Visualizzazione post con etichetta mejtin. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta mejtin. Mostra tutti i post

sabato 5 novembre 2022

Requiem Aeternum

Ix-xahar ta’ Novembru jfakkarna b’mod speċjali f’dawl l-għeżież tagħna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. F’dan ix-xahar bosta jkunu dawk li jżuru l-oqbra fejn ikun hemm il-fdalijiet ta’ qrabathom jew ħbiebhom mejtin. Forsi nistaqsu x’sens fiha li żżur post fejn hemm biss fdalijiet bla ħajja? Aħna l-Insara nemmnu li l-bniedem huwa maħluq bħala ġisem u ruħ; il-ġisem li jintemm u r-ruħ li tibqa’ għal dejjem. Għalhekk inżuru l-oqbra, nixgħelu x-xemgħa u npoġġu l-fjuri għax it-twemmin tagħna jgħidilna li xi darba f’dak il-fdal ta’ taħt ix-xorok tal-qabar kien hemm ruħ li llum qed tgħix il-ħajja li għaliha nħalqet. Nemmnu wkoll li fl-aħħar taż-żminijet din ir-ruħ għad terġa’ titlibbes il-ġisem, mhux aktar dgħajjef ta’ bniedem imma ġisem glorjuż. Il-fidi Nisranija tat dimensjoni ġdida anke lill-mewt. Fil-prefazju tal-quddiesa tal-mejtin ngħidu li “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel.” Interessanti wkoll il-fatt li sa żmien il-Kristjaneżmu, il-post tad-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma ġejja mill-Grieg antik: νεκρόπολις (necropolis) li tfisser il-belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu dan il-post Ċimiterju li wkoll ġejja mill-Grieg: κοιμητήριον (koimeterion) li tfisser post fejn wieħed jorqod jew jisterieħ. Hawn naraw id-differenza mhux biss fl-isem bejn id-dinja Pagana u dik Kristjana. Din id-differenza fl-isem turi wkoll id-diffeenza fit-twemmin.

Il-qima tagħna lejn dawk li llum ma għadhomx magħna ma tieqafx biss biż-żjajjar fiċ-ċimiterji. Isir bosta talb u quddies għalihom. Il-Knisja Kattolika għandha talba speċifika għall-erwieħ, dik li nsejħulha r-Requiem Aeternum.

It-talba

It-talba għall-mistrieħ ta’ dejjem bdiet mit-tradizzjoni tal-quddiesa tal-mejtin. Din il-quddiesa kienet għal dawk kollha li mietu sew jekk tkun quddiesa ta’ funeral kif ukoll quddiesa b’suffraġġji għal ruħ xi ħadd. Illum ma għadhiex hekk. Fir-rit liturġiku qadim din il-quddiesa dejjem kienet tibda b’dan il-kliem: Requiem aeternam dona ei, Domine… Billi kienet dejjem l-istess u dejjem bil-Latin in-nies bdiet tuża dan il-kliem ukoll għat-talb għall-mejtin barra l-quddiesa wkoll. Imma issa tajjeb immorru aktar bogħod u naraw minn fejn oriġina dan l-introjtu tal-quddiesa.

Kien il-ktieb apokrafu ta’ Eżdra, sewwasew ir-raba’ wieħed, li minnu ġie meħud il-kliem ta’ dan l-introjtu. Ktieb apokrafu, jew ktieb li ma huwiex magħdud bħala parti mill-Bibbja, ma jfissirx li hu xi ktieb ħażin imma sempliċiment huwa ktieb li ma huwiex meqjus baħala l-Kelma ta’ Alla. Hemm bosta kotba apokrafi li minnhom ħadna bosta tagħrif bħal ngħidu aħna isem il-Ġenituri tal-Madonna. Ġwakkin u Anna ma nsibuhom imkien fil-kotba mqaddsa imma niltaqgħu magħhom fl-Evanġelju apokrafu ta’ San Ġakbu. Intant, waqt li l-ewwel u t-tieni ktieb ta’ Eżdra (it-tieni wieħed jissejjaħ Neħemija) huma kotba kanoniċi, li jiffurmaw parti mill-Bibbja, it-tielet u r-raba’ wieħed ma humiex.

F’dan il-ktieb insibu lill-awtur iwissi lill-poplu Lhudi biex jistenna lir-ragħaj tiegħu li ġej biex jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u d-dawl etern.

“Dan ngħidilkom o ġnus, isimgħu u ifhmu: stennew lir-ragħaj tagħkom għax huwa jagħtikom id-dawl ta’ dejjem (requiem aeternitatis), għax dak li ġej fl-aħħar taż-żminijiet huwa fil-qrib. Kunu lesti għall-premju tas-saltna għaliex id-dawl ta’ dejjem (lux perpetua) jiddi fuqkom għal dejjem.” [4 Eżdra 2:34-35]

Propju dan huwa li nitolbu fit-talba tar-Requiem Aeternum. Il-kliem requiem aeternitatis u lux perpetua juruna li din it-talba ħarġet minn dan il-ktieb li aktarx inkiteb madwar ħames mitt sena qabel Kristu.

Mistrieħ u dawl ta’ dejjem

Minkejja li t-talba għall-erwieħ għandha l-għeruq tagħha fi ktieb apokrafu hemm fejn f’kotba tal-Bibbja nsibu riferiment għal dan. Fil-Bibbja il-mewt u l-mistrieħ ta’ dejjem huma sinonimi.

Fil-ktieb ta’ Bin Sirak insibu hekk: “Aħjar il-mewt minn ħajja ta’ mrar, u l-mistrieħ ta’ dejjem minn marda għal għomrok.” [Sir:30:17]

Għall-Insara il-mewt mhix sempliċi raqda imma hija stat fejn jintemm kull uġigħ fejn wieħed jista’ jistrieħ mill-mard u l-miżerja ta’ din id-dinja.

San Pawl jgħidilna: “Għax min jidħol fil-mistrieħ ta' Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.” [Lhud:4:10] Hawn forsi l-Appostlu qed jirreferi għall-mistrieħ f’Jum il-Mulej imma nistgħu nifhmu wkoll li biex wieħed jidħol fil-mistrieħ ta’ Alla jrid ikun ma’ Alla.

Fil-Ktieb tal-Għerf insibu riferiment għal Alla bħala d-dawl etern u l-għerf li huwa l-Iben: “Hu raġġ tad-dawl ta' dejjem, mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta' Alla, u xbieha tat-tjieba tiegħu.” [Għerf:7:26] San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid li Alla huwa l-għajn tad-dawl: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir.” [Ġak:1:17]

Minn dan nistgħu naslu biex ngħidu li l-ġenna hija post ta’ mistrieħ u dawl. Għalhekk kull meta nitolbu għall-erwieħ inkunu qed nitolbu biex dawn jidħlu għal dejjem fil-preżenza ta’ Alla li bħalma jgħid il-Profeta Isaija: “Ma ddawwlekx aktar ix-xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl, għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek.” [Is:60:19]


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Novembru 2022



sabato 6 novembre 2021

Fix-xahar tal-erwieħ


Novembru huwa x-xahar li l-Knisja Kattolika tiddedikah lill-erwieħ, lil dawk li mietu qabilna. L-ewwel jum tax-xahar ikun iddedikat lill-qaddisin kollha, u biex wieħed ikun qaddis irid ikun temm il-vjaġġ tiegħu fuq din l-art, u t-tieni jum ikun marbut mal-mejtin, mal-erwieħ li għalqu għajnejhom darba għal dejjem. Biss ix-xahar kollu huwa marbut ma’ dawk li ġew imsejħa mill-Mulej u għalhekk iċ-ċimiterji jkunu aktar frekwentati. 

Biża’

Il-biża’ mill-mewt u milll-mejtin hija universali b’hekk insibuha f’ħafna mill-kulturi u fin-nies madwar id-dinja. Xi wħud jemmnu li l-mejjet għandu l-abbiltà li jintervjeni fil-ħajja tal-ħajjin biex jirranġa jew ipatti għad-dnubiet imwettqa meta kien ħaj jew biex tgħinu jeħles mill-Purgatorju billi jitolbu għalih. Il-Knisja ppruvat tħeġġeġ dan id-drawwa billi waqqfet ġurnata speċifika biex tagħmel dan, sewwasew fit-2 ta’ Novembru, l-hekk imsejjaħ Għid tal-Imwiet.

Il-lewn assoċjat mal-mewt minn dejjem kien l-iswed. Dan il-kulur huwa l-oppost tal-abjad li jfisser dawl li jġib il-ferħ. Il-Konċilju Vatikan II li sar fis-snin sittin tas-seklu li għadda, ħeġġeġ li fil-liturġija tal-funerali jibda jintuża l-lewn vjola li wkoll ifisser sogħba, niket u penitenza. Fil-fatt il-vjola huwa l-lewn liturġiku li jintuża fl-Avvent u fir-Randan, żmien li ma mhuwiex ta’ ferħ.

Imma għaliex din il-biża’ tal-bniedem mill-mewt?

Il-fatt li ħaġa ma tkun taf xejn dwarha normalment tbeżżgħek. Tifel jew tifla fl-ewwel jum tal-iskola ħafna drabi jibku għax ikunu ser jinfirdu minn dawk li jgħixu magħhom u jħossuhom żguri fil-kumpanija tagħhom. Fl-iskola ma jkunux jafu x’ser isibu, ma’ min ser jiltaqgħu, kif ser tkun il-ġurnata u għalhekk jinbet il-biża’. L-istess il-mewt. Ħafna drabi dak li jkun mhux jibża’ mill-mejjet imma jibża’ mill-fatt li hu wkoll xi darba jrid ikun bħal dik il-persuna li tkun ħelset minn dan il-wied ta’ dmugħ. Tassew ironija din li nsejħu l-ħajja wied ta’ dmugħ imbagħad ħadd ma jixtieq jitlaq minnu minkejja li ngħidu li huwa wied ta’ dmugħ!

Funerali

Ladarba qed insemmu dan ix-xahar u l-erwieħ, tajjeb insemmu xi ħaġa dwar il-funerali minkejja li dawn ma jsirux biss f’Novembru imma maul is-sena kollha. Tajjeb inżommu f’rasna li funeral huwa biss tislima xierqa li min “ġabar l-għodda” u mar jistrieħ. Allura dan ma għandux ikun spettaklu imma ritwal reliġjuż. Ġieli min ikun qed jorganizza funeral ta’ xi ħadd għażiż għalih, bix-xewqa li jagħti l-aqwa tislima aħħarija lil dak li jkun, jinsa dan u għalhekk nispiċċaw b’funerali li aktar tista’ ssejħilhom spettaklu milli tislima ta’ waqt ta’ niket.

Ġieli jkun hemm funerali li fihom fuq iz-zuntier tal-knisja tindaqq xi diska jew innu li l-mejjet jew mejta kienu jħobbu. Imma dak li hemm fit-tebut ser jisma’ d-diska? Nisperaw li jkun diġà qed jisma’ l-kori tal-anġli! Rajna aktar minn hekk u ma nixtieqx nikkummenta għax ma rridx li xi ħadd jieħu fastidu bil-kitba tiegħi.

Drawwa li kienet inqatgħet għal kollox kienet il-ġarr tat-tebut bil-karru miġbud miż-żwiemel. Għal bosta snin dawn il-karrijiet inqatgħu għal kollox imma minn xi snin ilu reġgħu ngħataw permess jintużaw. Imma llum, fis-sena 2021, kemm hu prattiku li tuża ż-żwiemel għal funeral? Ladarba hemm il-karozzi x’sens fiha li terġa’ taqla l-karru tal-mejtin miġbud miż-żiemel u tużah? Jekk dak li jkun jifhem li funeral huwa att liturġiku, żgur li ma jgħaddix minn moħħu l-ħsieb tal-karru funebri miġbud miż-żwiemel.

Ironija

Ippermettuli nsejjaħ ironija drawwa li nsibu f’pajjiżna. Biex ngħid id-dritt ma nafx hux pajjiżna biss, imma ejjew ngħidu li hija drawwa Maltija. Minkejja l-biża’ kollha mill-mewt u mill-mejtin, għad li ma nieħdux gost nitkellmu fuq suġġett bħal dan li jista’ jkun ukoll makabru, fix-xahar ta’ Novembru nsibu ħelu msejjaħ “Għadam tal-mejtin!” Naħseb ilkoll nafu għal liema ħelu qed nirreferi, dawk il-pasti qishom figolli, forma ta’ għadam miksijin b’ġelu abjad. Ikolli ngħid li għad li l-mewt tbeżża’, dan il-ħelu jħobbuh il-maġġoranza tal-Maltin.

Ironija oħra li nara hija meta xi individwi waqt li jmorru jżuru l-oqbra tal-għeżież tagħhom, jinsew li jkunu qegħdin f’post sagru, post fuq kollox komuni li fih ma tkunx waħdek. Għalhekk jistona diskors b’vuċi għolja jew għajat. Meta tmur iċ-ċimiterju baxxi s-sound!

Illum fettilli nikteb xi ħaġa li żgur li ma hijiex sabiħa jew ferriħija, imma hija realtà li lkoll kemm aħna, irridu jew ma rridux, illum jew għada rridu ngħaddu minnha. Huwa għalhekk li Novembru jfakkarna fl-erwieħ għax xi darba aħna wkoll irridu nsibu rwieħna hemm, ma’ qrabatna, ħbiebna u oħrajn li temmew il-mixja tagħhom fuq din l-art qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan  l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Novembru 2021



venerdì 6 novembre 2020

Ċimiterju

 

Ix-xahar ta’ Novembru fil-Knisja Kattolika huwa assoċjat mal-persuni li ma għadhomx magħna, mal-mejtin. Matul dan ix-xahar tara aktar attività fiċ-ċimiterji tagħna, bosta jmorru jżuru lill-qraba tagħhom midfunin u jżejnu l-oqbra fil-fjuri u jixgħelu x-xemgħat. Tiskanta kif kollox għandu ħinu waqtu anke post fejn normalment norbtuh man-niket u l-firda! Fuq kollox tiskanta kemm hemm kurżitajiet dwar dawn il-postijiet għeżież għalina għax ifakkruna f’dawk li telqu mid-dinja qabilna.

Nekropoli u ċimiterju

Sa qabel iż-żmien tal-Kristjaneżmu, il-post fejn kien isir id-dfin kien jissejjaħ Nekropoli. Forsi tgħidu x’differenza jagħmel isem? Iżda dalwaqt sejrin naraw. Il-kelma “Nekropli” ġejja minn żewġ kelmiet Griegi; nekros li tfisser mejjet u polis li tfisser belt. Mela Nekropoli tfisser il-belt tal-mejtin. Billi l-Insara daħħlu l-idea li l-mewt hija sempliċiment stat fejn isseħħ bidla, u għalhekk ma hijiex it-tmiem ta’ kollox, inbidel ukoll l-isem tal-post tad-dfin. Il-kelma “Ċimiterju! Wkoll ġejja mill-Grieg;  koimeterion li tfisser post fejn wieħed jistrieħ u minn dan in-nom joħroġ il-verb koiman li jfisser traqqad, għalhekk dan il-post ma baqax aktar il-belt tal-mejtin imma sar il-post tal-mistrieħ, dormitorju fejn dawk li temmew il-vjaġġ tal-ħajja jitpoġġew biex jistrieħu. Bil-Latin din il-kelma saret coemeterium li minnha ħarġu l-ismijiet ta’ dan il-post f’għadd ta’ ilsna oħra fosthom il-Malti.

Ftit storja

Id-dfin mhux minn dejjem kein isir kif naruh illum. Dawk li kienu għonja kienu jibnu xi post għalihom li jissejjaħ Mawsolew. Il-bniedem komuni kien jindifen f’xi post il barra mill-belt. L-ewwel Insara bdew jidfnu lill-mejtin fil-katakombi. Aħna l-Maltin nistgħu ngħidu li wara Ruma għandna l-akbar eżempji ta’ dawn iċ-ċimiterji ta’ taħt l-art. Aktar tard id-dfin beda jsir fil-knejjes iżda għal raġunijiet sanitarji dan twaqqaf. Anke fil-mewt tidħol il-klassi. L-għonja, in-nobbli u l-benestanti kien ikollhom qabar f’xi knisja prominenti u fuq il-qabar kienet titpoġġa lapida ta’ rħam b’disinn mill-isbaħ. Qabar fejn qabar, l-art tal-knisja kienet timtela b’lapidi waħda isbaħ mill-oħra biex flimkien jgħattu ċ-ċangatura kollha tal-art. Eżempji ta’ din il-ħaġa narawha fil-Katidral tal-Imdina u fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta li hawn min iqis l-art tiegħu bħala l-isbaħ art ta’ knisja fid-dinja.

Sa żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża l-membri tas-soċjetà għolja kien ikollhom post distint fejn jindifnu filwaqt li l-kumplament kienu jindifnu f’oqbra komuni. Dan kien isir kullimkien għajr f’Palermo fi Sqallija. Hemmhekk kien hemm iċ-ċimiterju ta’ Sant Ursula, mibni fl-1783 fuq xewqa tal-Viċire Domenico Carrocciolo, li fih kien jista’ jindifen kulħadd, fqir jew sinjur. Sa dak iż-żmien kienu jeżistu postijiet ta’ dfin komuni f’każi ta’ xi epidemija bħall-kolera jew mard infettiv ieħor. Fil-fatt dan il-post kien jissejjaħ “Infetti” jiġifieri l-post fejn jindifnu l-infettati. Birkirkara kien hemm post minn dawn li llum ma għadux jintuża għad-dfin u Ħal Qormi l-infetti nbidel f’ċimiterju bħalma nbidlu bosta nfettijiet oħra. Ċimiterju minn dawn li għadu popolari huwa dak magħruf bħala ta’ Wied Għammieq, in-naħa ta’ Rinella, il-Kalkara.

Napuljun Bonaparti

Kien fl-1804 li Napuljun Bonaparti ħareġ dak li jissejjaħ l-Editt ta’ Saint Cloud. Jissejjaħ hekk mhux għall-qaddis iżda għall-post li fih kien maħruġ l-editt, post fi Franza li jismu Saint Cloud. Dan l-editt kien jobbliga li d-dfin għandu jsir f’ċimiterji li jkollu l-oqbra kollha xorta għax il-mewt hija l-istess għal kulħadd, iżda n-nobbli setgħu jkollhom lapida fuq qabarhom. Kien hemm kumitat li kien irid japprova x’jinkiteb fuq il-lapida, jiġifieri ħadd ma seta’ jagħmel li jrid. L-ugwaljanza li kienet waħda mill-pilastri tar-Revoluzzjoni Franċiża daħlet ukoll fost il-mejtin.

F’Malta

Iċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata, li nsibu bejn Raħal Ġdid, il-Marsa u Santa Luċija huwa ċ-ċimiterju nazzjonali ta’ pajjiżna. Dan beda jinbena fl- 1862, iżda dan il-post kien jintuża għad-dfin sa minn żminijiet preistoriċi. L-ewwel difna fih saret fl-1872. Minkejja li fih eluf ta’ oqbra, xorta ma huwiex kbir biżżejjed. Fil-fatt bħalissa qed jitkabbar u ser jiżdiedu fih eluf ta’ oqbra.

Huma bosta dawk l-irħula li l-parroċċi tagħhom għandha ċ-ċimiterju tagħha. Ħaġa li tgħaġġibni hija li fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima Tal-Pietà, hemm żewġ ċimiterji imma ma hemm lanqas qabar wieħed li jappartjeni lill-parroċċa. Dan għall-fatt li dawn huma ċimiterji Militari, bħal dawk li nsibu fl-Imtarfa u l-Kalkara. Sitwazzjoni li tixxiebaħ insibuha fil-Kalkara.


Malta għandha wkoll iċ-ċimiterju msejjaħ tat-Torok, fil-Marsa, li huwa binja mill-isbaħ. Dan ukoll huwa ċimiterju militari li nbena flok ċimiterju eqdem, li dejjem kien iservi għad-dfin tal-Musulmani. Illum qrib il-moskea ta’ Kordin insibu ċimiterju għall-Musulmani u għalhekk dan ma għadux jintuża.

Il-mewt, id-dfin u ċ-ċimiterji żgur ma humiex xi ħaġa sabiħa li titkellem dwarhom, iżda tiskanta kemm hemm ħwejjeġ interessanti dwarhom li forsi ftit jafuhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Novembru 2020

Aggiungi didascalia