Visualizzazione post con etichetta Papa Ljun XIII. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Papa Ljun XIII. Mostra tutti i post

sabato 22 settembre 2018

Mikiel l-Arkanġlu


Lejn tmiem ix-xahar ta’ Settembru, sewwasew fid-29 tax-xahar,  il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ tliet Arkanġli, Mikiel, Rafel u Gabrijel. Aktarx li l-aktar familjari magħna huwa Mikiel, mhux għax l-oħrajn ma nafuhomx (spejalment Gabrijel f’Ħal Balzan u Ħal Tarxien). L-isem Mikiel ġej mil-Lhudi li jfisser “Min hu bħal Alla?” u ħa ismu mill-istorja ta’ meta huwa keċċa lil Satana mill-ġenna wara li dan tal-aħħar ħadha kontra Alla u Mikiel allura ddefenda lill-Ħallieq u ġie mogħti l-isem ta’ “Min Hu bħal Alla?”. Dan il-qaddis huwa meqjum mill-Knisja kollha, kemm dik Rumana kif ukoll dik Ortodossa u saħansitra dik Protestanta u dik Luterana. Mikiel l-Arkanġlu huwa wkoll meqjum mill-Musulmani. Jekk aħna nsejħu lil dan il-qaddis bħala San Mikiel Arkanġlu, l-Ortodossi jsejħulu San Mikiel it-Taksjark, li tfisser brigadier tal-armata, minħabba l-ġlieda qaddia tiegħu ma’ Satana.  

Fit-Testment il-Qadim, jiġifieri il-kotba tal-Bibbja  aċċettati anke mil-Lhud, niltaqgħu ma’ San Mikiel tliet darbiet fil-Ktieb tal-Profeta Danjel. Dan il-profeta jirrakkonta l-viżjoni li kellu waqt iż-żmien li huwa kien sajjem u jintroduċi lilu nnifsu bħala Mikiel il-protattur ta’ Iżrael, Mikiel  li għandu jerġa’ lura fid-dinja fl-aħħar taż-żminijiet. Fit-testment il-Ġdid, allura fil-parti tal-Bibbja Kristjana, fl-aħħar ktieb, dak imsejjaħ Apokalissi ta’ San Ġwann, insibu l-ġlieda bejn Mikiel u Satana. Araw id-dettal li jagħtina l-kittieb dwar dan il-fatt: “Imbagħad qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħlbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U kien imwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.” [Apk:12:7-9] Fl-ittra ta’ Ġuda wkoll insibu dan il-fatt irrakkuntat fejn l-isem ta’ Mikiel jissemma bħala Arkanġlu [1:9]. Fl-ewwel ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin jissemma’ dak li jgħid il-Profeta Danjel fil-ktieb tiegħu. Hawnhekk San Pawl ma jsemmix isem l-arkanġlu iżda jgħid li Alla jiġi miegħu. [4:16].

Fi-Kuran jissemmew żewġ Arkanġli, Mikiel u Gabrijel.Mikiel jissemma darba biss f’ Sura 2:98 “Kull min hu għadu ta’ Alla, tal-anġli tiegħu, tal-appostli tiegħu u Gabrijel u Mikiel, Alla jkun ukoll għadu ta’ min ma jemminx.” Hemm min jaħseb wieħed mit-tliet anġli li żaru lil Abraham f’Sura 11, vers 69 huwa Mikiel imma hawn ma jissemma l-ebda isem.
B’dan kollu qed naraw it-tixrid tad-devozzjoni lejn dan l-arkanġlu. Il-bniedem li jemmen fehem li hemm qawwa tajba li tissielet il-qawwa ħażina u għalhekk iżomm lil San Mikiel bħala difensur tiegħu kontra l-qawwa tal-ħażen.

Fit-13 ta’ Ottubru 1884 il-Papa Ljun XIII kellu dehra. Hekk kif temm il-quddiesa fil-kappella privata tiegħu ġewwa l-Vatikan, huwa waqaf għal madwar għaxar minuti. Fil-kappella kien hemm xi kardinali u membri oħra tal-Vatikan. Hekk kif il-papa xwejjaħ mar fl-uffiċċju tiegħu huwa kiteb it-talba lil San Mikiel u talab li din it-talba tibda’ tingħad fil-quddies kollu. Meta staqsewh x’kien ġara wara l-quddiesa u għalfejn waqaf, hu qalilhom li sema’ bħal taħdita bejn Qawwa tajba u Satana u għalhekk kiteb it-talba għax kien hemm bżonn ħafna talb lil dan l-Arkanġlu. Fl-24 ta’ April 1994 waqt l-Angelus, il-Papa San Ġwanni Pawlu II qal li t-talba lil San Mikiel għandha terġa’ tibda’ tingħad spiss mill-Insara kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument -  23 ta' Settembru 2018


venerdì 18 maggio 2018

Tal-Karmnu tal-Belt


Bħalma għidtilkom jew forsi anke ndunajtu, matul din is-sena fejn il-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, qiegħed minn żmien għal żmien inwassal xi tagħrif dwar xi post artistiku jew kulturali f’din il-belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi. Wara li wassalt xi tagħrif dwar il-Kon-katidral u t-tliet knejjes parrokkjali, illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu li nsibu f’din il-belt maestuża tagħna.

Punt ta’ riferiment
Illum il-ġurnata il-koppla tal-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt saret sinonima mal-Belt Valletta. Huma bosta r-ritratti tal-kapitali tagħna meħudin min-naħa l-oħra tal-port ta’ Marsamxett li juru l-koppla ta’ din il-knisja kif ukoll il-kampnar tal-Katidral Anglikan ta’ San Pawl. Illum din ix-xena saret popolari u nistgħu ngħidu li saret ukoll punt ta’ riferiment jew aħjar dak li bl-Ingliż jissejjaħ landmark. Minħabba dan li qed ngħidu, il-knisja llum hija waħda mill-ħafna attrazzjonijiet turistiċi li għandna ġewwa l-kapitali tagħna.

Oriġini
Il-knisja l-qadima
L-ewwel knisja fil-post tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu kienet bdiet tinbena għall-ħabta tas-sena 1570 fuq disinn tal-Malti Ġlormu Cassar. Dan Cassar kien issa qabad sewwa r-ritmu fejn jidħlu pjanti għall-belt il-ġdida. Il-Karmelitani kienu talbu lill-Gran Mastru Pietro del Monte biċċa art fejn setgħu jibnu knisja u kunvent għalihom. Billi l-għan tal-Kavallieri kien li l-belt mibnija minnhom ma jkun jonqosha xejn, u kienu jaħsbu anke f’każi ta’ ħbit mill-għadu, xtaqu li lanqas il-ħtieġa spiritwali ma tkun nieqsa minn din il-belt. Tassew li kien hemm aktar patrijiet li kellhom artijiet, knejjes jew kunventi fuq l-Għolja Xiberras, imma ma rridux naħsbu bil-mentalità tal-bniedem tal-lum, irridu nirraġunaw b’raġunament ta’ aktar minn 500 sena ilu meta l-knisja kienet kollox, kienet l-aqwa punt ta’ għajnuna, l-aqwa jew l-unika għalliema ta’ dak iż-żmien. Għalhekk il-patrijet Karmelitani ngħataw biċċa art biex anke huma jkollhom knisja u kunvent tagħhom biex jaqdu spiritwalment lir-residenti tal-Belt Valletta u lill-bosta oħrajn li jgħaddu minnha b’negozju jew ħidma oħra. Jingħad li għall-ewwel it-titular tagħha ma kinitx il-Madonna tal-Karmnu imma l-Lunzjata. Il-patronaġġ lill-Madonna tal-Karmnu ngħata fis-seklu XVII.  Il-faċċata tal-knisja (mhux dik li nsibu llum) inbniet mill-ġdid fuq pjanta ta’ Ġużeppi Bonavia.

Bażilika
Illum kulħadd isejjaħ lil din il-knisja bħala l-Bażilika tal-Karmnu. Dan it-titlu ngħata lill-knisja oriġinali fl-1895 mill-Papa Ljun XIII. Din il-Bażilika kienet, kif fil-fatt għadha tinstab, fil-konfini tal-parroċċa tal-Madonna tal-Portu Salvu u San Duminku. Il-knisja parrokkjali saret bażilika fl-1816 u għalhekk f’teritorju ta’ parroċċa waħda konna, u għadna nsibu żewġ bażiliċi. Din il-ħaġa kultant tkidd xi ftit lill-Qormin għaliex sat-twaqqif tal-ewwel parroċċa Beltija din l-akwata kienet tagħmel mal-parroċċa tagħhom u għalhekk jgħidulek li għandhom żewġ ulied bażiliċi u l-omm baqgħet b’xejn! Insomma, kull omm tifraħ bil-ġid ta’ wliedha wara kollox!

Knisja ġdida
Illum
Is-sena 1942 tibqa’ msemmija bħala dik is-sena li pajjiżna ra xita ta’ bombi nieżel fuqu. Bosta djar waqgħu waqt xi ħbit mill-għadu, bosta Maltin tilfu ħajjithom, intilfu bosta ġawhar artistiċi. Nhar l-4 ta’ Marzu ta’ dik is-sena l-bażilika tal-Karmnu tal-Belt intlaqtet u saritilha ħafna ħsara. Il-patrijiet waslu għall-konklużjoni li tinbena knisja ġdida. Il-bini beda fl-1958. Fl-1981 intemm il-bini u sar it-tberik tal-knisja l-ġdida. L-iskultura ta’ fuq ġewwa tal-knisja sar fuq medda twila ta’ snin, imma meta wieħed iżomm f’moħħu l-kobor ta’ dan il-bini jinduna għalfejn ittieħed daqstant żmien.  B’dan ma jfissirx li issa l-knisja kienet lesta minn kollox, lanqas xejn, anzi ix-xogħol fuq ġewwa baqa’ sejjer biex din is-sena qegħdin naraw l-art tal-bażilika miksija bl-irħam, opra mill-isbaħ. Dan l-aħħar il-knisja kient ukoll ikkonsagrata.

Nixtieq insemmi punt li forsi mhux kulħadd jaqbel miegħu, min jgħid li veru u min jgħid li mhux veru. Meta ġiet biex titħażżeż il-pjanta tal-knisja l-ġdida, min kien inkarigat ried li l-koppla tagħha tkun għolja aktar mill-ponta tal-kampnar tal-katidral Anglikan li hemm fil-qrib. Forsi dak iż-żmien kien hemm xi ftit rivalità bejn iż-żewġ denominazzjonijiet Kristjani. Illum rajna bid-deher li din il-pika ntemmet għaliex l-Anglikani silfu l-katidrtal tagħhom lill-patrijiet għal xi funzjonijiet tagħhom waqt li kien qed isir ix-xogħol tla-paviment tal-bażilika.

Arti
Bħal f’bosta knejjes oħra, f’dan is-santwarju nsibu għadd ta’ opri tal-arti li mhux faċli wieħed isemmihom kollha f’artiklu qasir bħal dan, imma tajjeb insemmu xi wħud minnhom.  Żgur li tiddomna fuq kollox l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, minquxa fl-injam ġewwa Napli bil-pedestall tagħha maħdum minn Abram Gatt. Insemmu wkoll il-pittura tal-Beatu Franco u ta’ Santa Maria Maddalena de Pazzi li huma ta’ Maria De Domenici, allieva ta’ Mattia Preti. Il-kwadru titulari, inkurunat fl-1881 la nafu meta sar u lanqas min huwa l-awtur tiegħu, imma nafu biss li huwa kwadru devot ħafna.

Hemm bosta aktar x’wieħed iżid, imma xejn ma jista’ jissupera żjara fil-post.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Mejju 2018







mercoledì 9 agosto 2017

Il-Midalja Mirakoluża

Jingħad li Santa Bernardetta kellha devozzjoni kbira lejn il-Midalja Mirakoluża u din kienet iġġorrha dejjem fuqha. Ejjew naraw ftit kif inbdiet din id-devozzjoni.

Katarina Labouré
Kollox beda bid-dehra li seħħet ġewwa l-kunvent tas-sorijiet tal-karità ta’ San Vinċenz de Paule, li hemm ġewwa Rue du Bac, Pariġi fi Franza fl-1830.

Katarina Labouré kienet novizza fil-kunvnet ta’ Rue du Bac. Dan il-kunvent kien tas-sorijiet Ulied tal-karità, imwaqqfin minn San Vinċenż de Paule biex jassistu lill-foqra u lill-morda. Katarina twieldet fit-2 ta’ Mejju tas-sena 1806 ġewwa Fain-les-Moûtiers. Wara li temmet l-istudji tagħha hija ssieħbet ma’ dawn is-sorijiet f’ Jannar tas-sena 1830 u f’ April bdiet in-novizzjat fil-kunvent ta’ Rue du Bac fejn seħħet id-dehra.

Is-27 ta’ Novembru 1830, il-jum tad-dehra, kien is-Sibt, sewwasew lejlet l-ewwel Ħadd tal-Avvent. Għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar, Sor Katarina kienet tinsab fil-kappella tal-kunvent tagħmel meditazzjoni. Ħin minnhom is-soru semgħet bħal ħoss ta’ tħaxwix, donnu li xi ħadd kien riesaq lejha u l-libsa ta’ dak ix-xi ħadd kienet qed tħaxwex.

Katarina dlonk dawret wiċċha lejn minn fejn semgħet il-ħoss iżda b’ għaġeb kbir tagħha, ħdejn il-kwadru ta’ San Ġużepp lemħet xbieha ta’ mara kollha dija. Minkejja d-dija, il-wiċċ tal-mara kien jidher sewwa. Hija kienet wieqfa fuq globu jew skont is-soru fuq nofs globu. Idejha kienu miftuħin ’l isfel minn qaddha u minnhom kienet ħierġa dija kbira, bħal raġġi mdawlin. Għajnejn il-mara kienu jħarsu lejn is-sema.

F’ ħin minnhom is-swaba tal-mara intlew bi ċrieket tal-ħaġar prezzjuż, xi wħud żgħar u oħrajn kbar. Dawn komplew jixħtu raġġi ta’ dawl. Is-soru issa ntebħet li dik il-mara ma kienet ħadd għajr il-Verġni Marija. Marija baxxiet għajnenha lejn is-soru u qaltilha li l-globu jirrapreżenta lid-dinja kollha b’ mod partikulari lil Franza u kull persuna u r-raggi kienu simboli tal-grazzji li tixħet fuq il-bnedmin li jitolbuha. Is-soru issa bdiet tara kliem miktuba bid-deheb: “O Marie, concue sans péché, priez pour nous qui avons recours à Vous” li bi lsienna tfisser “O Marija, imnissla mingħajr ħtija itlob għalina aħna li nirrikorru lejk”. Wara nstama’ leħen jgħid lis-soru “Agħmel kopja ta’ din il-midalja fuq dan il-mudell li qed nurik,  kull min iġib din il-midalja jirċievi grazzji kbar, speċjalment jekk jilbisha madwar għonqu. Il-grazzji jkunu abbundanti jekk jilbisha bil-fiduċja.” Imbagħad id-dehra donnha daret u hekk is-soru setgħet tara ix-xbieha minn wara. Fuq wara dehret l-ittra M mas-salib li kellu forma tal-ittra I. Taħt dawn dehru żewġt iqlub, waħda imdawra bix-xewk u l-oħra minfuda b’ sejf. Dan kollu kien imdawwar minn tnax-il stilla.

Fid-dehra s-soru rat li kien hemm xi ħaġar prezzjuż li ma kienx ileqq u għalhekk lejn tmiem id-dehra hija staqsiet x’ kienu u Marija weġbitha li dawk kienu l-grazzi li l-bnedmin jinsew jitolbuha. Aktar tard hija qalet  li din id-dehra riedet tfisser li l-Verġni Mbierka hija ġeneruża ħafna ma’ dawk li jirrikorru lejha u jitolbuha u kull meta Hija tagħti xi grazzja timtela bil-ferħ.

Minkejja li Sor Katarina ma rieditx ixxerred wisq l-aħbar tad-dehra li kellha, mill-banda l-oħra ma setgħetx tibqa’ siekta għax il-Madonna kienet afdatilha missjoni li xxerred id-devozzjoni lejn dak li rat billi tagħmel domna, jew kif kulħadd isejħilha midalja. Hija tkellmet mal-konfessur tagħha, Dun Aladel, u dan mar għand l-Arċisqof Hyacinthe-Louis de Quelen biex jirrakkontalu l-fatt kollu. Is-soru riedet tibqa’ anonima u għalhekk ma kienx possibli tinbeda inkjesta għax dik li rat id-dehra ma kinitx lesta tixhed imma kienet qed twassal il-messaġġ permess tal-konfessur tagħha biss. Sentejn wara, jiġifieri fl-1832, il-midalja tad-dehra tal-Madonna ġewwa l-kunvent tas-sorijiet ta’ Rue du Bac f’ Pariġi inħadmet u bdiet titqassam u tinxtered. Sor Katarina kienet waħda minn tal-bidu li rat il-midalja.
Fi ftit xhur id-devozzjoni lejn din id-domna inxterdet ma’ Pariġi kollha u ma damitx wisq ma bdiet tinfirex mad-dinja kollha wkoll. Il-wegħda ta’ Marija li min iġorrha fuqu, speċjalment min idendilha madwar għaonqu jirċievi grazzi kbar ma kinitx wegħda fiergħa. Bdew jinqalgħu grazzi kbar u jsiru anke mirakli bl-interċessjoni ta’ din il-midalja tant li bdiet tissejjaħ “Il-Midalja Mirakoluża”. Sas-sena 1833 kienu tqassmu aktar minn ħamsin elf midalja mirakoluża.

Meta d-devozzjoni lejn din id-domna tant infirxet, inbdiet inkjesta kanonika. Meta l-inkjesta rat il-karattru u studjat sewwa il-ħajja tas-soru, qablet li taċċetta li dik id-dehra kienet waħda sopranaturali.
Sor Katarina mietet fil-31 ta’ Diċembru 1876. Indifnet fil-kappella tal-kunvent ta’ Rue de Bac u ġisimha baqa’ bla tħassir. Fid-19 ta’ Lulju 1931 hija kienet iddikjarata venerabbli mill-papa Piju XI filwaqt li l-istess Papa iddikjaraha Beata fit-28 ta’ Mejju ta’ sentejn wara. Fis-27 ta’ Lulju tas-sena 1947 kienet ikkanonizzata mill-Papa Piju XII.

Il-Papa Ljun XIII fl-1894 waqqaf il-festa tal-Verġni Marija tal-Midalja Mirakloluża li ssir  fil-Knisja Kattolika nhar is-27 ta’ Novembru.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa "Il-Warda ta' Massabielle" - Festa Madonna ta' Lourdes, San Ġwann, 2017