Visualizzazione post con etichetta arti. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta arti. Mostra tutti i post

sabato 14 ottobre 2017

Eremitaġġ

Bil-kelma eremitaġġ nifhmu d-dar ta’ dak il-bniedem li għażel li jgħix ħajja waħdu, bogħod mid-dinja, bogħod minn kollox, f’ħajja ta’ kontemplazzjoni. L-eremitaġġ għalina huwa l-għarix tal-eremita. Imma llum ma nixtieqx naqsam magħkom ħsieb dwar dan il-post iżda nixtieq ngħid xi ħaġa dwar mużew li jġib dan l-isem.

San Pietruburgu
San Pietruburgu
Dan il-mużew li qiegħed insemmi jinstab fil-belt Russa ta’ San Pietruburgu. Din il-belt meraviljuża, li spiss tissejjaħ Venezja tat-Tramuntana.  Biex ngħidu d-dritt, hemm għadd ta’ bliet oħrajn li wkoll jingħatalhom dan it-titlu, bħal Stokkolma, l-kapitali Żvediża, Copenhagen, il-kapitali Daniża, Gdansk fil-Polonja, Amsterdam, kapitali tar-Renju tan-Netherlands u oħrajn. Imma ejjew nibqgħu San Pieruburgu. Din kienet il-belt kapitali Russa għal aktar minn mitejn sena. Fiha għexu s-slaten, Tżarijiet u Imperaturi li mexxew lir-Russja sar-rivoluzzjoni ta’ mitt sena ilu. Kien propju fl-1917 meta Nicholas II abdika u temm il-monarkija li kienet ilha tmexxi lil dan il-pajjiż għal aktar minn tliet mitt sena. Lenin sar il-mexxej ta’ dan il-pajjiż vast. Fl-1918 San Pietruburgu tneħħa minn kapitali u mill-ġdid dan ir-rwol reġa’ għadda għall-belt ta’ Moska. Vladimir Lenin, mexxej tar-Russja miet fil-21 ta’ Jannar tas-sena 1924. Ħamest ijiem wara mewt Lenin il-belt ta’ San Pietruburgu inbidlilha isimha u bdiet tissejjaħ Leningrad – il-belt ta’ Lenin. Dan l-isem dam sal-1991, meta wara l-waqa’ tal-Komuniżmu u  l-Unjoni Sovjetika, il-maġġoranza taċ-ċittadini ta’ dan il-post għażlu li belthom terġa’ tieħu l-isem oriġinali tagħha, l-isem li kien taha t-Tżar Pietru l-Kbir fl-1703.  Illum San Pietruburgu hija t-tieni l-akbar belt fir-Russja, wara Moska. Fiha jgħixu aktar minn ħames miljun ruħ.

L-Eremitaġġ
Imma ejjew nerġgħu lura minn fejn bdejna. Fuq ix-xatt tax-xmara Neva nsibu t-tieni l-akbar mużew fid-dinja. L-akbar wieħed huwa dak ta’ Louvre fi Franza. Ir-Russja aktarx hija iżolata minn ċentri artistiċi oħra, bħal Pariġi, Ruma jew Londra, imma l-mużew imsejjaħ Eremitaġġ irnexxielu jakwista kollezzjoni spettakolari ta’ aktar minn tliet miljun biċċa li jinfirxu fuq medda ta’ snin kbira, minn żmien il-ħaġar sal-bidu tas-seklu XX. Il-mużew jokkupa 66,842 metru kwadru mifruxin fuq sitt binjiet kbar.

It-taraġ tal-Eremitaġġ
L-ewwel parti tal-mużew infetħet mit-Tżarina Katarina l-Kbira fil-palazz hekk imsejjaħ tax-Xitwa, binja barokka li l-bini tagħha intemm fl-1764. Din il-mexxejja, dik is-sena stess xtrat 255 kwadru minn Berlin. Dan kien il-bidu ta’ dak li nsibu lllum. Min qatt kellu jgħidilha lil din il-mara li dak li bdiet hi kellu jsir attrazzjoni mondjali, post fejn jiġbor fih opri tal-aqwa esponenti tal-arti bħal Rembrandt, Rubens, Leonardo Da Vinci, Caravaggio, Michelangelo, Giovanni Battista Tiepolo, Goya, Van Gogh, Pablo Picasso u għadd ta’ artisti oħrajn. 

Jingħad li mhux possibbli li wieħed iżur dan il-mużew u jara kull biċċa xogħol ta’ arti li fih. Jekk wieħed jgħaddi minuta quddiem kull opra tal-mużew, dan irid aktar minn seba’ snin, lejl u nhar. U tassew għax tliet miljun minuta jagħmlu kważi dik il-medda ta’ snin!

Illum dak li jżur dan il-mużew jara l-aktar ħwejjeġ interessanti, l-aktar biċċiet popolari u famużi għaliex ħadd ma jista’ jgħaddi dawk is-snin kollha, bla ma jorqod jew jiekol, biex iżur mużew wieħed biss. Ta’ min jgħid li minkejja li huwa t-tieni l-akbar mużew tad-dinja, madanakollu fil-lista tal-viżitaturi jitlef postu u jiġi t-tmien wieħed. Fl-ewwel post jibqa’ l-Louvre, warajh insibu l- Metropolitan Museum of Art ta’ New York, imbagħad il-British Museum segwit min-National Gallery ta’ Londra wkoll. Fil-ħames post insibu l-Mużew tal-Vatikan u nerġgħu Londra għall-gallarija Tate Modern. In- National Gallery of Art ta’ Washington jiġi sewwasew qabel l-Eremitaġġ ta’ San Pietruburgu. Minkejja li huwa s-seba’ fil-lista, aktar minn erba’ miljun ruħ iżuruh ta’ kull sena.

Għaliex Eremitaġġ
It-Tżarina Katarina l-Kbira
Huwa isem tabilħaqq kurjuż dak li għandu dan il-mużew. Għandna nkunu nafu li għall-bidu dan il-mużew kien biss kollezzjoni ta’ arti privata, personali tat-Tżarina Katarina l-Kbira. Ftit li xejn kienu dawk li kienu jistgħu jidħlu jaraw l-opri ta’ din il-kollezzjoni. Kien propju minn dan il-fatt li ħa dan l-isem dan il-post. Bħalma f’eremitaġġ mhux possibbli li dak li jkun jaqbad u jmur meta jfettillu, qisu sejjer f’xi ħanut tat-te, hekk ukoll ma kienx possibbli li dak li jkun imur fil-Palazz tax-Xitwa max-xatt tax-xmara Neva. Maż-żmien infetaħ għall-pubbliku iżda l-isem baqa’ mwaħħal miegħu, ma nbidilx, mhux bħalma kien inbidel tal-belt li fiha jinstab.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f'In-Nazzjon 14 ta' Ottubru 2017




venerdì 30 settembre 2016

L-għajta

Kont qiegħed naqra kiteb fil-gallarija x’ ħin leħen il-bejjiegħa tal-ħut waqqafni mill-qari. Dak il-ħin moħħi ġera bija u l-għajta ħaditli ħsiebi minn Ħal Qormi għal Oslo fin-Norveġja. Dwar l-għajjat aħna ngħidu li dan huwa nofs il-bejgħ, iżda l-għajta li ftakart fiha llum ma hijiex għajta li tista’ tisma’, anzi hija għajta muta, bla leħen. Qiegħed nirreferi għall-pittura ta’ Edvard Munch li hija magħrufa b’ dan l-isem.

Il-pittur

Edvard Munch
Edvard Munch kien pittur Norveġiż li għex bejn l-1863 u l-1944. Fl-istudji tiegħu huwa brilla fil-matematika, il-fiżika u l-kimika. Madanakollu, kontra x-xewqa ta’ missieru, huwa ħalla l-kulleġġ fejn kien qed jistudja biex imur jistudja l-arti u jsir pittur. Tal-istess idea bħal missieru kienu bosta ħbieb u familjari ta’ Munch iżda hu kien determinat li jsir pittur. Fid-djarju tiegħu huwa kien kiteb hekk: Fl-arti tiegħi nipprova nesprimi l-ħajja u dak li tfisser għalija.

Għal xi żmien huwa kien jgħix ġewwa Pariġi kif ukoll Berlin iżda reġa’ lura lejn Oslo fejn baqa’ jgħix il-kumplament ta’ ħajtu. L-arti tiegħu hija differenti minn l-arti li aħna drajna naraw, din l-arti trid il-ħsieb biex tifhimha sewwa. Meta dan l-artist miet ix-xogħol artistiku tiegħu ħallieh lill-belt ta’ Oslo. Dan il-wirt jikkonsisti f’ 1,100 pittura, 4,500 disinn u 18,000 print. Fl-1963 infetaħ mużew ġewwa l-istess belt fejn hemm esebiti dawn il-bċejjeċ kollha.

L-Għajta
Der Schrei der Natur
Waħda mill-aktar pitturi famużi ta’ dan l-artist tissejjaħ “Skrik”, dik li jiena qed insejħilha bħala “L-Għajta”. Ma nafx għandix insejħilha hekk jew inkella “It-Twerżieqa” għaliex bl-Ingliż din il-pitura tissejjaħ “The Scream”, bit-Taljan tissejjaħ “L-Urlo” u bil-Franċiż  “Le Cri”, imma aħna ejjew insejħulha “L-Għajta”. L-isem li Munch ta lil din il-pittura huwa bil-Ġermaniż: Der Schrei der Natur – L-Għajta tan-Natura.

Munch pitter erba’ verżjonijiet ta’ din il-pittura bejn l-1893 u l-1910. Din turi figura b’ espressjoni donnha agonizzata, imbeżżgħa, mitlufa b’ idejha t-tnejn ma’ ħaddejha. L-isfond tal-pittura huwa ħamrani u sewdieni.  Jekk wieħed jifli sew, jara li fuq wara tal-figura, li la nafu hijiex raġel jew mara, jidhru figuri ta’ żewġ persuni oħra filwaqt li fl-isfond nistgħu naraw ukoll żewġ xwieni. Billi l-pittura ta’ Munch hija simbolista u espressjonista, wieħed irid iħares sew u juża wkoll ftit tal-immaġinazzjoni.

Skont l-awtur u l-kontributur ta’ The New York Times, Arthur Lubow, din il-pittura hija ikona tal-arti moderna u tista’ titqies bħala l-Mona Lisa ta’ dawn iż-żminijiet.

Mid-djarju ta’ Munch
Dwar din il-pittura, Munch kiteb fid-djaru tiegħu dan il-kliem: Lejla minnhom x’ ħin kont għaddej mal-ġenb, bil-belt fuq naħa u l-fjord taħti, ħassejtni għajjien u debboli. Waqaft u ħarist lejn il-fjord – ix-xemx kienet nieżla u l-isħab kien qiegħed jinbidel f’ lewn ħamrani bħad-demm. Ħassejt bħal għajta għaddejja min-natura. Donni smajt l-għajta. Pittirt dal-kwadru, pittirt l-isħab daqs li kieku kien demm. Il-kulur werżaq. Din saret l-Għajta.

Minn dan il-ftit kliem miktub mill-artist stess nistgħu nintebħu x’ ried iffisser bil-pittura tiegħu. Jekk ma naqrawx dak li kien kiteb għandna mnejn ma nifhmux x’ hemm moħbi wara dik il-pittura.

Patrimonju
Il-erba’ verżjonijiet ta’ din il-pittura llum huma ta’ valur kbir. Waħda minn dawn il-pitturi, dik tal-1893 insibuha fil-Mużew Nazzjonali ta’ Oslo, filwaqt li waħda mpittra bil-pastellina fl-1893 wkoll u oħra mpittra fl-1910 insibuhom fil-mużew tal-Artist Munch f’ Oslo ukoll. Ir-raba’ kopja, li kienet impittra fl-1895, inbiegħet waqt irkant tal-arti fl-2012. Il-prezz imħallas għal din il-pittura kien ta’ $119,922,600, iva sewwa qed taqra, ftit inqas minn mija u għoxrin miljun dollaru Amerikan! Din illum tinsab ġewwa l-Amerika għand kollezzjonista tal-arti. Meta tara dawn iċ-ċifri dlonk tinduna li biċċa xogħol ta’ dan l-artist, bħal ovvjament l-artisti kbar kollha, hija xejn anqas minn patrimonjun kbir.

Serq
Il-Mużew ta' Munch
Fit-12 ta’ Frar 1994 il-pittura li nsibu fil-Mużew Nazzjonali  ta’ Oslo insterqet. Min seraq din il-pittura ħalla nota miktubna li kienet tgħid hekk “Ħajr għas-sigurtà fqira li hawn”.  Intalab rahan ta’ miljun dollaru għaliha iżda l-mużew ma aċċettax. Il-pittura instabet bla ebda ħsara fis-7 ta’ Mejju tal-istess sena.

Fit-22 ta’ Awwissu 2004 insterqet il-pittura tas-sena 1910 li nsibu fil-Mużew Munch. Flimkien ma’ din il-pittura, dawk li serqu ħadu magħhom ukoll pittura oħra ta’ Munch, bl-isem ta’ “Madonna”.  Kienet ġriet ix-xnieha li l-pitturi kienu nħarqu mill-ħallelin sabiex ineħħu kull traċċa tas-serqa. Il-kunsill ta’ Oslo kien offra żewġ miljun Kroner (€231.000) lil min jagħti xi informazzjoni li twassal biex dawn il-pitturi jinstabu. Fil-31 ta’ Awwissu, tas-sena 2006 il-pulizija kienet ħabbret li ż-żewġ pitturi kienu misjuba u kienu f’ kundizzjoni tajba ħafna, aħjar milli stennew li jsibuhom.
Fuq fuq din hija l-istorja ta’ pittura famuża li ftakart fiha għax smajt lil tal-ħut tgħajjat taħt il-gallarija tiegħi! Storja li xtaqt naqsam magħkom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Ottubru 2016





sabato 30 maggio 2015

Festi, festi u aktar festi

L-importanza tal-konservazzjoni tal-opri artistiċi li fihom


Bejn tmiem Mejju u l-bidu ta’ Ġunju f’ pajjiżna jibda –istaġun festiv,  nibdew niċċelebraw il-festi titulari tal-parroċċi tagħna. Nibdew naraw l-antarjoli jitwaħħlu u l-festuni tad-dawl jiddendlu. Kollox jibda juri li waslu l-festi li tant ikun hemm min ilu jaħdem għalihom.

Tul is-snin li ilni nikteb f’ dan il-ġurnal, ma għaddietx sena li ma ktibtx xi ħaġa dwar il-festi, għaliex dawn tant huma vasti li hemm ħafna x’ wieħed jgħid fuqhom. Barraminhekk dan huwa argument li jolqot lil bosta Maltin. Xhieda ta’ dan huwa artiklu tiegħi li kien jismu “Referendum dwar il-Festi” li deher f’  dan il-ġurnal (25 ta' April 2015). Meta poġġejt dan l-artiklu fuq il-blog tiegħi, in-numru ta’ persuni li daħlu jaraw il-blog f’ nofstanhar qabeż in-numru li s-soltu jidħlu f’ xahar. Dan juri l-interess li aħna l-Maltin għandna fejn jidħlu l-festi tagħna u dak kollu marbut magħhom u kien għalhekk li tħajjart nerġa’ nikteb għax naf li hemm interess qawwi fihom.

Festi titulari
Illum lanqas nimmaġinaw parroċċa tradizzjonali Maltija mingħajr festa. Il-festa Maltija llum fiha tiżwieqa ta’ fidi, arti u kultura. Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għandna madwar sebgħin parroċċa u fid-Djoċesi Għawdxija hemm ħmistax-il waħda. Huma waħdiet dawk il-parroċċi li ma jiċċelebrawx il-festa titulari tagħhom. Kien hemm żmien li dawn il-festi kienu jiġu ċċelebrati fil-jum tal-festa tal-qaddis, imma maż-żmien il-festi bdew isiru fis-sajf meta t-temp aktar jippermetti. Illum fadlilna żewġ festi parrokkjali li jiġu ċċelebrati fix-xitwa: San Pawl tal-Belt u l-Kunċizzjoni ta’ Bormla. Minkejja li llum il-poplu għandu fejn jiddeverti matul is-sena kollha, xorta waħda l-festa titulari għadna insibuha fuq nett fil-lista tal-festi u okkażjonijiet oħrajn li jsiru matul is-sena.

Ħela, lussu jew xiex?
Il-festa tal-patrun hija okkażjoni fejn il-Knisja ssir vetrina ta’ opri artistiċi li missirijietna minn dejjem fittxew li jsebbħu t-tempju ta’Alla bihom. Fided u dehbijiet, skultura, pittura u x’naf jien. Din il-ħaġa spiss toħloq lok għal diskussjoni dwar jekk il-Knisja għandiex tbiegħ dawn l-opri biex bil-flus tagħhom tagħmel karità. Tajjeb ngħidu li dawn l-opri bosta minnhom huma antiki u l-ebda prezz ma jista’ jitħallas għalihom għax minn banda għandhom is-snin fuqhom u mill-banda l-oħra dawk l-artisti li ħolquhom ma għadhomx magħna u lanqas jekk isiru kopji tagħhom ma jkunu qatt ta’ preġju daqs l-oriġinali. Tajjeb niftakru wkoll li l-benefatturi li ħallsu għal dawn l-opri għamlu hekk biex dawn jitpoġġew fil-knisja. Jekk jinbiegħu jispiċċaw f’ xi kollezzjoni privata fejn ikunu jistgħu jitgawdew minn ftit nies biss. Fil-knisja jkun jista’ jarahom kulħadd.  Punt ieħor hu li dawn l-opri huma wirt kollettiv tal-parroċċa u l-parruċċani u ħadd ma għandu dritt ibiegħhom jew jiddisponi minnhom għax huma ta’ kulħadd. Mela nasal biex ngħid li min jgħid li l-opri artistiċi fil-knejjes tagħna huma lussu, ikun qiegħed iwarrab minn moħħu li dak huwa patrimonju komuni.

Nibżgħu għall-patrimonju
Ladarba dan kollu huwa patrimonju wieħed għadnu jibża’ għalih. Kien proprju għalhekk li anke l-Unjoni Ewropeja ġieli toffri fondi biex isiru xi restawri fi knejjes jew xi opri li nsibu fihom. Hemm fejn ikunu l-parruċċani stess li joħorġu l-flus għal xi proġett ta’ restawr bħal dan.
Min matul dawn l-aħħar xhur mar l-Imdina u għadda minn quddiem il-ħanut tax-xogħol tal-induraturi li hemm fit-triq ewlenija li tieħdok lejn il-Katidral, seta’ jinduna li kien qiegħed isir restawr fuq statwa. Forsi min hu midħla tal-festi u l-knejjes intebaħ, għandu mnejn oħrajn baqgħu għaddejjin bla ma taw każ. F’ dan il-ħanut tax-xogħol għal dawn l-aħħar xhur kienet qegħda tiġi rrestawrata l-istatwa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi.

Ta’ Ħal Qormi biss?
Il-Qormin isejħu lil San Ġorġ “Ġorġi tagħna” imma meta jkollok ftit tagħrif dwar din l-istatwa ta’ San Ġorġ kważi tasal tgħid li llum din l-istatwa ma hijiex patrimonju tal-Qormin imma ta’ Malta kollha. Din hija statwa li riesqa lejn it-tielet seklu  tal-eżistenza tagħha u għalhekk hija waħda mill-ewwel li saret. Aktarx hija t-tieni waħda għax l-ewwel waħda hija dik ta’ San Nikola tas-Siġġiewi. Tnaqqxet ġewwa pajjiżna stess minn artist Malti u għalhekk l-istess bħall-istatwa ta’ San Nikola hija ta’ importanza għall-istorja tal-arti u l-kultura tagħna. Mingħajr ma noffendu lil Qormin jew lis-Siġġiewin, ngħidu bla tlaqlieq li dak li huma jgħidu li huwa tagħhom, illum sar patrimonju nazzjonali. Għalhekk tajjeb li jitħares u jiġi rrestawrat.

Illum ħadt punt ċkejken dwar il-festi – l-importanza tal-konservazzjoni tal-opri artistiċi li nsibu fihom. Trattajna punt wieħed biss, l-istatwa titulari, għaliex bħala opri hemm baħar bla qies, opri li huma tiegħi u tiegħek .


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 30 ta' Mejju 2015













venerdì 23 gennaio 2015

Ġurnalist: jitwieled jew isir?

B’ dedika lill-ġurnalisti fil-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales, patrun tal-ġurnalisti


Waħda mill-mistoqsijiet li spiss jiġu mistoqsijin l-istudenti li jsegwu xi kors ta’ ġurnaliżmu hija jekk ġurnalist jitwielidx ġurnalist jew inkella jsirx biż-żmien, bl-istudju u bit-taħriġ. Lili wkoll kienu staqsewni din il-mistoqsija u bla tlaqlieq xejn kont weġibt li fil-fehma tiegħi ġurnalist irid jitwieled ġurnalist bħalma artist jitwieled artist imma dan id-don jiġi pperfezzjonat permezz tal-istudju u t-taħriġ, sewwasew kif artist jipperfezzjoni l-ħila tiegħu permezz tal-istudji  u l-prattika li jagħmel. Illum jiena nqis li l-ġurnaliżmu huwa arti.

Ġurnaliżmu arti
Ladarba l-ġurnaliżmu narah bħala arti, dak li jwettqu allura huwa artist. Iva għalija l-ġurnalist huwa wkoll artist. Għaliex naħseb hekk? Kemm-il darba ktibt li llum ħadd ma għadu jistenna l-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija jew il-gazzetta filgħodu kmieni biex ikun jaf x’ seħħ fid-dinja. Illum huwa ż-żmien tal-ħin reali (real time) fejn dak li jsir jinfirex madwar id-dinja kollha waqt li jkun qiegħed isir. Tiftakruh il-jum tal-11 ta’ Settembru 2001; konna qegħdin naraw l-aħbar li ajruplan daħal fil-bini tal-World Trade Center fi New York meta rajna ajruplan ieħor jidħol fit-tieni torri tal-istess bini. Minn dakinhar nistgħu ngħidu li d-dinja fehmet li l-aħbar trid titwassal lid-dinja dak il-ħin stess. Madanakollu l-gazzetti u l-bulettin tal-aħbarijiet tat-tmienja (jew ftit qabel jew ftit wara) bqajna nsibuhom kuljum.

Minħabba l-fatt tal-ħin reali, il-ġurnalist jaf li l-aħbar li jrid iwassal fil-gazzetta jew fil-bulettin tal-aħbarijiet mhux sejra tkun ġdida. Il-qarrej jew is-semmiegħ jew telespettatur ikun diġà jaf x’ sar. U proprju għalhekk il-ġurnalist irid ikun artist għax l-aħbar li kulħadd ikun jaf biha, irid jagħtiha libsa attraenti li tiġbed lil dak li jkun biex jibqa’ jisma’ l-aħbarijiet jew jaqra l-gazzetta. Jekk ma jkun hemm xejn attraenti l-qarrej jew telespettatur jitlef l-interess. Mill-banda l-oħra biex aħbar tkun attraenti trid tinbena b’ sengħa; sengħa li jiena nqabbilha mal-arti. Għalhekk qiegħed ngħid li l-ġurnaliżmu sar arti u allura l-ġurnalisti saru artisti. Issa bħalma artist jitwieled bl-arti fil-vini tiegħu, hekk ukoll il-ġurnalist iħoss fih dik il-ġibda li dak li jsir jaf jgħaddih lill-oħrajn.

Komunikazzjoni
L-arti ġurnalistika tikkonsisti f’ komunikazzjoni ta’ dak li l-ġurnalist isir jaf. Komunikazzjoni tfisser tpoġġi f’ post komuni, dak li huwa tiegħi inpoġġih f’ post fejn ikollu aċċess għalih kulħadd, il-privat isir pubbliku, isir komuni; għalhekk komunikazzjoni!

Wieħed mill-għedewwa tal-ġurnaliżmu huwa l-ħin. Biex issir komunikazzjoni f’ ħin reali, il-ġurnalist ma jistax joqgħod jitnikker imma jrid jikkomunika dak li jsir jaf bih bla telf ta’ żmien għax jekk l-aħbar tilħaq toħroġ mingħand xi ħadd ieħor titlef nofs il-preġju. B’ hekk bosta aħbarijiet joħorġu bi żbalji jew ortografiċi jew fis-sustanza tagħhom. F’ pajjiżna ilna nisimgħu li sejrin jinħarġu pieni għal ġurnalist li ma jużax il-Malti sewwa. Biss bosta drabi l-ġurnalist ma jkollux wisq ħin biex jifli sewwa dak li jkun kiteb għax il-ħin huwa l-akbar għadu tal-komunikazzjoni. Din hija kontradizzjoni għax il-professuri tal-komunikazzjoni jsostnu li dak li niktbu għandna naqrawh darba, tnejn, tlieta u anke iktar jekk ikun hemm bżonn. Imma mhux meta tkun magħfus bil-ħin!

Servizz ta’ periklu
Bla dubju ta’ xejn ix-xogħol ta’ ġurnalist huwa wieħed ta’ servizz lill-pubbliku. Dan is-servizz ġieli jpoġġi ħajjet il-ġurnalist fil-periklu. Skont il-kumitat li jħares lill-ġurnalisti (CPJ, Committee to Protect Journalists) fis-sena 2014 kien hemm 61 ġurnalist li ġie maqtul. L-akbar numru ta’ qtil ta’ ġurnalisti seħħ fis-Sirja (17-il wieħed).  Ma’ dawn il-61 ġurnalist inqatlu wkoll 11-il ħaddiem tal-media li ma humiex ġurnalisti kif ukoll kien hemm 19-il ġurnalist ieħor li nqatel imma ma nafux jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mewt u x-xogħol ta’ dawn it-talin. Jekk ngħoddu kollox in-numru jitla’ għal 91. Fl-2013 in-numru totali ta’ ġurnalisti jew ħaddiema tal-media li ġew maqtulin kien ta’ 100.

Is-sena 2015 ma tantx bdiet tajba għad-dinja tal-ġurnalisti. Tkexkixna bl-aħbar tal-attakk terroristiku fuq il-kwartieri tal-ġurnal Charlie Hebdo f’ Pariġi. Dan kien attakk dirett fuq il-libertà tal-istampa. Ħafna ħassew li dan kien attakk personali lid-dinja ċċivilizzata fejn l-istampa hija meqjusa bħala r-raba’ poter. Alla ħares l-istampa ma tkunx ħielsa għax kieku din tispiċċa. Il-libertà hija l-għixien tal-ġurnalimu. L-istampa għandha dritt u dmir li twassal aħbar, għandha dritt u dmir li tkun satirika, għandha dritt u dmir li tikritika. Attakk bħal dak ta’ Pariġi joffendi lil min għandu għal qalbu mhux biss il-ġurnaliżmu imma lil kull min għandu għal qalbu l-libertà. U kien għalhekk li dan l-attakk ikkundannatu d-dinja kollha, ikkundannawh mhux biss l-Insara imma anke l-Musulmani għax dan ma kienx attakk f’ isem reliġjon imma attakk kontra l-ħelsien, kontra l-liberta tal-espressjoni, kontra l-ġurnaliżmu ħieles. Għalhekk lil dawk il-ġurnalisti u ħaddiema ta’ Charlie Hebdo jiena nqishom bħala martri.

San Franġisk
Illum il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales, patrun tal-ġurnalisti u għalhekk tajjeb insellmu lil dawn il-persuni li jaħdmu bħala ġurnalisti għax twieldu ġurnalisti, bnedmin li minkejja l-perikli kollha li dan ix-xogħol, din l-arti jew inkella din il-passjoni ġurnalistika ġġib magħha, xorta jibqgħu jwasslulna x’ ikun qiegħed jiġri fid-dinja. Grazzi tas-servizz tagħkom.



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 24 ta' Jannar 2015