd ħajr lil Alla!” Anke hawn għandna nuqqas ta’ qbil. L-organizzaturi tal-mixja qed jgħidu li dan huwa l-aktar jum konvenjenti għal din l-attività. Mill-banda l-oħra l-organizzaturi tal-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-knejjes ma jistgħux ibiddlu d-data tal-attivitajiet li jsiru f’dan il-lejl, ħaġa li għalkemm mhux faċli, tista’ ssir mill-grupp tal-mixja. Dan huwa s-sewwa magħruf u żgur li wara dan l-artiklu se jkun hawn min jittimbrani bħalma ttimbrawni fil-każ tal-mastheads u f’tal-poster. Din sikkina taqta’ minn żewġt ixfar. Hemm min jagħmel il-mixja mill-Mellieħa sal-Isla bħala penitenza u lil dawn nammirahom, imma mill-ġdid penitenza tista’ ssir kuljum mhux f’dak il-lejl biss. Nifhem lill-organizzaturi u nagħmilha ċara li aktar faċli tgħid milli tagħmel dak li tkun qed tgħid. Mhux dejjem possibbli tibdel minħabba għadd ta’ problemi tekniċi. Mill-banda l-oħra dawk li huma dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira u aħna s-saċerdoti ma nkunux nistgħu nattendu għal din il-mixja. Personalment nixtieq li xi darba nagħmilha, imma ovvjament, dak il-lejl ma jkunx possibbli għalija. Kemm-il darba d-data tinbidel inħeġġeġ lil sħabi li nkun preżenti għal din il-mixja bi skop tant nobbli.

Nispera li b’dan li ktibt illum nitfa’ xi ftit ilma fuq il-ħuġġiega u mhux inkun  qed nitfa’ l-melħ fuq il-ferita, għax aħna l-Maltin għandna ħabta nieħdu fastiju jew noffendu ruħna meta xi proxxmu juri l-idea tiegħu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  24 ta' Marzu 2018






sabato 9 aprile 2016

Is-sagristan

Fost tant snajja u xogħolijiet li kull ma jmur qegħdin jgħibu minn pajjiżna, hemm dak tas-sagristan. Minkejja li semmejt is-snajja, dik tas-sagristan aktar huwa mistier milli sengħa għaliex xogħlu jitlob li jmidd idu għal dak kollu li jinqala’ fil-knisja, minn xogħol tal-injam, għal xogħol ta’ ħadid, xogħol fuq id-dawl u kull ħaġa li jkun hemm bżonn. Is-sagristan huwa dak li l-aktar jgħaddi ħin il-knisja għaliex huwa jiftaħ filgħodu kmieni u jkun hu li jerġa’ jagħlaq il-bibien tal-knisja filgħaxija x’ ħin ikun intemm dak kollu li jkollu jsir.

Minn qabel is-sebħ
Kien hemm żmien li l-ewwel quddiesa kienet tkun ħafna qabel ma titla’ x-xemx, Fl-erbgħa ta’ filgħodu u anke qabel. Kienu jgħidulha quddiesa għall-kaċċaturi. Ma rridux ninsew li sa ftit aktar minn ħamsin sena ilu l-quddies kien isir biss filgħodu għaliex min jitqarben kien irid ikun ilu sajjem min-nofsilejl u għalhekk kienet tkun ħaġa kważi impossibbli li jsir quddies tard filgħodu jew waranofsinhar. Biex kienu jsiru dawn il-quddies kien irid ikun hemm min jiftaħ il-knisja, idoqq il-qniepen, ilesti dak kollu li jeħtieġ u nsomma l-kumplament. Dan kollu kien issir minn dik il-persuna li tissejjaħ sagristan. Bir-riforma liturġika li ġab miegħu l-Konċilju Vatikan II fis-snin 60, is-sawma ta’ qabel it-tqarbin saret ta’ siegħa u għalhekk il-quddies seta’ jibda jiġi ċċelebrat aktar tard u saħansitra filgħaxijiet ukoll. Dan naqqas xi ftit mill-piż tax-xogħol tas-sagristan għaliex issa jekk tneħħa l-quddies ta’ kmieni filgħodu, il-knisja ma kelliex għalfejn tibqa’ tiftaħ kmieni.

Żminijiet u żminijiet
Min jaħdem f’ dan il-mistier jew tal-inqas huwa midħla ta’ xi sagristan jaf li hemm żminijiet fis-sena li x-xogħol jiżdied b’ mod konsiderevoli. Il-Milied, it-Tridu tal-Għid il-Kbir u l-festa titulari huma tliet waqtiet mis-sena li għas-sagristan ix-xogħol ikun bil-wisq iżjed mis-soltu. Jiddependi wkoll mill-parroċċa. Jekk il-parroċċa tkun torganizza purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jew tkun tiċċelebra festa titulari b’ xi ftit pompi aktar min-normal, jekk fiha jsiru festi sekondarji, allura x-xogħol jiżdied iktar u iktar.

Matul is-sena s-sagristan għandu xi xogħolijiet li bilkemm ninnutawhom, bħal ilesti l-knisja meta jkun hemm xi tieġ jew funeral, imur jixtri l-ostji u l-inbid li mingħajrhom ma tkunx iċċelebrata l-quddiesa u li jżomm il-knisja fl-ordni u nadifa. Sfortunatament ftit li xejn naħsbu f’ dawn l-irqaqat f’ dan il-qasam tax-xogħol, li huma importanti għad li ma jidhrux.

Għajnuna
Aktarx li f’ kull knisja jkun hemm dak il-grupp ta’ volontiera li jagħtu daqqa t’ id fil-ħtiġijiet li jinqalgħu. Spiss naraw gruppi ta’ nisa li darba f’ ġimgħa jmorru jaħslu l-art tal-knisja tagħhom biex b’ hekk tinżamm nadifa kif jixraq. Din il-ħaġa tiddependi mill-post għax hawn fejn in-nisa għandhom is-seftura biex taħslilhom l-art. Dawn mhux sejrin jaħslu l-art tal-knisja zgur!  Bosta rġiel tarahom lesti jgħinu lis-sagristan fil-ħafna qadi li dan ix-xogħol jitlob. Meta naħseb dwar dawn il-persuni li b’ mod volontarju jagħtu daqqa t’ id lis-sagristran, ngħid li għad jiġi żmien li anke dawn jinqatgħu. Bil-ħajja tal-lum il-volontarjat ħa daqqa ta’ ħarta. Mara li tħadem mit-Tnejn sal-Ġimgħa mhux se ssib ħin biex tmur taħsel l-art tal-knisja, il-ħin ħieles li jibqalha tgħaddih mod ieħor. Raġel li jaħdem bis-sahra u meta jasal biex jirtira jsib xi jħajru jibqa’ f’ xogħlu aktarx jippreferi jaqla’ sold żejjed milli jmur jgħin fil-knisja. Tista’ tlumhom lil dawk li jaħsbu hekk?

Nies ta’ kultura
Mill-esperjenza tiegħi, is-sagristan, minħabba n-natura ta’ xogħol tiegħu, jsir bniedem ta’ kultura. Isir punt ta’ riferiment fejn tidħol l-istorja tal-parroċċa jew tagħrif dwar il-knisja parrokkjali. Bilfors li jsir hekk. Kemm se jdum jisma’ stejjer mingħand dak u mingħand l-ieħor? Fl-aħħar jitgħallem sewwa hu wkoll. Naf sagristana li l-istorja tal-post tax-xogħol tagħhom jafuha bl-amment. Dan huwa wkoll frott l-imħabba li dak li jkun ikollu lejn xogħlu u lejn il-post sagru li fih jaħdem. Is-sagristan huwa wkoll il-bniedem li jkun jaf kważi lill-poplu kollu tar-raħal jew belt fejn jaħdem. Bilfors, min jiżżewweġ u min jitgħammed u min jagħmel il-preċett jew il-griżma kif ukoll min imut b’ xi mod, dirett jew indirett,  se jiġi f’ kuntatt mas-sagristan. Mhux ta’ b’ xejn li s-sagristan bħall-professjonisti, xogħolu 24 siegħa kuljum. Is-sagristan dejjem sejjer għax anke meta ma jkunx xogħol, barra t-triq għandu mnejn isib lil xi ħadd jistaqsih xi ħaġa dwar il-knisja. Insomma s-sagristan dejjem sejjer, donnu għandu par roti mhux par saqajn!

Il-mara tas-sagristan
Ma nistgħux ma nsemmux lil dik il-persuna li bla ma tidher ikollha terfa’ l-piż ta’ dan ix-xogħol ukoll. Mart is-sagristan trid tkun mara li taf tieħu paċenzja. Kemm-il darba jkunu mifthemin biex joħorġu u jinqala’ xi ħaġa u l-pjan tagħhom jispiċċa jitwarrab. Din trid tadatta ruħha maċ-ċirkostanzi ta’ xogħol żewġha.

Illum ħsiebi waqa’ fuq dawn il-persuni li fis-skiet ilestu dak kollu li aħna s-saċerdoti neħtieġu biex naħdmu. Nies li ftit naħsbu fihom imma li għandhom rwol importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum. Nies li jaħdmu bla daqq ta’ trombi, tajjeb napprezzaw ħidmiethom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 9 ta' April 2016






venerdì 6 febbraio 2015

Frar Malti

Għadna kif bdejna x-xahar ta’ Frar, l-iqsar xahar tas-sena u għandu mnejn ikun ukoll l-iktar xahar kiesaħ, jew l-aktar xahar li fih tinżel xita. Madanakollu, għandu mnejn li la jkun l-iksaħ xahar u lanqas l-aktar xahar imxarrab. Fi Frar ta’ sentejn ilu, ħabib tiegħi, Taljan, ġie jqatta’ ġimgħa Malta u nzerta ġimgħa mill-aktar bnazzi. Huwa qalli li fir-raħal tiegħu, kważi kważi,  lanqas fis-sajf ma jkollhom temp bnazzi bħalma kellna aħna fi Frar ta’ dik is-sena. Imma Frar xortiħ ħażina u għandu l-fama li huwa xahar krudili: dan huwa Frar Malti, ma toħodlux kopja!

Qwiel
L-aktar qawl Malti magħruf li jsemmi lil dan ix-xahar huwa: ‘Frar fawwar il-bjar’. Ieħor jixbħu huwa ‘Frar fawwar, il-bidwi għana d-dar’ u ieħor ‘Frar fawwar kull xitla nwar’. Imma missirijietna jafu li Frar mhux dejjem l-istess u għalhekk kienu jgħidu ‘Frar daqqa fawwar u daqqa qattar’.
Frar huwa wkoll magħruf għall-kesħa li ħafna drabi tagħmel u għalhekk il-Malti jgħid: ‘Frar jiġbor lil kulħadd id-dar’ u ‘Frar jgħakkes ix-xjuħ u ż-żgħar’.

Karnival u randan
Ix-xahar ta’ Frar iffakkarna wkoll fi żmien il-bluha; il-karnival. Dawn il-jiem huma marbutin ma’ żmien ir-randan, jiem li fihom wieħed jixxala, jiddeverti u jitbaħrad biex imbagħad joqgħod lura fil-ġimgħat ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Il-karnival ta’ Malta ilu li twieled kważi 500 sena. Il-Kavallieri ġabu din id-drawwa magħhom u aħna ħadna l-qofol tagħha u żidna dak li ridna. Kull karnival  li jsir madwar id-dinja għandu xi ħaġa partikolari. F’ dak tagħna, fost oħrajn,  insibu l-Parata, it-tifkira tar-rebħa li l-Kavallieri u l-Maltin wettqu fuq il-qawwiet Torok fl-assedju tal-1565.

Kien hemm xi żmien li l-karnival ta’ Malta kien jiġi ċċelebrat f’ Mejju. Tassew li Frar ġieli kien kattiv ħafna ma’ dawk li jaħdmu s-sena kollha biex jibnu karrijiet trijonfali. Biss illum f’ pajjiżna qegħdin isiru jiem oħrajn fejn jiġi ċċelebrat karnival. Ikun dnub li l-Karnival ta’ Frar xi darba jispiċċa, mill-banda l-oħra huwa dnub ukoll li bosta xogħol u spejjeż jisfaw fix-xejn minħabba r-ras iebsa ta’ Frar.

Frar ukoll jagħti bidu għar-Randan u għalhekk jibbilanċja ftit bejn it-tbaħrid u l-bluha tal-Karnival mas-serjetà tar-randan. Illum ir-randan tilef ħafna minn dak li kien ftit għexieren ta’ snin ilu, is-sawm insejna xi jkun, il-litruġija tal-Knisja inbidlet ukoll u għalhekk hawn min lanqas jintebaħ li nkunu dħalna f’ dan iż-żmien!

Frar ukoll iġib il-bidu ta’ bosta preparamenti għal dak li jsir fil-Ġimgħa Mqaddsa.  Is-sagristan jibda jaħseb għall-purċissjoni u jibda joħroġ vara kull ġimgħa fil-kursija tal-knisja. Il-każini tal-baned jibdew jikkunċertaw il-marċi funebri u d-dilettanti tal-wirjiet tal-vari jibdew jaħdmu sabiex din is-sena l-wirja tagħhom ikollha xi ħaġa differenti minn dik tas-sena l-oħra. 

Wasal Pawlu
Għalina l-Maltin, Frar ifakkarna wkoll fin-nawfraġju ta’ San Pawl fuq xtutna. Żgur li bosta Maltin jogħxew meta jisimgħu l-vers tal-Atti tal-Appostli li jgħid: ‘Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta’ [Atti:28:1]. U għandhom għalfejn. Ftit huma l-pajjiżi li jissemmew fil-Bibbja. Malta waħda minnhom. Mhux il-pajjiżi kollha jistgħu jgħidu li għandhom dan il-privileġġ.

Il-festa ta’ San Pawl nawfragu hija festa għażiża għall-Maltin kollha. Kienet weġgħa ta’ qalb meta dan il-jum kien tneħħa minn festa pubblika. Apparti s-sinifikat reliġjuż tal-festa, nistgħu ngħidu li din hija l-ewwel riferenza bil-miktub għal din id-daqxejn ta’ gżira f’ nofs ta’ baħar. Anke għal dan il-fatt biss, l-10 ta’ Frar għandna nożżuh. Issa jekk Pawlu ta’ Tarsu wasalx Malta fl-10 ta’ Frar jew f’ xi jum ieħor ma jagħmilx differenza, l-importanti huwa s-sinifikat.

Qaddis ieħor
Qaddis ieħor li niftakru f’ dan ix-xahar huwa San Valentinu. Sewwasew fl-14 ta’ Frar il-Knisja tiċċelebra lil San Ċirillu u San Metodju, patruni tal-Ewropa. Hemm qaddis martri wkoll li jiġi ċċelebrat f’ dak il-jum, ismu huwa Valentinu. Illum id-dinja ikkumerċjaliżżat dan il-jum u dawritu f’ jum il-maħbubin.

F’ Malta wkoll Jum San Valentinu sar jum importanti fil-kalendarju tal-maħbubin u aktar u aktar importanti fil-kalendarju tan-negozjanti.

Dan u aktar iseħħ f’ pajjiżna fi Frar, l-iqsar xahar tas-sena. Iva xahar qasir, imma ma huwiex nieqes mill-attivitajiet.


Fr Renò Muscat

dan l-artiklu deher f' In-nazzjon, 7 ta' Frar 2015