Visualizzazione post con etichetta mewt. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta mewt. Mostra tutti i post

sabato 5 novembre 2022

Requiem Aeternum

Ix-xahar ta’ Novembru jfakkarna b’mod speċjali f’dawl l-għeżież tagħna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. F’dan ix-xahar bosta jkunu dawk li jżuru l-oqbra fejn ikun hemm il-fdalijiet ta’ qrabathom jew ħbiebhom mejtin. Forsi nistaqsu x’sens fiha li żżur post fejn hemm biss fdalijiet bla ħajja? Aħna l-Insara nemmnu li l-bniedem huwa maħluq bħala ġisem u ruħ; il-ġisem li jintemm u r-ruħ li tibqa’ għal dejjem. Għalhekk inżuru l-oqbra, nixgħelu x-xemgħa u npoġġu l-fjuri għax it-twemmin tagħna jgħidilna li xi darba f’dak il-fdal ta’ taħt ix-xorok tal-qabar kien hemm ruħ li llum qed tgħix il-ħajja li għaliha nħalqet. Nemmnu wkoll li fl-aħħar taż-żminijet din ir-ruħ għad terġa’ titlibbes il-ġisem, mhux aktar dgħajjef ta’ bniedem imma ġisem glorjuż. Il-fidi Nisranija tat dimensjoni ġdida anke lill-mewt. Fil-prefazju tal-quddiesa tal-mejtin ngħidu li “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel.” Interessanti wkoll il-fatt li sa żmien il-Kristjaneżmu, il-post tad-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma ġejja mill-Grieg antik: νεκρόπολις (necropolis) li tfisser il-belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu dan il-post Ċimiterju li wkoll ġejja mill-Grieg: κοιμητήριον (koimeterion) li tfisser post fejn wieħed jorqod jew jisterieħ. Hawn naraw id-differenza mhux biss fl-isem bejn id-dinja Pagana u dik Kristjana. Din id-differenza fl-isem turi wkoll id-diffeenza fit-twemmin.

Il-qima tagħna lejn dawk li llum ma għadhomx magħna ma tieqafx biss biż-żjajjar fiċ-ċimiterji. Isir bosta talb u quddies għalihom. Il-Knisja Kattolika għandha talba speċifika għall-erwieħ, dik li nsejħulha r-Requiem Aeternum.

It-talba

It-talba għall-mistrieħ ta’ dejjem bdiet mit-tradizzjoni tal-quddiesa tal-mejtin. Din il-quddiesa kienet għal dawk kollha li mietu sew jekk tkun quddiesa ta’ funeral kif ukoll quddiesa b’suffraġġji għal ruħ xi ħadd. Illum ma għadhiex hekk. Fir-rit liturġiku qadim din il-quddiesa dejjem kienet tibda b’dan il-kliem: Requiem aeternam dona ei, Domine… Billi kienet dejjem l-istess u dejjem bil-Latin in-nies bdiet tuża dan il-kliem ukoll għat-talb għall-mejtin barra l-quddiesa wkoll. Imma issa tajjeb immorru aktar bogħod u naraw minn fejn oriġina dan l-introjtu tal-quddiesa.

Kien il-ktieb apokrafu ta’ Eżdra, sewwasew ir-raba’ wieħed, li minnu ġie meħud il-kliem ta’ dan l-introjtu. Ktieb apokrafu, jew ktieb li ma huwiex magħdud bħala parti mill-Bibbja, ma jfissirx li hu xi ktieb ħażin imma sempliċiment huwa ktieb li ma huwiex meqjus baħala l-Kelma ta’ Alla. Hemm bosta kotba apokrafi li minnhom ħadna bosta tagħrif bħal ngħidu aħna isem il-Ġenituri tal-Madonna. Ġwakkin u Anna ma nsibuhom imkien fil-kotba mqaddsa imma niltaqgħu magħhom fl-Evanġelju apokrafu ta’ San Ġakbu. Intant, waqt li l-ewwel u t-tieni ktieb ta’ Eżdra (it-tieni wieħed jissejjaħ Neħemija) huma kotba kanoniċi, li jiffurmaw parti mill-Bibbja, it-tielet u r-raba’ wieħed ma humiex.

F’dan il-ktieb insibu lill-awtur iwissi lill-poplu Lhudi biex jistenna lir-ragħaj tiegħu li ġej biex jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u d-dawl etern.

“Dan ngħidilkom o ġnus, isimgħu u ifhmu: stennew lir-ragħaj tagħkom għax huwa jagħtikom id-dawl ta’ dejjem (requiem aeternitatis), għax dak li ġej fl-aħħar taż-żminijiet huwa fil-qrib. Kunu lesti għall-premju tas-saltna għaliex id-dawl ta’ dejjem (lux perpetua) jiddi fuqkom għal dejjem.” [4 Eżdra 2:34-35]

Propju dan huwa li nitolbu fit-talba tar-Requiem Aeternum. Il-kliem requiem aeternitatis u lux perpetua juruna li din it-talba ħarġet minn dan il-ktieb li aktarx inkiteb madwar ħames mitt sena qabel Kristu.

Mistrieħ u dawl ta’ dejjem

Minkejja li t-talba għall-erwieħ għandha l-għeruq tagħha fi ktieb apokrafu hemm fejn f’kotba tal-Bibbja nsibu riferiment għal dan. Fil-Bibbja il-mewt u l-mistrieħ ta’ dejjem huma sinonimi.

Fil-ktieb ta’ Bin Sirak insibu hekk: “Aħjar il-mewt minn ħajja ta’ mrar, u l-mistrieħ ta’ dejjem minn marda għal għomrok.” [Sir:30:17]

Għall-Insara il-mewt mhix sempliċi raqda imma hija stat fejn jintemm kull uġigħ fejn wieħed jista’ jistrieħ mill-mard u l-miżerja ta’ din id-dinja.

San Pawl jgħidilna: “Għax min jidħol fil-mistrieħ ta' Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.” [Lhud:4:10] Hawn forsi l-Appostlu qed jirreferi għall-mistrieħ f’Jum il-Mulej imma nistgħu nifhmu wkoll li biex wieħed jidħol fil-mistrieħ ta’ Alla jrid ikun ma’ Alla.

Fil-Ktieb tal-Għerf insibu riferiment għal Alla bħala d-dawl etern u l-għerf li huwa l-Iben: “Hu raġġ tad-dawl ta' dejjem, mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta' Alla, u xbieha tat-tjieba tiegħu.” [Għerf:7:26] San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid li Alla huwa l-għajn tad-dawl: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir.” [Ġak:1:17]

Minn dan nistgħu naslu biex ngħidu li l-ġenna hija post ta’ mistrieħ u dawl. Għalhekk kull meta nitolbu għall-erwieħ inkunu qed nitolbu biex dawn jidħlu għal dejjem fil-preżenza ta’ Alla li bħalma jgħid il-Profeta Isaija: “Ma ddawwlekx aktar ix-xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl, għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek.” [Is:60:19]


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Novembru 2022



venerdì 15 febbraio 2019

Vjaġġ


Grazzi għall-media soċjali li għandna llum, il-kuntatt bejnietna sar faċli u sirna nistgħu nżommu qrib anke ma’ dawk in-nies li fiżikament ikunu jinsabu bogħod minna. Dawn il-mezzi llum saru parti minn ħajjitna u lanqas nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna ngħixu f’dinja bla mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Fost ħafna messaġġi li rċevejt lejn tmiem is-sena li għaddiet, messaġġi ta’ awguri u x’naf jien, irċivejt wieħed li tassew laqatni u nixtieq naqsam il-ħsieb tiegħu magħkom. Dan il-messaġġ kien jismu “The train of life” -  il-ferrovija tal-ħajja. Ħajjitna f’dan il-messaġġ tixxebbaħ ma’ vjaġġ ta’ ferrovija.

Il-messaġġ
Il-messaġġ kien bl-Ingliż iżda jien ser ngħaddih lilkom bil-Malti. Dan kien jgħid hekk: “Il-ħajja hija bħal vjaġġ fuq ferrovija. . . Bl-istazzjonijiet tiegħu. . . bil-bdil fir-rotta tiegħu. . . u kultant anke bl-inċidenti tiegħu. Mat-twelid tagħna aħna nirkbu din il-ferrovija u hemm niltaqgħu mal-ġenituri tagħna, li naħsbu li se jibqgħu ħdejna tul il-vjaġġ kollu. Madanakollu jasal stazzjon fejn l-omm u l-missier tagħna jinżlu u jħalluna nivjaġġaw għal rasna fuq il-ferrovija tal-ħajja. Mat-triq jitilgħu fuq il-ferrovija xi persuni li jsiru speċjali għalina bħal ngħidu aħna ħutna, tfal oħrajn, ħbieb kif ukoll dawk li nsiru nħobbu u naqsmu ħajjitna magħhom, isiru l-maħbubin tagħna. Ħafna jinżlu minn fuq il-ferrovija u jħallulna warajhom vojt kbir li xejn ma jista’ jimlih. Xi wħud jinżlu f’xi stazzjon bla ma nittendu u n-nuqqas tagħhom ma tantx jaffetwana. Din ir-rikba fil-ferrovija kienet taħlita ta’ ferħ, ta’ niket, ta’ fatansiji, ta’ stennijiet, ta’ “Bonġu”, ta’ “Saħħa”, ta’ tislim.

Vjaġġ suċċess iseħħ billi l-passiġġier ikollu relazzjoni mill-aħjar mal-passiġġieri l-oħra. Biex isir dan trid tagħmel ħiltek biex tagħti l-aħjar li tista’ lill-oħrajn. Il-misteru l-kbir fuq din il-ferrovija huwa li ħadd minna ma jaf f’liema stazzjon ikun imissu jinżel għalhekk jaqbel li l-vjaġġ tal-ħajja ngħadduh bl-aħjar mod possibbli – bl-imħabba, bil-maħfra, bl-għoti u bil-qsim ta’ dak li jkollna mal-oħrajn.
Meta jasal il-waqt li aħna nqumu minn bilqegħda biex ninżlu minn fuq il-ferrovija u nħallu l-post vojt, għandna nħallu warajna tifkiriet mill-isbaħ lil dawk li jkunu ser jibqgħu jivjaġġaw fuq il-ferrovija tal-ħajja. Ma għandniex ninsew inroddu ħajr lill-ħallieq li tana l-ħajja u l-possibilità li nivjaġġaw fuq din il-ferrovija.”

Dan kien il-messaġġ; qasir imma fih wieħed x’jifhem u x’jixtarr!

Fit-traffiku
Mhux sejjer nikteb dwar it-traffiku tal-karozzi li għandna Malta, li biex inkun ġust ġieli rajt bħalu jew agħar minnu anke barra minn Malta, imma qed nirreferi għat-traffiku tal-ħajja. Ladarba qed nistħajlu l-ħajja bħala vjaġġ, hija ħaġa minn awl id-dinja li xi drabi se ninqabdu fit-traffiku. Veru li l-ferrovija ma tinqabadx fit-traffiku imma ġieli jkollha xi dewmien ukoll.

Fit-traffiku tal-ħajja ninqabdu meta nintrebħu mix-xogħol jew minn attivitajiet li ma jħallulniex mexjin bil-kwiet. Kultant xi attività tant toħdilna enerġija li nispiċċaw fi stress. Mhux qed nirreferi għax-xogħol li minnu naqilgħu l-għixien tagħna imma ġieli nidħlu għal xi biċċa xogħol, xi attività fil-ħin liberu tagħna, li minħabba n-natura tagħna tkun titlob minna ħafna ħin u sforzi tant li nispiċċaw nintrikbu minnha u ninsew li bdejna dik il-biċċa xogħol bħala mogħdija ta’ żmien jew bħala volontarjat. Il-volontarjat huwa vast ħafna u mhux bilfors ikun jinvolvi xi għaqda ta’ benifiċenza. Biżżejjed tkun membru f’kumitat ta’ tim tal-futbol jew ta’ każin tal-banda jew ta’ xi għaqda oħra, il-ħin li toffri għal dik l-għaqda jista’ jitqies bħala volontarjat għax tkun qed tagħmlu mhux bħala xogħol għall-qliegħ ta’ flus imma minn qalbek għall-għaqda li tkun tħobb. Għalhekk kultant nintilfu fit-traffiku tal-ħajja, jew fi kliem ieħor nitgħabbew wisq b’xi ħaġa li nkunu qed nagħmlu u nispiċċaw ninsew lilna nfusna bil-konsegwenza li nispiċċaw fi stress. Dan huwa t-traffiku li qed insemmi biex nibqgħu bit-tema tal-vjaġġ tal-ħajja.

