B’ dedika lill-ġurnalisti fil-festa
ta’ San Franġisk ta’ Sales,
patrun tal-ġurnalisti
Waħda
mill-mistoqsijiet li spiss jiġu mistoqsijin l-istudenti li jsegwu xi kors ta’
ġurnaliżmu hija jekk ġurnalist jitwielidx ġurnalist jew inkella jsirx
biż-żmien, bl-istudju u bit-taħriġ. Lili wkoll kienu staqsewni din
il-mistoqsija u bla tlaqlieq xejn kont weġibt li fil-fehma tiegħi ġurnalist
irid jitwieled ġurnalist bħalma artist jitwieled artist imma dan id-don jiġi
pperfezzjonat permezz tal-istudju u t-taħriġ, sewwasew kif artist
jipperfezzjoni l-ħila tiegħu permezz tal-istudji u l-prattika li jagħmel. Illum jiena nqis li
l-ġurnaliżmu huwa arti.
Ġurnaliżmu arti

Minħabba l-fatt
tal-ħin reali, il-ġurnalist jaf li l-aħbar li jrid iwassal fil-gazzetta jew
fil-bulettin tal-aħbarijiet mhux sejra tkun ġdida. Il-qarrej jew is-semmiegħ
jew telespettatur ikun diġà jaf x’ sar. U proprju għalhekk il-ġurnalist irid
ikun artist għax l-aħbar li kulħadd ikun jaf biha, irid jagħtiha libsa
attraenti li tiġbed lil dak li jkun biex jibqa’ jisma’ l-aħbarijiet jew jaqra
l-gazzetta. Jekk ma jkun hemm xejn attraenti l-qarrej jew telespettatur jitlef
l-interess. Mill-banda l-oħra biex aħbar tkun attraenti trid tinbena b’ sengħa;
sengħa li jiena nqabbilha mal-arti. Għalhekk qiegħed ngħid li l-ġurnaliżmu sar
arti u allura l-ġurnalisti saru artisti. Issa bħalma artist jitwieled bl-arti
fil-vini tiegħu, hekk ukoll il-ġurnalist iħoss fih dik il-ġibda li dak li jsir
jaf jgħaddih lill-oħrajn.
Komunikazzjoni
L-arti
ġurnalistika tikkonsisti f’ komunikazzjoni ta’ dak li l-ġurnalist isir jaf.
Komunikazzjoni tfisser tpoġġi f’ post komuni, dak li huwa tiegħi inpoġġih f’
post fejn ikollu aċċess għalih kulħadd, il-privat isir pubbliku, isir komuni;
għalhekk komunikazzjoni!
Wieħed
mill-għedewwa tal-ġurnaliżmu huwa l-ħin. Biex issir komunikazzjoni f’ ħin
reali, il-ġurnalist ma jistax joqgħod jitnikker imma jrid jikkomunika dak li
jsir jaf bih bla telf ta’ żmien għax jekk l-aħbar tilħaq toħroġ mingħand xi
ħadd ieħor titlef nofs il-preġju. B’ hekk bosta aħbarijiet joħorġu bi żbalji
jew ortografiċi jew fis-sustanza tagħhom. F’ pajjiżna ilna nisimgħu li sejrin
jinħarġu pieni għal ġurnalist li ma jużax il-Malti sewwa. Biss bosta drabi
l-ġurnalist ma jkollux wisq ħin biex jifli sewwa dak li jkun kiteb għax il-ħin
huwa l-akbar għadu tal-komunikazzjoni. Din hija kontradizzjoni għax
il-professuri tal-komunikazzjoni jsostnu li dak li niktbu għandna naqrawh
darba, tnejn, tlieta u anke iktar jekk ikun hemm bżonn. Imma mhux meta tkun
magħfus bil-ħin!
Servizz ta’ periklu
Is-sena 2015 ma
tantx bdiet tajba għad-dinja tal-ġurnalisti. Tkexkixna bl-aħbar tal-attakk
terroristiku fuq il-kwartieri tal-ġurnal Charlie
Hebdo f’ Pariġi. Dan kien attakk dirett fuq il-libertà tal-istampa. Ħafna
ħassew li dan kien attakk personali lid-dinja ċċivilizzata fejn l-istampa hija
meqjusa bħala r-raba’ poter. Alla ħares l-istampa ma tkunx ħielsa għax kieku din
tispiċċa. Il-libertà hija l-għixien tal-ġurnalimu. L-istampa għandha dritt u
dmir li twassal aħbar, għandha dritt u dmir li tkun satirika, għandha dritt u
dmir li tikritika. Attakk bħal dak ta’ Pariġi joffendi lil min għandu għal
qalbu mhux biss il-ġurnaliżmu imma lil kull min għandu għal qalbu l-libertà. U
kien għalhekk li dan l-attakk ikkundannatu d-dinja kollha, ikkundannawh mhux
biss l-Insara imma anke l-Musulmani għax dan ma kienx attakk f’ isem reliġjon
imma attakk kontra l-ħelsien, kontra l-liberta tal-espressjoni, kontra
l-ġurnaliżmu ħieles. Għalhekk lil dawk il-ġurnalisti u ħaddiema ta’ Charlie Hebdo jiena nqishom bħala
martri.
San Franġisk

Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 24 ta' Jannar 2015
Nessun commento:
Posta un commento