venerdì 26 giugno 2020

L-Għajn


Malli nisimgħu l-kelma <<Għajn>> nistgħu nimmaġinaw aktar minn ħaġa waħda għax din hija kelma polivalenti, jew fi kliem ieħor, kelma b’aktar minn tifsira waħda.

Organu tal-ġisem
L-għajn hija organu li nsibu fil-ġisem tal-annimali mammiferi u ġieli f’xi annimali oħra wkoll. Din hija l-apparat li jirreaġixxi għad-dawl u b’hekk inkunu nistgħu naraw. Tiskanta kemm hi komplessa l-għajn u x’funzjoni għandha, kif taħdem mas-sistema tan-nervituri u kif taħdem b’mod li l-oġġett ta’ quddiemna ma narawhx bil-maqlub. Mhux l-iskop tiegħi li nidħol fid-dettall dwar dan l-organu għax m’jiniex kompetenti. Iżda nżid biss li l-għajn li taħdem sewwa tista’ tipperċepixxi sa għaxar miljun kulur differenti.

Għajn tal-ilma
Għajn Rażul
Fit-triq li trabbejt fiha ġewwa Ħal Qormi hemm fetħa li x-xjuħ kienu jsejħulha “Fejn l-għajn”. Dan l-isem jew laqam, li llum għandu mnejn intilef għal kollox kien ġej mill-fatt li hemmhekk kien hemm għajn tal-ilma u meta d-djar ma kellhomx il-kumdità tal-vit tal-ilma, kienu jmorru jimlew l-ilma minn din l-għajn. Ħal Qormi wkoll hemm żona li hija magħrufa bħala “Fejn l-għajn tal-Bhejjem”. Dan l-isem ingħata għax hemmhekk kien hemm ħawt li fih kien inixxi ilma li kien iservi biex iż-żwiemel jixorbu minnu. Illum dan il-ħawt għeb u minflok minn fejn jixorbu ż-żwiemel hemm minn fejn jixorbu l-karozzi għax saret pompa tal-petrol. Għejjun jew ħwiet bħal dawn kien hawn ħafna meta l-bhejjem kienu jgħinu lill-bniedem jagħmel ħidmietu.
Bħall-għejjun li semmejt qabel kien hawn ħafna mferrxin ma’ Malta iżda kien hemm xi wħud minnhom magħrufin aktar minn oħrajn. Ir-Rabat kien hemm l-għajn ta’ San Bastjan quddiem il-kappella tal-istess qaddis, li grazzi għall-kittieb Kilin saret popolari mal-Maltin kollha minħabba l-ktieb tiegħu “Fuq l-Għajn ta’ San Bastjan”. L-Imsida hija famuża l-Għajn tal-ħasselin li għadha wieqfa minkejja li tilfet l-użu tagħha. Tajjeb insemmu li minbarra dik tal-Imsida għejjun għall-ħasil tal-ħwejjeġ konna nsibu wkoll fl-Imdina, f’Ħad-Dingli, Marsaxlokk, fil-Fontana u f’Għajnsielem Għawdex. Forsi kien hawn aktar li jien ma nafx bihom. Għajn oħra li hija wkoll marbuta ma’ tradizzjoni jew leġġenda hija dik li nsibu fix-Xemxija. Din tissejjnaħ Għajn Rażul. Jingħad li meta San Pawl ħeles mill-għarqa kien xorob mill-ilma ta’ din l-għajn. Fil-fatt il-kelma rażul tfisser appostlu.

Irħula
F’pajjiżna nsibu wkoll xi ismijiet ta’ rħula bil-għajn. Wied il-Għajn huwa raħal għalih filwaqt li Għajn Dwiel jagħmel parti minn Raħal Ġdid u Għajn Tuffieħa jagħmel parti mir-raħal tal-Manikata. Mal-Mellieħa jagħmel parti wkoll Għajn Żnuber. F’Għawdex insibu l-Fontana li diġà semmejt qabel li mal-Għawdxin hi magħrufa bħala Triq tal-Għajn. Hawnhekk għadna naraw żewġ għejjun tal-ħasselin.F’Għawdex ukoll għandna r-raħal ta’ Għajnsielem. 



Imbagħad ma nistgħux ma nsemmux li f’xi rħula nsibu żoni li jirreferu għalihom bl-isem tal-għajn li xi darab kien hemm fihom, bħalma semmejt l-Għajn tal-bhejjem f’Ħal Qormi u qed jiġu f’moħħi Għajn Qatet u Għajn Qamar fir-Rabat Għawdex u Għajn Mhelhel fiż-Żebbuġ Għawdex ukoll. Żgur li bħalissa qed tiftakar f’xi post ieħor, imma ejja nieqfu hawn.

Għajn oħra
Hawn insemmi dik li ħafna minna jemmnu fiha, l-għajn ħażina. Hawn min jiġrilu x’jiġrilu jgħid li laqtuh bl-għajn. Dan huwa twemmin antik li għadu jeżisti fost il-bnedmin tat-tielet millenju. U ara ma taħsbux li dan huwa twemmin tagħna l-Maltin biss, xejn minn dan, l-għajn jemmnu biha bosta popli. Il-Knisja ma temminx bl-għajn ħażina imma tammetti li hawn min għandu ċerta qawwa. Il-Knisja temmen fil-magħmul li mhux sewwasew l-għajn. Ippermettuli nirrakkuntalkom fatt li ġara lili, imbagħad iġġudikaw intom. Mela kont Bologna u kont ħiereġ dawra bir-rota ovvajment liebes track suit. Fil-bieb tal-kunvent kien hemm waħda mara, xebba xiħa, li dejjem tilħaq salib in-nies u qaltli: "Kien hemm żmien li l-patrijiet ma kienux joħorġu mill-kunvent mingħajr tonka." Jien, li żaqqi tesa’ furnata ħobż imma kelma tagħmilli d-deni, weġibtha bla dewmien: "Sinjorina, kien hemm żmien li l-lajċi kienu jilħqu salibhom biss!" Qattus id-dinja f'nofs ta' triq ma nieħux puncture! Nemmen li hemm min għandu esperjenzi bħal tiegħi.

L-aħħar għajn
Irrid insemmi għajn oħra, dik li nsibu fl-alfabett Malti. L-għajn hija dik il-konsonanti li tagħti wisq inkwiet lil min jikteb bil-Malti u min irid jikteb Malti tajjeb. Ħaġa li ninnuta hi li llum qed isiru ħafna żbalji fil-kitba. Naraw li hawn min iħalli l-għajn barra meta suppost idaħħalha u mbagħad idaħħalha fi kliem li mhix suppost tidħol. Veru li ġieli tħawdek l-għajn imma jekk wieħed irid jikteb Malti tajjeb irid jitgħallem fejn hi postha din il-konsonanti. Mhux diffiċli wisq jekk tipprova bis-serjetà. Jien dejjem ngħid li kitba bi żbalji ortografiċi turi nuqqas ta’ serjetà. Ikteb Malti sewwa u tiġix għala għajnek ħabib!
Illum tajna daqqa ta’ għajn ma' kelma li tintuża ħafna u fiha tifsiriet differenti.

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Ġunju 2020