Naħseb li lkoll kemm aħna
xi darba poġġejna bilqegħda biex nieħdu xi kikkra tè bil-kwiet. X’hemm isbaħ
minn kikkra tè waqt li tkun qed taqra l-gazzetta filgħodu? X’hemm aqwa minn
daqsxejn tè għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar? Forsi hawn min jippreferi
kafè. Jien ngħid għalija nħobbhom it-tnejn u għalhekk matul il-jum nibda b’kafè
imma f’xi ħin jew ieħor matul il-jum nieħu xi tè wkoll. Waqt pawsa minn dawn,
b’bott, jew aħjar b’magg, tè ħdejja
moħħi telaq il bogħod u beda jaħseb dwar kif oriġinat din ix-xarba.
Nibda biex ngħid li hemm
bosta tipi ta’ tè imma llum mhux sejjer noqgħod nidħol fid-dettall ta’ kemm
tipi ta’ tè nsibu madwar id-dinja għax fl-aħħar mill-aħħar sejrin iffokaw dwar
ix-xarba, l-infużjoni tal-weraq tat-tè.
Illum biex wieħed jipprepara
tazza tè ma jridx wisq xogħol, kemm jitfa’ l-misħun jagħli fit-tazza li jkun
fiha l-borża tat-tè, biss sa ftit snin ilu it-tè ma kienx ikun fil-borża imma
kien jinxtara f’weraq imfarrkin. Ftit minn dawn il-weraq kienu jitpoġġew
f’passatur u l-misħun jintefa’ mill-istanjata għal ġol-passatur li jkun fuq
it-tazza. Hawn min jgħidlek li dak it-tè kien bil-wisq itjeb minn dak li
qegħdin nixorbu llum. Nasal biex ngħid li min jgħid hekk għandu raġun biex ibigħ,
imma llum minħabba d-dinja mgħaġġla li qed ngħixu fiha, kollox sirna rridu
malajr, anke kikkra tè!
Aktarx li t-tè bdew
jixorbuh l-ewwel iċ-Ċiniżi daqs nofs seklu qabel it-twelid ta’ Kristu imma hemm
min isostni li din ix-xarba fost dan il-poplu hija antika aktar minn hekk.
Fil-fatt anke l-isem ta’ dawn il-weraq u tax-xarba ġej miċ-Ċiniż. Huma jsejħulu
Tù. Kollu ta’ xejn niktibha biċ-Ċiniż għax ma nafx kemm minna jafu jaqraw dik
il-lingwa, (lanqas jien biex nifthemu!), imma l-ħoss hu dak: Tù. Jekk taħseb
ftit tinduna kemm il-kelma hi qrib dik li nużaw aħna għal din ix-xarba. Fil-Lbiċ
taċ-Ċina it-tè kien jinxtorob bħala mediċina kontra l-irjieħat u xi mard ieħor
iżda biż-żmien din ix-xarba saret popolari mal-pajjiż kollu mhux biss bħala
mezz ta’ fejqan imma anke bħala xarba filgħodu jew wara l-ikel.
Nibqgħu fl-Asja u nsemmu
l-Indja.Kif tista’ tifred it-tè minn dan il-pajjiż? It-tè Indja huwa xarba
tabilħaqq tajba. Huma jsejħulha Masala chai. Hija xarba magħmula minn weraq
tat-tè mgħollijin flimkien ma’ għadd ta’ ħwawar bħal kanella, msiemer
tal-qronfol, naċemuskata u iva ftit bżar iswed. Wara li jitgħalla kollox
jiżdied miegħu l-ħalib mgħolli jew kważi jagħli. L-Indjani jużaw il-ħalib
tal-bafflu imma anke ħalib tal-baqar tajjeb ukoll.
Semmejt biss liċ-Ċina u
l-Indja għaliex bejniethom dawn il-pajjiżi jipproduċu kważi żewġ terzi tat-tè
tad-dinja. Bilfors li jkun hekk għax anke fil-popolazzjoni, minn aktar minn
seba’ biljun ruħ madwar id-dinja, fihom insibu aktar minn żewġ biljuni u nofs….
Il-produzzjoni kollox bil kbir hemmhekk!
Fl-Ewropa
It-tè fl-Ewropa beda
jasal mill-Asja fis-seklu XVI. Aktarx li kienu l-missjunarji Portuġiżi li bdew
jieħdu xi weraq tat-tè magħhom lejn id-dar u ftit ftit in-neguzjanti bdew jimpurtawh. Fis-seklu ta’ wara d-drawwa li jinxtorob
it-tè daħħlet ukoll fid-dinja Brittanika. Billi l-Imperu Brittaniku kien imexxi
lill-Indja kienet ħaġa minn awl id-dinja li dawn iduqu din ix-xarba u jagħmlu
l-verżjoni tagħha għalihom. Bl-esportazzjoni tat-tè mill-Indja lejn
l-Ingliterra il-produzzjoni ta’ dawn il-weraq f’dan il-pajjiż issa ssupera lil
dak taċ-Ċina. Illum l-Ingilterra hija waħda mill-akbar konsumatur tat-tè
fid-dinja. Għall-bidu din kienet xarba tal-klassi l-għolja imma biż-żmien saret
ix-xarba ta’ kulħadd. Il-Brittaniċi jixorbu t-tè bil-ħalib u ma tanx hu komuni
li jixorbuh iswed jew bil-lumi.
Il-pjanta tat-te' |
Darba kont ir-Repubblika
Ċeka u dħalt ġo ħanut ma’ żewġt iħbieb biex nieħdu tè forsi ntaffu ftit
il-kesħa ta’ barra. Ordnajna u wara ftit waslet l-ordni, tliet kikkri tè. Meta
rajna li kien tè iswed, tlabna ftit ħalib għal miegħu. Tal-ħanut ma riedx
jemmen li konna sejrin nitfgħu l-ħalib mat-tè u wara ħafna ġabilna buqar ċkejken
bil-ħalib. Xħin doqna dak it-tè dlonk berraqna għajnejna. Kien tè bil-lumi għax
l-użanza ta’ dak il-pajjiż hi li t-tè jieħduh bil-lumi. Għalhekk sid il-ħanut
berraq għajnejh. It-tè bil-lumi u l-ħalib ħallejnieh fuq il-mejda. Kif konna
sejrin infehmu lis-sid li ridna tè bla lumi meta ma kienx jaf jitkellem ħlief
biċ-Ċek?
Hawn Malta wkoll għandna
d-drawwa li nixorbu t-tè. Forsi qabel konna nsibu aktar mil-lum ħwienet li
jservu t-tè. U ħa ngħiduha kif inhi: x’hemm itjeb minn tazza tè bil-ħalib u
żewġ pastizzi? Wisq probabbli li d-drawwa tat-tè ħadniha mill-Ingliżi meta kien
jaħkmu lil pajjiżna.
X’dinja! X’diversità!
Kollox minn werqa ta’ pjanta jew aħjar arbuxxell imma b’dinja ta’ togħmiet u
varjetajiet.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Diċembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento