Niskanta kif aħna
l-Maltin ninterpretaw dak li nisimgħu jew naqraw kif jidher jew jaqbel lilna.
Jekk tikteb li qegħdin il-ġenna malajr jgħidulek li qed tgħid hekk għax tissimpatizza
mal-gvern tal-ġurnata, jekk tgħid li mhux qegħdin il-ġenna ssib min jgħidlek li
bi kliemek qed tappoġġja l-partit fl-oppożizzjoni. F’kelma waħda tagħmel kif
tagħmel taqlagħha fuq rasek żgur b’xi mod jew ieħor. Aħna l-Maltin donna ma
għandniex fiex nehdew għajr fil-politika u r-reliġjon. Ikteb xi ħaġa jew għid
kelma li jkunu b’xi mod relatati mat-twemmin, mal-Knisja jew ma’ xi deciżjoni
politika u tara l-maltemp riesaq. U x’tip ta’ maltemp ukoll: Tsunami.
Nostalġija u korrezzjoni
Jiena bniedem li nuża
ħafna l-mezzi tal-media soċjali għax naf li llum huma l-aħjar mezzi li juruk
kif qed iħabbat il-polz tad-dinja. Hawnhekk, f’dawn il-mezzi nsibu l-akbar kamp
tal-battalja għalina l-Maltin. Wieħed jikteb abjad, l-ieħor jgħidlu iswed,
waħda tgħid fuq, seħbitha tgħid li isfel u nsomma….. Hawn ukoll insibu ’l dawk
li kull ma jaqraw, jarawh jew minn lenti ta’ partit politiku jew mil-lenti
klerikali jew aktarx dik antiklerikali.
Kont qed inqaleb xi files
u ġew f’idejja xi paġni ta’ gazzetti antiki li kont użajt għat-teżi tiegħi. Irrealizzajt
kemm il-mastheads, (il-mod u l-forma
ta’ kif jiġi ppreżentat l-isem) tal-ġurnali nbiddlu kollha u għalhekk tfajt il-mastheads tal-Orizzont u tan-Nazzjon
(flimkien ma’ tal-Ġens, Leħen is-Sewwa u xi oħrajn) fuq paġna Facebook li ġġib
ritatti antiki ta’ Malta biex tnissel nostalġija u dawn it-tifkiriet ma
jintilfux għal dejjem. Persuna dlonk kitbet li mhux sewwa ndaħħal il-politika
fuq dik il-paġna. L-amministratur wieġeb li jien kont tfajt ritratti ta’
gazzetti minn kull xaqliba politika. Imma dak it-tali baqa’ jinsisti li għamilt
hekk b’mod politiku. Ovvjament ir-ritratti tal-mastheads hemm baqgħu!
Darba minnhom rajt poster
ta’ attività tal-Ġimgħa l-Kbira u kelli suspett li kelma fih kienet miktuba
ħażin u għalhekk tfajt dan il-poster f’paġna fejn jiġi diskuss il-Malti miktub
tajjeb. Kien hemm minn qalli li hemmhekk mhux post li nitfa’ poster ta’ attività
reliġjuża. Mela jien tfajtu hemm biex tiġi l-attività? Tfajtu hemm biex tgħidli
jekk hemmx xi żball grammatikali fih! Imma billi kienet attività reliġjuża kien
hemm lil min tah fastisju.
Il-mixja ta’ Ħamis ix-Xirka
Bħalissa għandna
kontroversja, battibekk, ma nafx x’naqbad insejjaħlu aktar, dwar il-mixja li
għal dawn l-aħħar snin bdiet issir bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira biex
jinġabru fondi għall-għaqda filantropika Puttinu Cares. L-għan huwa nobbli u
min jinnega dan il-fatt ikun qed jiżbalja. Interessanti li din il-mixja ma
tkunx organizzata mill-għaqda Puttinu imma minn individwi oħrajn li jieħdu
l-inizjattiva biex din l-għaqda li tant tagħmel ġid tkun mgħejjuna
finanzjarment.
Il-problema mhux
il-mixja, il-problema mhux il-flus, il-problema mhux l-Għadqa filantropika imma
l-lejl magħżul.
Dan il-punt reġa’ kien
wieħed li nissel bosta diskursati fuq l-internet, fuq Facebook. Min jgħid abjad
u min jgħid iswed. Imma l-griż ma jeżistix? Possibbli ma hemmx soluzzjoni
għaliha din il-problema.
Ikollna nammettu li biex
timxi mill-Mellieħa sal-Isla trid tistrieħ qabel u min jgħid li l-ewwel imur
jagħmel il-visti u wara jmur jagħmel il-mixja jien ngħidlu: “Alla jbierkek u
rodd ħajr lil Alla!” Anke hawn għandna nuqqas ta’ qbil. L-organizzaturi
tal-mixja qed jgħidu li dan huwa l-aktar jum konvenjenti għal din l-attività.
Mill-banda l-oħra l-organizzaturi tal-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-knejjes ma
jistgħux ibiddlu d-data tal-attivitajiet li jsiru f’dan il-lejl, ħaġa li
għalkemm mhux faċli, tista’ ssir mill-grupp tal-mixja. Dan huwa s-sewwa magħruf
u żgur li wara dan l-artiklu se jkun hawn min jittimbrani bħalma ttimbrawni
fil-każ tal-mastheads u f’tal-poster.
Din sikkina taqta’ minn żewġt ixfar. Hemm min jagħmel il-mixja mill-Mellieħa
sal-Isla bħala penitenza u lil dawn nammirahom, imma mill-ġdid penitenza tista’
ssir kuljum mhux f’dak il-lejl biss. Nifhem lill-organizzaturi u nagħmilha ċara
li aktar faċli tgħid milli tagħmel dak li tkun qed tgħid. Mhux dejjem possibbli
tibdel minħabba għadd ta’ problemi tekniċi. Mill-banda l-oħra dawk li huma dilettanti
tal-Ġimgħa l-Kbira u aħna s-saċerdoti ma nkunux nistgħu nattendu għal din
il-mixja. Personalment nixtieq li xi darba nagħmilha, imma ovvjament, dak
il-lejl ma jkunx possibbli għalija. Kemm-il darba d-data tinbidel inħeġġeġ lil
sħabi li nkun preżenti għal din il-mixja bi skop tant nobbli.
Nispera li b’dan li ktibt
illum nitfa’ xi ftit ilma fuq il-ħuġġiega u mhux inkun qed nitfa’ l-melħ fuq il-ferita, għax aħna
l-Maltin għandna ħabta nieħdu fastiju jew noffendu ruħna meta xi proxxmu juri
l-idea tiegħu.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento