Spiss nilmentaw li l-festi tal-Milied saru kollha kummerċ anzi kummerċ
żejjed li jtellef minn dak li verament ifisser dan il-jum. Tabilħaqq li llum
il-kummerċ sfrenat ħonoq ħafna minn dak li konna niċċelebraw ftit tas-snin ilu.
Tkun għadek ġej minn ġurnata l-baħar f’Settembru (biex ma ngħidx Awwissu),
tasal id-dar, tixgħel it-televiżjoni u x’tara? Riklamar tas-siġar tal-Milied,
ta’ anġli, xemgħat u tiżjin ieħor li jkun fadlilhom tliet xhur biex isibu
posthom fi djarna. Allura mhux bil-fors ngħidu li kollox sar kummerċ?
Mhux il-Milied biss
Illum qegħdin nilmentaw dwar il-mod kif qegħdin niċċelebraw il-Milied
għaliex ninsabu fi żmienu, imma ejjew naħsbu ftit u naraw kif matul is-sena
kull festa ċċapset bil-kummerċ. Il-karnival, il-Ġimgħa l-Kbira, l-Għid il-Kbir,
il-festi tal-ibliet u l-irħula tagħna, Jum l-Omm u Jum il-Missier, għeluq snin
dak li jkun, jum San Valentino, l-onomastiku u nistgħu nibqgħu sejrin. U biex
il-kummerċ ikompli jiżdied nikkuppjaw u nżidu drawwiet li ma humiex tagħna.
Il-haloween, il-baby shower, il-house warming party. Kollox negozju, kollox
infieq, kollox kummerċ.
Fi tfuliti għeluq sninna konna niċċelebrawh ma’ sħabna tal-iskola b’xi kejk
li kienet tagħmel l-omm id-dar. Il-festa tar-raħal kienet tasal biex nixtru hot
dog mingħand tal-gabbana tal-pjazza u l-Ġimgħa l-Kbira sawm u nistennew l-Għid
biex naqsmu l-figolla. Fix-xitwa l-Ħadd waranofsinhar dawra bil-karozza
mal-familja u nidħlu nieħdu sandwich u flixkun luminata jekk ikun hemm minn
fejn. Jekk konna mmorru f’xi post fil-kampanja fejn ma hemmx ħwienet konna
nikkuntentaw bil-kafè li kienet iġġib magħha ommi fit-thermos! Illum dan kollu
spiċċa ħtija tad-dinja konsumista li qegħdin ngħixu fiha. Biss ngħidha kif
inħossha, minkejja li qed ngħixu f’dinja aktar komda, inħoss nostalġija kbira għal
dawk is-snin fejn konna kuntenti bil-ftit li kellna.
Żewġ qaddisin
L-ewwel presepju fi Greccio |
Is-sempliċità hija s-sigriet ta’ bosta kuntentezza. Forsi ħafna drabi
ninsew il-grajja ta’ żewġ qaddisin li nafuhom sewwa u li l-Milied kienu
jgħadduh fl-aktar ħwejjeġ sempliċi u ħallew marka fuq dan il-jum tant għażiż.
San Franġisk ta’ Assisi huwa magħruf għall-faqar li fih għex.
It-tradizzjoni tgħidilna li kien hu li għamel l-ewwel presepju. Mhux xi
presepju lussus imma presepju ħaj ġewwa stalla tal-bhejjem fir-raħal ta’
Greccio ġor-reġjun tal-Umbria fl-Italja. Illum minn dik ix-xena sempliċi u
fqira sirna naraw opri tal-arti mill-isbaħ: presepji li trid seba’ għajnejn
biex tarahom, imma ma rridux ninsew li l-għeruq ta’ kollox kien fis-sempliċità
u l-faqar.
San Ġorġ Preca lanqas kien jgħum fil-liri anzi dejjem ra kif għamel biex
jidher fqir. Jingħad li suttana ġdida kien iqabbad lil min jagħmillu xi rqajja
fiha għax kien jistħi biha donnu xi dinjitarju tal-Knisja. Dan il-qaddis ta
bidu għall-purċissjoni tal-Bambin, drawwa purament Maltija. Bdiet
fis-sempliċità kollha madwar il-Ħamrun u spiċċat issir madwar Malta kollha kif
ukoll f’xi postijiet lil hinn minn xtutna fejn hemm il-membri tas-soċjetà
tal-Museum. Illum, fejn għadha ssir din il-purċissjoni forsi ma għadiex
sempliċi bħalma kienet fi żmien tal-bidu, illum hawn fejn tieħu sehem il-banda
tar-raħal magħha u ċerti Bambini tal-purċissjoni llum saru patrimonju, ħaġa li
kważi mitt sena ilu kienet tiswa ftit xelini.
Dawn kienu żewġ qaddisin umli u fqajra li ħallew marka fuq il-festa tal-Milied.
Ma ħallewx marka minħabba l-lussu imma minħabba s-sempliċità u l-umità. Għax
il-festa tal-Milied, il-vera festa tal-Milied hija l-festa tas-sempliċità.
Il-Milied tista’ tkun festa kbira biss jekk tkun il-festa tal-qaddisin.
Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’
ferħ, paċi, hena u saħħa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Diċembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento