Waħda
mill-binjiet li l-Kavallieri ta’ Malta ħasbu li jibnu ġewwa l-Belt Valletta
kienet dik li huma sejħu s-Sacra Infermeria, jew aħjar il-post li kien iservi
biex fih jiġu kkurati l-morda. Ma rridux ninsew li l-Ordni ta’ San Ġwann
minbarra li kien Ordni ta’ Kavallieri u għalhekk kien dmirhom li jissieltu,
kien ukoll fl-istess waqt Ordni ta’ Ospitalieri għalhekk kellhom ukoll id-dmir
li jikkuraw lill-morda.
Ftit storja
Il-bini ta’ dan
il-post enormi nbeda lejn tmiem is-sena 1574 meta l-Ordni ta’ San Ġwann u
għalhekk anke pajjiżna kienu mmexxija mill-Gran Mastru Franċiż Jean de la Cassiere. Ma rridux nimmaġinaw li
l-bini li naraw illum sar f’daqqa għax fis-sewwa dan tkabbar kemm-il darba sa
taħt it-temxxija tal-aħwa Aragoniżi il-Gran Mastri Rafel u Nikola Cotoner bejn
l-1660 u l-1666. Allura dlonk nindunaw li l-bini baqa’ jitkabbar jew jinbidel
għall-aħjar għal aktar minn disgħin sena. Meta l-binja ħadet il-forma aħħarija
tagħha kellha fiha waħda mill-itwal swali fl-Ewropa ta’ dak iż-żmien, sala li
għadna narawha u nużawha; sala twila 155 metru. Bħala sptar dan il-post kien
meqjus wieħed mill-aqwa fl-Ewropa u kien jista’ jilqa’ fih aktar minn disa’
mitt pazjent, numru tabilħaqq kbir għal dawk is-snin. Fl-1676 f’dan l-isptar
twaqqfet l-iskola tal-Anatomija li nistgħu ngħidu kienet il-bidu tal-iskola
tal-mediċina f’Malta. Meta Napuljun Bonaparti u s-suldati tiegħu keċċew
lill-Kavallieri minn pajjiżna, is-sacra Infermeria baqgħet isservi bħala sptar
militari. Minkejja ż-żmien qasir ta’ dawn il-ħakkiema fuq artna, huma għamlu xi
tibdil fil-bini li qed insemmu biex ikollu ventilazzjoni aħjar. Mal-qawma
tal-Maltin kontra l-mexxejja mhux mixtieqa minnhom u l-imblokk tal-Franċiżi,
dan l-isptar spiċċa ħażin għax ma kellux ikel u xorb biżżejjed għall-pazjenti
ta’ ġo fih.
L-Ingliżi żammew
dan il-bini bħala sptar għal xi żmien ukoll. Billi huwa qrib, nistgħu għidu
max-xatt tal-Port il-Kbir, iċ-ċentru tal-kummerċ tal-pajjiż kollu, is-Sacra
Infermeria, li bdew isejħu Knights Hall, serviet bħala sptar għall-baħħara li
jaslu Malta morda u għall-morda b’mard serju. It-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija
ra wkoll it-tmiem ta’ dan il-bini bħala sptar. Issa l-bini beda jintuża bħala
kwartieri ġenerali tal-pulizija. Matul it-tieni gwerra dinija dan il-bini
intlaqat bosta drabi u ħafna minnu twaqqa’
Restawr
Mis-sala t-twila
kien fadal biċċa mhux ħażin li baqgħet mhux minsusa bil-gwerra għalhekk wara
dak iż-żmien ta’ qerda, parti minn din is-sala sar post ta’ divertiment
għat-truppi Brittaniċi. Infetaħ ukoll teatru għat-tfal u aktar tard dan il-post
beda jintuża bħala sala għall-eżamijiet tal-kbar, dawk li kienu jissejħu General Certificate of Education (GCEs).
Iżda kull ma jmur
il-binja kienet qed tiddeterjora u kien hemm bżonn ta’ restawr. Saru bosta
tentattivi biex dan il-bini jkun restawrat imma l-akbar xogħol seħħ lejn tmiem
is-snin sebgħin tas-seklu li għadda fejn sar xogħol kbir biex infetħet Dar
il-Mediterran għall-Konferenzi. L-aktar li nafu bihom huma s-sala t-twila li
għandha suffett tas-saqaf tal-injam mill-isbaħ u s-sala Repubblika li fiha
jsiru l-aktar avvenimenti jew festivals importanti fil-pajjiż. Biss dan mhux kollox.
Fil-binja hemm bosta swali oħra bħal dawk imsejħin għal La Cassier, Perellos, Vassalli
u Temi Zammit. Insibu wkoll restaurant li kapaċi jilqa’ fih sa elf ruħ, naħseb li
dan huwa l-akbar post tal-ikel f’Malta. Meta kien lest dan il-proġett ta’
restawr estensiv, u l-post kien inawgurat fil-11 ta’ Frar 1979, kien deskritt
bħala xogħol stupend u tassew kien hekk għaliex il-post ingħata l-premju Europa Nostra; il-premju għall-ħarsien
tal-patrimonju Ewropew.
Disgrazzja
Fil-25 ta’ Marzu
tas-sena 1987 fil-post kienet qed issir konferenza ta’ kumpanija barranija.
Kien intuża laser li f’ħin minnhom kien ippuntat lejn il-purtira tal-palk u din
ħadet in-nar. Ma damx wisq ma nfirex il-ħruq li tant kien kbir li parti
mis-saqaf tas-sala ċediet. Il-ħsara li telgħet għal miljuni ta’ ewro ġiet
imsewwija u sar il-ftuħ mill-ġdid tal-post fl-4 ta’ Ottubru 1989.
Żgur li l-Maltin
jiġuhom f’moħħhom żewġ avvenimenti meta nsemmu Dar il-Mediterran: il-festival
tal-Kanzunetta għall-Ewropa u l-Fiera tal-Ktieb. Dawn huma żewġ avvenimenti li
jiġbdu eluf kbar ta’ Maltin lejn dan il-post imma dawn ma humiex l-attivitajiet
waħdanin li jsiru hemmhekk. Matul is-sena jsiru għadd ta’ rappreżentazzjonijiet
u attivitajiet oħra ta’ livell għoli li jkun jixraq li jsiru f’ dan il-post
tant prestiġjuż.
Is-Sacra
Infermeria, l-isptar militari, id-depot tal-pulizija, sala tat-teatru, sala
tal-eżamijiet u ċentru tal-konferenzi. Kemm għaddiet minn storja twila din
il-binja li taħkem fuq is-swar tad-daħla tal-Port il-Kbir. Tajjeb li meta nżuru
dan il-post niftakru l-għan li għalih inbniet u x’serviet matul is-snin għaliex
hija parti mill-istorja tagħna, hija binja importanti fil-Belt Valletta,
il-Belt Kulturali Ewropea tas-sena 2018.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Diċembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento