Il-Milied għadda, imma
b’daqshekk ma nistgħux ngħidu li għaddew il-festi. Il-bidu tas-sena l-ġdida
hija festa oħra li nsibu f’dan l-istaġun festiv. It-Taljani jgħidu: l’epifania tutte le feste porta via,
jiġifieri it-tmiem tal-festi li ninsabu fihom jintemmu mal-Epifanija li proprjament
tiġi ċċelebrata fis-6 ta’ Jananr iżda f’pajjiżna ilha bosta snin li din
il-festa tneħħiet minn festa pubblika u għalhekk l-Epifanija f’Malta tiġi
ċċelebrata f’jum ieħor, normalment fl-ewwel Ħadd tas-sena.
Għadna niċċelebraw

Il-ħwienet għadhom mimlijin
bin-nies jieklu u jixorbu, jiddevertu u jiltaqgħu. Għax dan huwa ż-żmien li dak
li jkun jiltaqa’ ma’ min ikun ilu ma jiltaqa’ jew li joħroġ jiekol ma’ dawk li
matul is-sena jiltaqa’ magħhom spiss imma f’ambjent ta’ xogħol jew f’postijiet bħal għaqdiet jew kumitati. Għalhekk f’dawn
il-jiem għandna d-drawwa li noħroġu nieklu biex ma nħallux dawn il-festi
għaddejjin qisu ma ġie xejn. Il-ħaġa hi li ġieli jkollok aktar minn okkażjoni
waħda fl-istess jum u ħin billi minbarra l-ħruġ mal-ħbieb, bħalissa huwa wkoll
żmien l-istedin mill-għaqdiet li tkun tifrekwenta jew li jkollhom stima jew
obbligazzjoni lejk. Għiduli intom: fejn se tibda tmur? Jien ngħid għalija
nħossni mħawwad meta jiġrili hekk għax ma nkun nixtieq nonqos lil ħadd u
fl-istess waqt ħin ġieli jkun impossibbli żżur żewġ jew tliet postijiet wara
xulxin fl-istess jum. Tiskanata kif anke okkażjoni soċjali ta’ ferħ tista’
toħloqlok problema.
Epifanija u Strina
Fil-bidu ta’ dan
l-artiklu semmejt il-festa tal-Epifanija, it-tifkira ta’ meta s-Slaten Maġi
marru joffru r-rigali tagħhom lil Ġesù Tarbija. Din tilfet id-data tagħha
f’pajjiżna u forsi anke tilfet ħafna mis-sinifikat. Għat-Taljani iżda dan huwa
jum importanti għax fih jitqassmu r-rigali tal-Milied. Il-ġirien tagħna
għandhom id-drawwa ta’ La Befana. F’Malta ir-rigali meta kienu jkunu għotja ta’
flus kienu jingħataw fl-ewwel tas-sena. Din id-drawwa kienet tissejjaħ Strina.
Mad-dħul tal-programm ta’ ġbir ta’ flus b’risq il-Community Chest Fund l-għada
tal-Milied, programm li ssemma Strina, tlifna s-sens li l-Istrina hija dik
id-donazzjoni monetarja li kienet issir fl-ewwel ta’ kull sena min-nanniet jew
zijiet lin-neputijiet. Wisq nibża’ li jekk illum ikollok tistaqsi meta hi
l-Istrina, il-maġġoranza jgħidulek: “L-għada tal-Milied”. Mela mhux biss tlifna
l-Epifanija imma tlifna l-Istina wkoll!
Meta kont għadni ngħix
l-Italja ġieli ċċelebrajt l-Epifanija darbtejn għax kont inkun Malta
għall-vaganzi u ssir qabel nitlaq lura biex inkompli ħajti, u jekk kont nasal
qabel is-6 ta’ Jannar kont nerġa’ niċċelebraha hemmhekk. Din il-ħaġa kienet
issir meta f’pajjiżna niċċelebraw din il-festa qabel is-sitta ta’ Jannar.
Fis-sena 2019 f’pajjiżna ser niċċelebraw l-epifanija fis-6 ta’ Jannar billi dan
se jkun il-Ħadd.
Żmien ta’ tħejjija

Veru li l-ambjent ta’
festi ma tantx jistieden lil dak li jkun biex jinqafel ġewwa jistudja, imma
d-dover ta’ student huwa li jistudja. Ngħid id-dritt illum inħoss ħafna
nostalġija għal dawk is-snin tal-istudju minkejja l-isforzi kollha li bħala
student kont nagħmel biex negħleb il-periklu, nirbaħ il-prova u ngħaddi
mill-eżamijiet. Għeżież studenti,
gawduhom dawn is-snin għax jaħarbu u ma jerġgħu jiġu lura qatt, ħejju rwieħkom
biex tegħlbu l-perikli!
F’dawn il-jiem niftakru
wkoll f’xi qaddisin kbar; San Stiefnu, San Ġwann, l-Innoċenti Martri u San
Silvestru Papa. Kull skuża hija tajba għaċ-ċelebrazzjonijiet!
Nieħu din l-okkażjoni
biex nawgura lill-qarrejja ta’ din il-paġna is-Sena l-ġdida mimlija hena.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Diċembru 2018

Nessun commento:
Posta un commento