Min bagħatli l-messaġġ
Fil-bidu għiditilkom li dan il-messaġġ irċivejtu fuq mezz ta’ media soċjali imma ma semmejtx min għand min irċivejtu. Ħabiba antika tiegħi, konna kollegi naħdmu skrivanija ma’ skrivanija. Kienet hi li bagħtitli dan il-messaġġ qawwi wara li jiem qabel kont mexxejt il-funeral ta’ ommha. Kemm jista’ jkun ta’ serħan il-qalb messaġġ bħal dan! Meta tħares lejn il-ħajja bħala vjaġġ mhux tiddispra meta jasal l-istazzjon fejn ikollok tħalli t-tren imma tirrassenja ruħek u tħalli bil-qalb it-tajba lill-passiġġieri l-oħra, fosthom l-ulied, l-aħwa u dawk l-aktar għeżież. Mhux faċli ħa nifthemu, imma possibbli. Meta l-ħajja tqsiha bħala vjaġġ fuq ferrovija, taf u tistenna dejjem l-istazzjon li fih tkun trid tinżel biex tħalli l-ferrovija sejra fi triqitha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  16 ta' frar 2019


sabato 17 novembre 2018

Il-mewt it-tajba


Fil-ktieb tiegħi “Ritratti ta’ Tfuliti” meta kont qed nikteb dwar id-dar tagħna semmejt dan li ġej : “Il-ħitan tal-kamra tan-nanna huma miksijin bi nkwatri ta’ qaddisin. Il-wiċċ ta’ Kristu, il-mewt it-tajba u l-mewt il-ħażina u ma nafx ta’ kemm-il qaddis ieħor. L-hena tagħha jkollha dawn l-inkwatri tal-qaddisin biex iħarsuha.” (paġna 17). Il-kwadru li n-nanna kienet issejjaħ Il-mewt it-tajba kien jidher fih raġel qed imut b’saċerdot ħdejh jamministralu l-aħħar sagramenti, bil-familja ħdejh titlob u b’Ġesù u Marija jistennewh fis-sema. Ovvjament dak tal-mewt il-ħażina kien bil-kuntrarju.
Dan l-aħħar il-Papa Franġisku tkellem dwar il-mewt it-tajba fi ktieb li ppubblika x-xahar li għadda Don Marco Pozza (Marco Pozza (ed) Papa Franġisku, Ave Maria, Rizzoli, 2018)  u bla ma ridt ftakart fil-kwadru tan-nanna u f’dak li kont ktibt fil-ktieb tiegħi.

X’qal Papa Franġisku
Il-Papa Bergoglio qal li huwa għamel l-eżerċiżżju tal-mewt it-tajba u għalhekk seta’ jirrakkonta fiex tikkonsisti. Fil-prattika din hija ħaġa fejn dak li jkun jipprova jpoġġi lilu nnifsu fil-waqt meta jkun sejjer iħalli din id-dinja biex imur għall-oħra, fejn dak li jkun jimmaġina li ġismu sejjer iħalli lir-ruħ toħroġ minn ġewwa fih.

Dwar dan is-suġġett il-Papa attwali tkellem ukoll waqt waħda mill-omeliji ġewwa d-dar Santa Marta fix-xahar ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Huwa kien qal li meta wieħed jaħseb fuq it-tmiem tad-dinja u fuq it-tmiem tiegħu stess ikun qiegħed iġib quddiem għajnejh  verità li lkoll irridu ngħaddu minnha. Huwa kien qed jipprietka fuq l-Evanġelju ta’ meta staqsew lil Ġesù wara l-mewt armla li tkun iżżewġet seba’ darbiet, mart min tkun u huwa qalilhom li fil-ħajja ta’ dejjem li jżewġu u lanqas jiżżewġu. Dakinhar il-papa kien qal li ma għandniex naħsbu li diġà qegħdin fl-eternità u għalhekk qegħdin f’postna. Din hija realtà, il-punt tal-mewt irridu ngħaddu minnu kollha kemm aħna, issa jekk dan il-punt ikunx sabiħ jew ikrah jiddependi mnn kull wieħed u waħda minnha, kulħadd responsabbli għal dan il-waqt li xi darba jrid jasal għalih ukoll.

Ikollna nammettu li l-Papa għandu ħsibijiet tassew għoljin dwar dan l-argument li spiss nippruvaw naħarbu milli niddiskutu jew naħsbu dwaru!

Nibżgħu mill-mewt
Aktarx li dan il-pass ibeżża’ lil bosta minna. Forsi aktar ma nkun għadna żgħar aktar nibżgħu minn dan il-pass għax quddiemna jkollna triq twila x’nimxu u ma nkunux irridu nieqfu f’nofsha. Il-kbar aktarx ikunu aktar preparati għaliha għaliex it-triq ikunu mxew biċċa sewwa minnha u jkunu jafu li xi darba jew oħra jridu jgħaddu għal triq oħra. Imma xorta waħda ħadd ma jistenna l-mewt b’idejh miftuħa, jew normalment ħadd ma jieħu gost jiltaqa’ magħha. Ġesù stess quddiem il-mewt tbeżża’ minkejja li kien Alla magħmul bniedem. Tabilħaqq il-mewt li kien sejjer għaliha kienet waħda vjolenti, passjoni. Fl-Evanġelju skont San Ġwann insibu dawn il-kelmiet: “Missier, eħlisni minn din is-siegħa?” [Ġw:12:27].

Għalhekk il-Knisja matul ix-xahar ta’ Novembru tħeġġiġna niftakru f’ dawk li għaddew qabilna minn din id-dinja u fl-istess waqt tistedinna niftakru wkoll li xi darba aħna wkoll irridu nissieħbu ma’ dawk li mietu. Il-mewt minkejja li hija waqt li ħadd ma jistenna hija pass li lkoll irridu nagħmlu u għalhekk ma rridux ninsew li postna mhux f’din id-dinja, xi darba rridu nintemmu.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 18 ta' Novembru 2018

domenica 4 novembre 2018

Novembru: ix-xahar tal-erwieħ


Aħna l-bnedmin nafu dak li nafu għaliex xi darba nkunu staqsejna u skont it-tweġibiet li ġejna mogħtijin aħna bnejna bagalja ta’ tagħrif li biż-żmien jinbidel f’għerf.

Minn meta nibdew nużaw il-fakultà tar-raġuni hija ħaġa normali li nibdew nistaqsu: x’inhi dik il-ħaġa, għalfejn dak l-oġġett, min hu dak il-bniedem, x’jagħmel dak it-tali, kif dik u kif l-oħra. Bil-mod il-mod it-tagħrif li nkisbu jgħallimna bosta ħwejjeġ li l-ebda skola jew università ma tgħallimhom, imma nitgħallmuhom mill-università tal-ħajja. Għalhekk ngħidu spiss li l-aqwa għalliema hija l-ħajja stess.

Aħna nikbru u ninbidlu. Ma nibqgħux aktar tfal żgħar imma nsiru adolexxenti, imbgħad żgħażagħ, adulti sakemm insiru xjuħ. U qed nuża l-kelma xjuħ mhux anzjani għax minbarra li hija l-kelma tabilħaqq Maltija, fiha wkoll sens ta’ wieħed għaref. Fi żmien Kristu konna nsibu ix-xjuħ tal-poplu, dawk li saru għorrief permezz taż-żmien u forsi gradwaw mill-università tal-ħajja. Il-kelma xiħ ma hijiex kelma dispreġġjattiva, lanqas xejn imma fiha sens ta’ rispett u gratitudni lejn min laħaq mexa ftit sewwa fit-triq tal-ħajja.

Il-ħajja hija vjaġġ
San Pawl jgħidilna li “aħna pajżana tas-sema pajjiżna” (Fil 3, 20). Mela fi kliem ieħor postna mhux f’din id-dinja. Mela allura fejn? F’waħda mid-diski tas-snin tmenin, jidhirli tal-grupp Aerosmith, kien hemm il-kliem “Life is a journey not a destination”, toqgħodux fuqi dwar il-grupp imma ħudu s-sens ta’ din is-sentenza u qabbluha ma’ dak li qalilna San Pawl. Jidher li kemm il-qaddis kif ukoll il-kittieb tad-diska jaqblu bejniethom li bħalma jgħid il-Malti, b’riħ jew b’riefnu minn din id-dinja rridu nsiefru! Irridu jew ma rridux xi darba trid tmissna din ix-xorti wkoll. Imma fejn sa mmorru? Din hija mistoqsija li nagħmlu aħna l-kbar u li ħafna drabi nippruvaw insibu tweġiba għaliha aħna stess. Il-bniedem huwa maħluq biex jgħix u allura l-mewt tidher bħala kontradizzjoni, imma billi l-bniedem huwa annimal superjuri għax għandu parti spiritwali ġewwa fih, meta l-ġisem jintemm, dik il-parti spiritwali ma jistax ikun li tintemm, għax hija spirtu. Dik il-parti spiritwali tagħna tibqa’ tgħix għal dejjem u għalhekk min jgħid li l-bniedem jintemm fix-xejn mal-mewt, ikun qiegħed ipoġġi lill-bniedem fuq l-istess livell ta’ annimal irrazzjonali bħall-kelb, il-qattus, il-ħmar u l-qasqus. Iżda l-bniedem għax għandu parti spiritwali ġewwa fih huwa bil-wisq aqwa minn dawn l-annimali. Biss biss il-fatt li inti qed taqra dak li ktibt jiena diġà jpoġġik fi grad bil-wisq superjuri għall-annimali. Liema annimal kapċi jaqra l-gazzetta? L-ebda wieħed. Aħseb u ara jitla’ fuq il-qamar, itawwal il-ħajja bil-mediċini li jiskopri, joħloq intelliġenza artifiċali…. U nistgħu nibqgħu sejrin.

Mhux it-tmiem
Għalhekk fix-xahar ta’ Novembru niftakru fil-mejtin tagħna għax nemmnu li l-parti spiritwali li kellhom issa ħarġet mill-ġisem li kien iżommu fih u sab il-qofol, il-milja tal-eżistenza tiegħu. Ma rridx nuża kliem bħal “ruħ, ġenna, sema, salvazzjoni” eċċetra għaliex dawn huma termini purament reliġjużi, iżda l-mewt ma tmissx biss lil min jemmen, dak huwa pass li kulħadd irid jagħmlu. Temmen jew ma temminx ikollok tammetti li inti aqwa minn annimal kwalunkwe u dan għax għandek ir-raġuni li hija l-parti spiritwali ġewwa fik. Kulħadd isejħilha li jrid lil din il-fakultà, imma ħadd ma jista’ jinnega li teżisti.

Għalhekk niftakru fil-mejtin tagħna fix-xahar ta’ Novembru u nsejħulhom “erwieħ”għax nafu li minkejja li l-ġisem jitmermer u jsir trab, l-ispirtu ta’ ġol-ġisem jibqa’ għal dejjem.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 4 ta' Novembru 2018


venerdì 30 marzo 2018

Bejn mewt u ħajja


Sibt il-Għid huwa jum li minn dejjem affaxxinani għax inħoss sentiment li mhux faċli nfissru bil-kliem aħseb u ara bil-kitba! Ma nafx jekk tħossux l-istess sentiment bħali. Ovvajment qed nirreferi għal dawk li jħaddnu l-istess twemmin reliġjuż tiegħi għax għal min ma jemminx bħali dan huwa jum bħall-kumplament tas-sena.

Għall-Insara
Għall-Insara Sibt il-Għid huwa l-jum li ra l-akbar ġrajja sseħħ, bniedem mejjet jerġa’ jieħu l-ħajja, bniedem ikkundannat għall-mewt mal-agħar kriminali, jirxoxta mill-mewt u jibqa’ mfakkar eluf ta’ snin wara. Sibt il-Għid huwa jum speċjali għax jagħti anke tifsira lill-mewt, jgħaddi bħal passaġġ mill-mewt qerrieda għall-ħajja rebbieħa, mill-firda għall-għaqda, mid-disperazzjoni għall-hena, mid-dlam għad-dawl.

Il-mewt
Għalina l-bnedmin il-mewt tidher bħala tmiem, telfa, disperazzjoni, firda u dak kollu li ma nixtiequx. Narawha hekk għax il-bniedem maħluq biex jgħix u mhux biex imut, imma liema ħajja tassew aħna maħluqin għaliha? Il-fidi tagħna tgħallimna li aħna ma konniex maħluqin biex nibqgħu ngħixu f’din id-dinja imma biex kif tintemm il-ħajja fuq din l-art tibda oħra differenti, ħajja li l-moħħ tagħna ma jistax jifhem kif tista’ tkun.

Dejjem laqtitni l-frażi: “Life is a journey not a destiantion” Il-ħajja ma hijiex post li fih għandna naslu u nibqgħu imma hija vjaġġ li twassalna f’punt li rridu jew ma rridux ilkoll irridu naslu fih fejn ninħallu minn kull rabta li jista’ jkollna ma’ din id-dinja. Jekk toqgħod taħseb ftit tinduna li anke tarbija tat-twelid xi darba trid tkun katavru! Kemm qbadt argument ikrah illum, imma dan għamiltu biex wara li ngħaddu mid-dlam tal-mewt, napprezzaw aktar id-dawl li jġib miegħu Sibt il-Għid.

Dawl
Il-liturġija tal-Knisja Kattolika fil-lejl tal-Għid toffri mumenti tassew interessanti. Il-funzjoni fil-knisja tibda fid-dlam. Waqt li l-knisja tkun mudlama isir it-tberik tan-nar. In-nar jagħtina d-dawl, u mhux biss, in-nar huwa ta’ għajnuna kbira għalina l-bnedmin. L-annimali jibżgħu min-nar u jaħarbu minnu iżda l-bniedem jużah biex idawwal daru, isajjar l-ikel tiegħu u jsaħħan il-postijiet fejn jgħix. Din hija waħda mid-differenzi li hemm bejn l-annimal bla raġuni u l-bniedem, din hija waħda mill-provi li l-bniedem huwa superjuri għal kull speċi ta’ annimal ieħor. Fil-funzjoni ta’ Sibt il-Għid anke d-dawl tal-knisja jinxtegħel bil-mod u minn knisja mudlama ftit ftit tiġi mixgħula kollha biex tħabbar il-ferħ ta’ dan il-lejl hekk speċjali, id-dawl juri li mill-mewt għaddejna għall-ħajja.

Illum il-ġurnata biddilna anke r-rutina tal-ħajja tagħna għax għandna d-dawl elettriku. Sa mitt sena ilu ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li jaħdem bil-lejl, l-ebda student ma kien jibqa’ sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu jikteb u jistudja għax id-dawl kien skars. Bid-dawl elettriku biddilna ħajjitna u llum sirna nistgħu nagħmlu li rridu matul il-lejl għax għandna l-kumdità tad-dawl.

Żarmar u armar
Fl-għodwa tal-lum ikun hemm ħafna attività fil-knejjes tagħna, speċjalment f’dawk li bħall-bieraħ jorganizzaw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Filgħodu kollox irid isib postu, statwi, ilbies u aċċessorji oħra, u dak kollu li jinvolvu dawn l-attivitajiet. Il-knisja trid titnaddaf u tintrama għall-Għid. Min għandu l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt irid jarmaha għax għada trid toħroġ iddur fit-toroq tal-belt jew raħal.

Hawn tajjeb nuru l-apprezzament tagħna lil dawk il-bosta persuni li jaħdmu b’mod volontarju biex l-attivitajiet li jsiru fil-knejjes tagħna f’dawn il-jiem ikunu jistgħu jsiru. Żgur li mingħajr l-għajnuna ta’ dawn id-dilettanti l-attivitajiet li jkollna f’dawn il-festi jkunu bil-wisq inqas. Kif tista’ torganizza dak kollu mingħajr id-daqqa ta’ id tal-volontier? Nassigurakom li kieku kellna nħallsu lil dawk li jmiddu idejhom għax-xogħol f’dawn il-jiem, kieku ma naslux biex nagħmlu kwart ta’ dak li nagħmlu, imma grazzi għad-delizzju u l-imħabba lejn il-kultura tagħna, dawn l-attivitajiet jibqgħu jsiru minn sena għal oħra. Pubblikamnet ngħid grazzi lil dawk kollha li jgħinu. Mingħajr l-għajuna tagħkom inbatu ħafna u nitilfu dak li writna mingħand missirijietna. Mingħajr il-ħeġġa tagħkom minflok ngħaddu mill-mewt għall-ħajja nispiċċaw immorru mill-ħajja għall-mewt.

Kemm ħsibijiet f’dan il-jum partikolari. Sibt il-Għid fejn minkejja li għal xi wħud huwa jum bħall-oħrajn, għal min jemmen dan huwa jum speċjali, jum li biddel ix-xorti tal-bniedem. Għal min hu dilettant tal-kultura u d-drawwiet ta’ pajjiżna huwa jum ta’ ħidma li jisbaħ fid-dlam imma li jsib it-tmiem tiegħu mdawwal b’dawl kbir.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 31 ta' Marzu 2018



venerdì 3 aprile 2015

Bejn il-mewt u l-ħajja


Ħsibijiet li ma għandhomx x’ jaqsmu ma’ Sibt il-Għid

Sibt il-Għid huwa jum partikolari ħafna, jum li għall-Knisja Kattolika u għal dawk li huma membri tagħha, jibda bin-niket u jintemm bil-ferħ. Dan huwa jum li jibda bil-ħsieb tad-difna ta’ Ġesù imma jintemm bil-kant tal-Halleluljah fit-tifkira tal-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Dan huwa jum li mill-mewt jgħaddina għall-ħajja. Imma l-jum tal-lum ġabli f’ moħħi ħwejjeġ oħra li ma għandhomx x’ jaqsmu mal-Knisja li wkoll għaddew mill-mewt għall-ħajja.

Mill-mewt għall-ħajja jew mill-ħajja għall-mewt?
Aktarx li aktar tagħmel sens il-frażi “mill-ħajja għall-mewt” milli bil-kontra għaliex il-loġika, in-natura, ir-raġuni hekk jgħidulna li xejn ma huwa etern u kollox jispiċċa, kollox jgħaddi mill-ħajja għall-mewt. Imma ġieli nsibu rwieħna quddiem ħwejjeġ li jkunu mietu, ikunu spiċċaw u llum reġgħu ħadu l-ħajja. Xi rrid ngħid b’ dan kollu?

Nista’ nġib bosta eżempji ta’ drawwiet jew ħwejjeġ li kienu mietu u li lum reġgħu rxuxtaw, imma sejjer insemmi ftit biss. Fi tfuliti il-ħarġa tagħna kienet tkun sas-sala taċ-ċinema. Niftakar żewġ swali taċ-ċinema f’ raħal tfuliti, Ħal Qormi; l-Amazon u l-Warner. Meta kbirt ftit ieħor kont bdejt immur nara xi film il-Belt. Biss inbidlet il-mentalità taż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien u ma bqajniex immorru t-talkies u bdejna nifrekwentaw id-discos. Dan il-fatt wassal biex nistgħu ngħidu li s-swali taċ-ċinema kollha f’ pajjiżna għalqu. Iċ-ċinema f’ Malta mietet. Għaddew ftit snin mhux ħażin u kien hemm min investa fi swali moderni taċ-ċinema u l-Maltin reġgħu bdew imorru jaraw xi film. Dan il-fenomenu ma seħħx biss f’ Malta imma madwar id-dinja kollha.

Nostalġija
Kull ġenerazzjoni tħoss nostalġija għal dak li kien jeżisti fi ċkunitha jew żgħożitha. Tisma’ ċerti xjuh jitkellmu fuq iz-zuntier, fil-pjazza jew f’ xi każin tisħajjilhom li żmienhom kien is-snin tad-deheb. Jibdew isemmu karozzi tas-snin sittin, diski tal-Beatles u ta’ Elvis Presley, artisti li twieldu seklu ilu u elf ħaġa oħra. Dawn bi kliemhom ipinġu żmien tfulithom bħala l-isbaħ li qatt kien hawn fid-dinja. Ma tlumhomx għax it-tfulija hija l-isbaħ żmien tista’ tgħid għal kulħadd. Dawn it-talin jitkellmu b’ nostalġija kbira, ikunu jixtiequ li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum iduqu ftit mill-benna li gawdew huma meta kienu għadhom żgħar. Huwa frott tan-nostalġija li kultant ċerti ħwejjeġ jerġgħu jieħdu l-ħajja.

Il-Premier
Dan l-aħħar il-Cafè Premier tal-Belt kien fuq l-aħbarijiet, mhux minħabba n-nostalġija imma fuq kwistjoni politika. Jien ma nidħolx fi kwistjonijiet politiċi, dan mhux ħobz għall-snieni. Imma l-Premier tal-Belt kien post fejn bosta Maltin kienu jqattgħu sigħat jiddevertu u għalhekk qiegħed insemmih.
Ftit jiem ilu kont tieġ u fis-sala kien hemm jazz band. Bdejt nitkellem ma’ persuna li kienet ħdejja u għidtilha li lum il-jazz bands kważi spiċċaw. Kien hemm żmien li ma tmurx f’ restaurant jew night club li ma jkunx hemm xi jazz band iddoqq. Minħabba l-ispejjeż dawn spiċċaw. Il-persuna li kont qiegħed nitkellem magħha kellha xi għoxrin sena aktar minni u dlonk semmietli l-Premier. Jien dan il-post ma niftakrux fl-aqwa tiegħu, anzi nista’ ngħid li f’ żgħożiti l-Belt Valletta kien insterqilha l-faxxinu tagħha minn Paceville u kienet spiċċat belt tal-baħħ. Minkejja li l-Premier għalaq, xorta waħda l-Belt Valletta għaddiet mill-mewt għall-ħajja. F’ żgħożiti l-Belt kienet saret  post fejn tista’ toqtol u tidfen. Illum mhux hekk! Illum tidħol sal-Belt u ssib divertiment kbir.

Il-Jazz Bands
Ladarba semmejt il-jazz bands u kif dawn donnhom għebu minn wiċċ id-dinja, nixtieq insemmi xi ħaġa li sibt ruħi quddiemha dan l-aħħar. Fi knisja partikolari f’ pajjiżna hemm saċerdot li jagħmel quddiesa kull nhar ta’ Ħadd li għaliha jattendu mijiet ta’ żgħażagħ u anke mhux tant żgħażagħ. F’ din il-quddiesa jkun hemm grupp ta’ mużiċisti li janimawha. Ovvajment la jkun hemm il-mużiċisti, jkun hemm l-istruemnti, Il-kitarri, il-pjanu elettroniku u t-tnabar. Ovvjamnet mhux kulħadd jaqbel ma’ quddiesa animata minn Jazz Band imma aħjar nirringrazzjaw lil Alla li hemm mijiet ta’ Maltin li jmorru jisimgħu din il-quddiesa partikolari nhar ta’ Ħadd! Għandu mnejn jekk ma jisimgħux dik il-quddiesa dawn it-talin jispiċċaw ma jisimgħux quddies fil-jum iddedikat lill-Mulej. Għandu mnejn biss-saħħa ta’ dik il-jazz band hemm erwieħ li qegħdin jersqu lejn Alla. Anke mil-lat kulturali, nieħdu gost li hemm banda jazz li għadha ħajja. Dawn it-tip ta’ gruppi mużikali kienu mietu u bis-saħħa ta’ inizjattiva ta’ xi ħadd kien hemm gruppi li għaddew mill-mewt għall-ħajja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 4 ta' April 2015




sabato 18 gennaio 2014

Il-ġurnalisti

Aktar minn mitt ġurnalist maqtul waqt ħidmietu fl-2013


Kemm hija ħaġa sabiħa li tqum filgħodu u mal-kafé tqalleb il-paġni tal-gazzetta biex tara x’ ġara fid-dinja, titlaq lejn ix-xogħol u fil-karozza tixgħel ir-radju u tisma’ l-aħbarijiet. Fi ftit ħin ħieles tidħol fuq l-internet u tara x’inhu jiġri ’l hemm u ’l hawn. Imma kemm minna li ta’ kuljum jagħmlu dan kollu daqs li kieku kien ritwal sagru, jiġihom f’ moħħom li wara kull aħbar li tixxandar ikun hemm sensiela ta’ bnedmin li jaħdmu biex dik l-aħbar tasal għandna? Bnedmin tad-demm u l-laħam bħalna li permezz ta’ aġenziji jew mezzi oħra iżommuna nfurmati b’ dak li jseħħ fid-dinja. Dawn il-bnedmin ma huma ħadd għajr il-ġurnalisti.

Xogħol ta’ riskju

Xogħol il-ġurnalist huwa wieħed interessanti imma jaf ikun wieħed perikoluż ukoll. Mhux xi aħbar rari dik li xi ġurnalist jew aktar jinħatfu jew saħansitra jinqatlu. Il-Committee to protect journalists, organizzazjoni bbażata fi New york li taħdem sabiex tħares il-libertà tal-istampa fid-dinja dan l-aħħar tatna xi ftit statistika dwar il-ġurnalisti fis-sena 2013. Matul is-sena li ntemmet ftit jiem ilu l-aktar post perikoluż biex jaħdmu fih il-ġurnalisti kien is-Sirja. Qaltlilna wkoll li l-qagħda għall-ġurnalist, kemm fl-Iran kif ukoll fl-Eġittu ħżienet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
L-International Press Institute, organizzazzjoni oħra li taħdem għall-stampa ħielsa u li għandha s-seda tagħha fi Vjenna, qaltlina li fl-2013 in-numru ta’ ġurnalisti maqtula kien ta’ 117. In-numru huwa iċken minn dak tas-sena ta’ qabel li kien 132. Żewġ terżi ta’ dan tilfu ħajjithom waqt li kienu fuq xogħolhom fil-Lvant Nofsani.

Aktar imwiet
Skont il-Committee to protect journalists hemm 25 ġurnalist ieħor li tilfu ħajjithom fl-2013 imma mhux ċar jekk mewthom hijiex marbuta ma’ xogħolhom. Jekk dawn inqatlu minħabba xogħolhom allura n-numru jkun akbar minn dak tas-sena ta’ qabel. Ftit anqas min-nofs tal-ġurnalisti mejta kienu assasinati filwaqt li l-oħrajn intlaqtu waqt il-ġlied, bit-tmiem ikun wieħed fatali. Ma nistgħux ninsew ukoll in-numru ta’ ħaddiema tal-istampa li jkunu maqbuda minn gruppi ta’ ribelli jew terroristi.

Jekk naħsbu li l-periklu għall-ġurnalisti jinsab biss fil-Lvant inkunu sejrin żball. Il-Pakistan, is-Somalja, Il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, il-Mali u l-Filippini huma kollha pajjiżi perikolużi għal min jaħdem fl-istampa. Pajjiż perikoluż ieħor huwa l-Messiku, imma matul l-2013 l-ebda ġurnalist ma miet hawnhekk. Ta’ min jgħid ukoll li kemm fil-Pakistan kif ukoll fis-Somalja il-qagħda tjiebet xi ftit meta mqabbla mas-sena preċedenti.


Għandna mnejn inħossuna bogħod minn din ir-realtà billi l-ġurnalist Malti ma jħallix xtutu biex imur fuq il-kamp tal-battalja. Imma tajjeb niftakru li l-ġurnalist Malti jirċievi l-aħbarijiet mingħand aġenziji li għandhom ħaddiema fuq il-post. Il-ġurnalist fuq il-kamp tal-gwerra huwa l-kollega u l-kollaboratur tal-ġurnalist fl-uffiċċju tal-ġazzetta f’ Malta.

Qaddis prottettur

Bħal kull settur ieħor, il-ġurnaliżmu għandu il-qaddis prottettur tiegħu, u x’ħin taqra jew tisma’ b’ dak li jgħaddu minnu dawn it-talin tasel tgħid li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ qaddis. Il-qaddis prottettur tal-ġurnalisti huwa san Franġisk de Sales, isqof u duttur tal-Knisja. Huwa patrun tal-istampa kattolika tal-ġurnalisti, tal-kittieba u tal-awturi. Il-festa tiegħu tkun iċċelebrata nhar l-24 ta’ Jannar.

Tajjeb li ma ninsew qatt ħidmet dawn in-nies li jaqilgħu l-għixien tagħhom billi jwasslulna x’ikun qiegħed jiġri fid-dinja, u kif qed naraw,  xi drabi b’ sogru kbir għal ħajjithom.

Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 18 ta'Jannar 2014










giovedì 5 settembre 2013

IL-KAŻ TA’ ASIA BIBI

Il-Pakistan huwa pajjiż imbiegħed minn artna, bħalna kien kolonja tal-Imperu Ngliż, anzi biex inkunu eżatti, il-Pakistan ma kienx jeżisti imma kien parti mill-Indja. Inħoloq il-Pakistan biex ikun art għall-Musulmani li kienu batuti taħt l-Indjani. Imma minkejja li kienu jafu xi tfisser tkun f’minoranza, xi wħud mill-Pakistani donnhom insew għax il-minoranzi f’pajjiżhom batew u għadhom ibatu taħthom. Fost ħafna stejjer li ta’ spiss nisimgħu bihom,u ħafna u ħafna iktar li ma nisimgħux bihom, il-każ ta’ Asia Bibi fetaħ għajnejn id-dinja. 

Id-dagħa
F’dan il-pajjiż hemm liġi imsejħa bħala l-Liġi kontra d-dagħa. Fi ftit kliem din il-liġi tgħid li kull min bi kliem, aġir, ħsejjes jew ġesti joffendi s-sentimenti reliġjużi ta’ ħaddieħor ikun meqjus bħala midgħi. Dawn il-każi għandhom piena – minn multa sal-mewt. Din il-liġi tinstab fil-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan:   § 295, § 295-A, B u C, § 298, § 298-A, B u C.
 Wieħed jista’ jara dan il-Kodiċi fuq: http://www.pakistani.org/pakistan/legislation/1860/actXLVof1860.html 

It-tazza ilma u l-istqarrija tal-fidi
Aasiya  Noreen Bibi hija raħħala. Ma tafx tikteb u taqra, l-istess bħal żewġha Ashiq. Miegħu tgħix ħajja sempliċi fir-raħal ta’ Ittan Wali fil-provinċja tal-Punjab. Minbarra dik ta’ Asia hemm familja oħra Nisranija fir-raħal, dik ta’ ħabibitha Josephine. Ma għandhomx kurċifiss mal-ħajt ta’ darhom għax perikoluż wisq. Imma għandhom il-Bibbja li jżommu taħt is-saqqu anke jekk ma jafux jaqraw.

Asia għandha ħamest itfal, erbat ibniet u tifel. Tridhom jitgħallmu l-iskola u flimkien ma’ żewġha taħdem iebes biex uliedha jkunu jistgħu jistudjaw. Asia u Ashiq jagħmlu minn kollox biex bl-ebda mod ma jwaqqfu l-istudu ta’ xi ħadd minn uliedhom, għax jafu li bl-iskola biss jistgħu jgħixu ta’ nies fil-Pakistan. F’Ġunju tal-2009, Farah, l-ispiżjara tar-raħal, qalet lil Asia li fl-għelieqi mhux wisq imbegħda kienu qegħdin jaqtgħu t-tut. Jum xogħol kien jitħallas b’ 250 rupie. Kien l-4 ta’ Ġunju tal-2009, il-Ħadd. Asia qamet mas-sebħ: riedet timxi għadd ta’ kilometri biex tasal fl-għelieqi. Żewġha u wliedha kienu għadhom reqdin, ġibdet il-bieb warajha u telqet. X’ħin waslet fl-għelieqi kien hemm diġa madwar ħmistax-il mara jiġbru t-tut. Waħda resqet lejha, newlitilha qoffa u qaltilha li jekk timliha tingħata 250 rupie. Mal-ewwel daqqa t’għajn intebħet li l-qoffa tagħha kienet ikbar minn dawk tal-oħrajn. Kienet in-Nisranija waħdanija hemmhekk, qalb bosta Musulmani. Hija mdorrija ġġorr il-piż minħabba d-differenza fit-twemmin.

F’nofsinhar waqfet ftit. Mifnija u għarqana xraba. Poġġiet il-qoffa tat-tut fl-art, tellgħet barmil ilma, ħadet it-tazza li kien hemm fuq il-ħerża tal-bir u mlietha. Xorbot. Qatgħet l-għatx. Reġgħet xorbot, u wara tat it-tazza mimlija ilma lil waħda mara oħra li kienet ġiet biex tixrob ukoll. Kollox seħħ fi ftit ħin. X’ħin it-tieni mara ressqet it-tazza lejn ħalqha, mara oħra bdiet tgħajjat li dak l-ilma kien mniġġes. Asia ġiet akkużata li niġġset l-ilma tal-bir. Kemm-il darba kienet irċeviet akkużi u diskriminazzjoni. Kemm-il darba baxxiet għajnejha. Imma llum le. Anzi twieġeb għal dik l-akkuża bi kliem iebes: “Jien naħseb li fuq dil-ħaġa Ġesù jaħsibha mod ieħor minn Mawmettu”. Għan-nisa Musulmani din hija dagħwa. Bdew jagħtuha bil-ħarta u għajruha.
Waqa li qalgħet daqqiet u tgħajjir, Asia ġriet lejn darha, beżgħana u mingħajr il-250 rupie li għalihom kienet aċċettat li taħdem fil-jum tal-Ħadd.

Mewt lin-Nisanija!
L-għada Asia marret  għand il-ħabiba tagħha, Josephine. Qaltilha li fi ftit jiem oħra kien sejjer ikun hemm ġabra oħra ta’ tut. Kellha bżonn dawk il-250 rupie, imma kienet qegħda tibża terġa tmur f’ dawk l-għelieqi waħedha. Ħabibitha qaltilha li kienet sejra tmur magħha. Fl-għodwa li kellu jsir il-ġbir, iż-żewġ nisa iltaqgħu kmieni. Biex ma jaqilgħux inkwiet ħadu magħhom żewġ buqari bl-ilma mid-dar. Ix-xogħol beda fost l-indifferenza tan-nisa Musulmani. X’ħin il-qoffa ta’ Asia kienet kważi ntliet instama’ għajjat kbir.Ħarset il fuq u lemħet għadd ta’ rġiel u nisa riesqa lejha. Asia ma fhemitx x’ kien qiegħed jiġri. L-ilħna tal-folla bdew jgħidu: “Mewt lin-Nisranija!” Lil Asia dawruha u bdew jagħtuha bl-addoċċ, kaxkruha sar-raħal, sad-dar  tal-Imam tar-raħal. Akkużawha inġustament u wara offrew lil Asia żewġ possibiltajiet: jew tmut jew tikkonverti. Hija ma rieditx titlaq il-fidi tagħha u ma ammettietx li b’ xi mod offendiet il-fidi Musulmana jew lill-Profeta Mawmettu.

Ħabs u sentenza
Asia intefgħet il-ħabs u ingħatat is-sentenza tal-mewt bit-tgħallieq. Il-Papa Benedettu XVI kien appella għall-ħelsien ta’ Asia. “Illum – qal il-Papa fi Pjazza San Pietru – nuri l-viċinanza spiritwali tiegħi mas-Sinjura Asia Bibi u l-qraba tagħha, waqt li nitlob biex kemm jista’ jkun malajr tinħeles. F’dawn il-jiem id-dinja qegħda ssegwi, bi preokkupazzjoni kbira, il-qagħda mwegħra tal-Insara fil-Pakistan, li spiss qegħdin ikunu vittmi ta’ vjolenza u diskriminazzjoni”. (17 ta’ Novembru 2010)

Il-każ ta’ Asia ġera madwar id-dinja kollha u saru anke petizzjonijiet biex din tinħeles mill-piena tal-mewt. Is-sentenza ingħatat imma għadha ma ġietx eswegwita. Int tista’ titlob lill-awtoritajiet Pakistani jeħilsu lil Asia Bibi billi tiffirma l-petizzjoni fuq: 



Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-28 ta' Awwissu 2013