Mhux ser tkun l-intenzjoni tiegħi li f’dan l-artiklu
nipprova nara liema hu l-pajjiż li jikkwalifika bħala l-isbaħ wieħed li ħawn
fuq wiċċ id-dinja. Tmur fejn tmur kllimkien hemm is-sabiħ u l-ikrah tiegħu.
Il-ħsieb tiegħi illum ġie wara li bdejt nara ħafna reklami fuq l-istazzjonijiet
televiżivi Taljani li jirriklamaw it-turiżmu intern. F’dan ir-reklam jingħad
il-kliem li l-Italja huwa l-isbaħ pajjiż fid-dinja. Ngħidu li kulħadd jiftaħar
b’rixu imma jkollna nammettu li l-Italja minkejja l-eluf ta’ problemi li
jeżistu fiha, għandha rix mhux ħazin biex tiftaħar.
Turiżmu intern
Meta l-pajjiż ikun kbir bħala hu l-Italja wieħed faċli
jagħmel vaganza bla ma joħroġ mill-pajjiż. Meta kont nistudja l-Italja ġieli ltqajt
ma’ nies li qatt ma ħarġu mill-Italja imma jafu pajjiżhom bl-aktar dettall. Qed
insemmi l-Italja għax hu pajjiż ġar tagħna u ħafna minna jafuh sewwa, biss din
il-ħaġa tiġri wkoll fi Franza, l-Ġermanja, l-Ingilterra u f’kull pajjiż kbir
ieħor.
It-turiżmu intern, kif jissejjaħ dan it-tip ta’ turiżmu,
jiġġenera parti sostanzjali mill-ekonomija f’kull pajjiż, biss fejn jidħlu
pajjiżi żgħar bħal tagħna ftit li xejn nistgħu ngħidu li dan it-tip ta’ turiżmu
huwa popolari. Ngħiduha kif inhi, jekk aħna mmorru f’xi bajja, nistgħu bla
nkwiet ta’ xejn ngħaddu jum sħiħ hemm u filgħaxija naqbdu l-karozza u neġgħu
lura lejn id-dar. F’pajjiżi kbar min ma joqgħodx qrib il-baħar ma jmurx jgħum
kuljum jew kull nhar ta’ Ħadd imma jagħmel dan fil-vaganzi biss. Hawn issa qed
insemmu vantaġġ li nsibu f’pajjiżi żgħar bħal tagħna.
Turisti Maltin
Aħna ftit li xejn nafu nkunu turisti f’pajjiżna stess.
L-aktar l-aktar immorru xi ġimgħa Għawdex fis-sajf. Dan huwa l-aqwa turiżmu intern f’pajjiżna, minn
Malta għal Għawdex u mhux bil-kontra. Ftit huma dawk l-Għawdxin li jitħajru
jiġu Malta għall-vaganzi tagħhom. U ngħiduha kif inhi, vaganzi tkun tridhom
biex tistrih u allura l-Għawdxin jippreferu jibqgħu fi gżirithom għas-serħan.
Waħda mara Għawdxija darba qaltli li kienet ġiet biex tqatta’ tmiem il-ġimgħa
Malta, imma ma setgħetx tissaporti l-ħsejjes tal-karozzi lejl u nhar għaddejjin
mit-triq tad-dar li kienet kriet, għalhekk lanqas temmet dik il-vaganza imma
telqet lejn Għawdex malli sebaħ l-għada filgħodu. Ma nlumhiex, din imdorrija
fir-raħal taż-Żebbuġ u tiġi jumejn San Pawl il-Baħar taraha d-differenza.
Illum hawn ħafna li jagħmlu dak li qed insejħulhom weekend
break u hawn nistgħu ngħidu li anke l-Għawdxin iħobbu jagħmluha din il-ħaġa.
Biss dan it-tip ta’ turiżmu ma jħajjarx l-edukazzjoni kuturali iżda aktarx
iħajjar il-kultura tal-ikel għax ġranet bħal dawn ikunu kkaratterizzati minn
ikel bl-abbundanza.
Wisq nibża’ li t-turiżmu intern Malti, jew aħjar dak
in-naqra li għandna, jgħib għal kollox kemm-il darba l-ħolma tal-mina li
tgħaqqad il-ġżejjer tagħna ssir realtà.
Diversità
Ejjew nerġgħu lura għall-Italja. Dan il-pajjiż joffri mhux
biss xenarji sbieħ minn fuq sa isfel iżda wkoll btajjel li jistgħu jkunu
differenti għal kollox. Jekk wieħed imur lejn in-naħa ta’ fuq kemm lejn Valle
d’Aosta kif ukoll lejn Trentino Alto Adige, imsejjaħ ukoll is-Sud Tiroll, jista’
jgawdi xenarji mill-isbaħ ta’ muntanji. Fix-xhur xitwin jista’ jmur jiżżerżaq
fuq is-silġ jekk ikun dilettant. Jekk imbagħad wieħed jinżel lejn il-Calabria,
jew il-Puglia, minkejja li jkun għadu fl-istess pajjiż, ikun jista’ jgawdi minn
xenarji differenti. Issa minflok is-silġ naraw il-baħar. Hawn allura qed naraw
li dan il-pajjiż jista’ joffri btajjel differenti anke skont ix-xhur li jsiru,
Fix-xitwa mhux ser tmur fejn il-baħar u fis-sajf wieħed ifittex ix-xtajta aktar
mill-muntanji.
Minbarra x-xenarji f’pajjiż kbir insbu wkoll diversità
fil-kċina. Platti tipiċi tal-Italja ta’ fuq ma titħajjarx idduqhom minn Ruma ’l
isfel u platti li ssib fir-reġjuni ta’ Campania, jew Calabria, Molise, Puglia.,
Basilicata eċċetra donnu jkun fihom palat aqwa jekk tikolhom f’din in-naħa
tal-pajjiż. Niftakar darba kont Cervinia u wara l-polenta staqsewna jekk bħala
deżerta rridux il-pastiera Naplitana. Dak iż-żmien kont ngħix Napli bħal dawk
li kont magħhom. Infqajna nidħqu għax il-pastiera ma ssibx aħjar minn meta tissajjar
Napli bħalma l-polenta tintiegħem itjeb fuq l-Alpi.
Hawn nerġa’ nqabbel il-pajjiż ġar tagħna ma’ pajjiżna.
Ikollna nammettu li dak li joffri Marsaxlokk jew Wied il-Għajn, issibu l-Għarb
jew San Lawrenz. Tassew li x-xenarju jinbidel xi ftit imma ma jkunx hemm
differnza kbira bħal meta nqabblu s-silġ mal-baħar. Dan huwa żvantaġġ għalina
li ngħixu f’pajjiż ċkejken.
Mill-banda l-oħra fejn tidħol kċina nistgħu ngħidu li xi
naqra differenza nsibu. Iżda xorta waħda, prodott li jsir Għawdex jasal Malta
bla problemi ta’ xejn.
Rajna fuq fuq id-differenza li jeżistu fejn jidħol turiżmu
intern bejn pajjiż u pajjiż. Ikollna nammettu li ċ-ċokon huwa dejjem żvantaġġ fejn
jidħol dani t-tip ta’ turiżmu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Ġunju 2020
Nessun commento:
Posta un commento