Aħna l-bnedmin nafu dak
li nafu għaliex xi darba nkunu staqsejna u skont it-tweġibiet li ġejna
mogħtijin aħna bnejna bagalja ta’ tagħrif li biż-żmien jinbidel f’għerf.
Minn meta nibdew nużaw
il-fakultà tar-raġuni hija ħaġa normali li nibdew nistaqsu: x’inhi dik il-ħaġa,
għalfejn dak l-oġġett, min hu dak il-bniedem, x’jagħmel dak it-tali, kif dik u
kif l-oħra. Bil-mod il-mod it-tagħrif li nkisbu jgħallimna bosta ħwejjeġ li
l-ebda skola jew università ma tgħallimhom, imma nitgħallmuhom mill-università
tal-ħajja. Għalhekk ngħidu spiss li l-aqwa għalliema hija l-ħajja stess.
Aħna nikbru u ninbidlu.
Ma nibqgħux aktar tfal żgħar imma nsiru adolexxenti, imbgħad żgħażagħ, adulti
sakemm insiru xjuħ. U qed nuża l-kelma xjuħ mhux anzjani għax minbarra li hija
l-kelma tabilħaqq Maltija, fiha wkoll sens ta’ wieħed għaref. Fi żmien Kristu
konna nsibu ix-xjuħ tal-poplu, dawk li saru għorrief permezz taż-żmien u forsi gradwaw
mill-università tal-ħajja. Il-kelma xiħ ma hijiex kelma dispreġġjattiva, lanqas
xejn imma fiha sens ta’ rispett u gratitudni lejn min laħaq mexa ftit sewwa
fit-triq tal-ħajja.
Il-ħajja hija vjaġġ

Mhux it-tmiem
Għalhekk fix-xahar ta’
Novembru niftakru fil-mejtin tagħna għax nemmnu li l-parti spiritwali li
kellhom issa ħarġet mill-ġisem li kien iżommu fih u sab il-qofol, il-milja
tal-eżistenza tiegħu. Ma rridx nuża kliem bħal “ruħ, ġenna, sema, salvazzjoni”
eċċetra għaliex dawn huma termini purament reliġjużi, iżda l-mewt ma tmissx
biss lil min jemmen, dak huwa pass li kulħadd irid jagħmlu. Temmen jew ma temminx
ikollok tammetti li inti aqwa minn annimal kwalunkwe u dan għax għandek
ir-raġuni li hija l-parti spiritwali ġewwa fik. Kulħadd isejħilha li jrid lil
din il-fakultà, imma ħadd ma jista’ jinnega li teżisti.
Għalhekk niftakru
fil-mejtin tagħna fix-xahar ta’ Novembru u nsejħulhom “erwieħ”għax nafu li
minkejja li l-ġisem jitmermer u jsir trab, l-ispirtu ta’ ġol-ġisem jibqa’ għal
dejjem.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 4 ta' Novembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento