Nassumi li dawk li marru l-quddies ilbieraħ
filgħaxija jew dalgħodu intebbħu li l-kulur li bih qaddes is-saċerdot huwa
differenti minn dak li kien il-ġimgħa li għaddiet. Mil-lum il-kulur liturġiku
huwa l-vjola. Spiss insib min jistaqsini u jgħidli: Imma x’sens għandhom il-kuluri
fil-liturġija?. Illum sejjer ngħid biss xi ħaġa dwar il-lewn vjola jew aħjar
dwar wieħed miż-żminijiet li fih jintuża.
L-ewwel tas-sena
Is-sena
liturġika, jiġifieri s-sena li fuqha timxi l-Knisja ma hijiex l-istess bħal dik
tal-kalendarju. Is-sena tal-Knisja ma tibdiex fl-ewwel ta’ Jannar u tintemm
fil-wieħed u tletin ta’ Diċembru imma tibda bl-ewwel Ħadd tal-Avvent u tispiċċa
fil-ġimgħa ta’ wara s-solennità ta’ Kristu Re.
Mela allura illum tajna bidu għal sena liturġika oħra, illum huwa l-ewwel
tas-sena liturġika. Il-bidu ta’ kull sena liturġika jkun immarkat bi żmien
l-Avvent, iż-żmien li jwassal għall-Milied, iż-żmien li l-kulur liturġiku jkun
il-vjola.
Min ġej
Il-kelma “avvent”
ġejja mil-Latin “adventus” li hija t-traduzzjoni tal-kelma Griega “parousia” li
tfisser miġja, imma filwaqt li bil-kelma avvent nifhmu l-miġja ta’ Ġesù
fid-dinja bħala tarbija fl-għar ta’ Betlem, bil-kelma parusija nifhmu t-tieni
miġja ta’ Ġesù bħala Sultan tas-sema u l-art fi tmiem id-dinja. Mela l-avvent
huwa żmien it-tħejjija għat-twelid ta’ Kristu.
Kull twelid ta’
tarbija jitlob tħejjija. Tkellmu ma’ dawk li qed jistennew tarbija u jgħidulek
kemm preparamenti hemm f’dak iż-żmien. Minkejja li fil-Milied aħna niftakru
fit-twelid ta’ Kristu u mhux sejjer jerġa’ jitwieled fiżikament fid-dinja,
madanakollu l-Knisja tistedinna biex inħejju għat-tifkira ta’ din il-miġja.
Huwa għalhekk li l-bidu tas-sena liturġika jibda bi żmien ta’ tħejjija u
stennija, jibda bl-avvent.
Tħejjija
Il-mixja tal-fidi
ta’ kull wieħed u waħda minna għandha tixxebbaħ mal-ħajja normali tagħna. Bosta
ħwejjeġ li nagħmlu aħna l-bnedmin, nagħmluhom wara li nkunu lestejna ruħna
għalihom, wara li nkunu ħdimna għalihom, wara li nkunu preparajna, wara li
nkunu stennejna.
Pittur ma jlestix
opra tal-arti f’nifs, imma l-ewwel jaħseb, imbagħad jifrex it-tila, jħażżeż
bil-lapes dak li jkollu f’moħħu u mbagħad jibda jagħti ħajja bl-ilwien fuq
it-tila sakemm ilesti dak li jkollu jagħmel. Hemm perkors mill-bidu sal-aħħar
ta’ dan l-att. L-istess mara li tibda ssajjar għall-familja; tixtri
l-ingredjenti, tnaddaf il-ħaxix, tqattgħu, titfa’ fil-borma, tixgħel il-gass u tistenna
l-borma ssir. Dawn huma żewġ eżempji prattiċi li juruna kemm f’ħajjitna bosta
attivitajiet li nagħmlu rridu nħejju għalihom. U xi kultant issib min jgħidlek
li aktar iddum issajjar milli ddum tiekol u dan ir-raġunament jista’ jintuża għal
kull sitwazzjoni, imma l-ikel jiġi tajjeb għax ikun imsajjar u ħa t-temp
tat-tħejjija tiegħu, pittura ssir kapolavur għax ikun hemm żmien ta’ ħidma u
ħsieb fuqha.
L-istess qabel
iż-żmien tal-Milied, tajjeb li jkun hemm tħejjija xierqa. Issa waqt it-tħejjija
hemm is-sens ta’ stennija, ta’ sabar u forsi anke xi ftit ta’ tbatija. Qabel ma
jkollok il-prodott finali f’idejk ma tkunx taf mija fil-mija jekk hux ser ikun
eżatt bħal dak li tkun pinġejt ġewwa moħħok. Imma kieku ma jkunx hemm dan
il-perjodu żgur li fl-aħħar ma jkunx hemm prodott tajjeb.
Vjola
Il-lewn li tuża
l-Knisja f’dawn l-erba’ Ħdud tal-avvent iffakkarna li għadna mhux fil-festa
imma fit-tħejjija għaliha, għadna qegħdin nistennew. Il-vjola billi ma huwiex
kulur festiv jurina li għadna qegħdin fit-triq, għadna ma wasalniex imma
resqin.
Għalhekk tajjeb
nitħejjew għall-miġja li ġejja. Tajjeb niftakru li meta ħaġa tistenniha
bil-ħerqa u tlesti għaliha, meta tasal aktar tifraħ biha. Dan huwa l-avvent,
dan huwa li jfisser il-kulur vjola fil-knejjes f’dawn il-ġimgħat.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 2 ta' Diċembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento