Visualizzazione post con etichetta gruppi. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta gruppi. Mostra tutti i post

venerdì 11 agosto 2017

Vjaġġar

Santu Wistin
“Id-dinja hija ktieb u dak li ma jivvjaġġax jaqra biss paġna waħda minnu.” – Dan il-kliem ma huwiex tiegħi, lanqas huwa ta’ xi bniedem li bħalna qed jgħix fi żmien li s-safar sar daqstant faċli. Dan il-kliem qalu Santu Wistin, bniedem li għex bejn ir-raba’ u l-ħames seklu wara Kristu.  Meta taħseb ftit dlonk tinduna kemm dan il-filosofu u qaddis kien avvanzat għal żminijietu. Li tivjaġġa dak iż-żmien kien ifisser strapazz kbir; mixi, xi rikba fuq xi ħmar jew żiemel, vjaġġ fuq xi xini tal-qlugħ u mill-ġdid mixi sal-wasla fil-post mixtieq. Madanakollu dan l-għaref induna li l-ivjaġġar jiftaħlek orizzonti ġodda, ikabbrek fil-kultura u jkompli jgħanik bl-għerf. Mhux ta’ b’ xejn li qalilna li min ma jsifirx ikun qara paġna waħda biss minn ktieb sħiħ. Huwa tkellem mill-esperjenza għax mill-Afrika ta’ Fuq qasam lejn l-Ewropa u terraq bosta f’ Ruma u Milan. Nimmaġina li kieku dan il-qaddis qed jgħix illum, dejjem bil-bagalja lesta taħt is-sodda u bil-boarding pass stampat, lest għas-safra li jkun imiss. Ehhhh.. ma ssirx qaddis minn bilqegħda!

Paesi che vai ....
It-Taljani jgħidlulek “paese che vai, usanze che trovi” – tmur f’ xi pajjiż barrani, lesti ruħek li ssib drawwiet differenti minn tiegħek. Din hija waħda mill-problemi tal-poplu Taljan. Imur fejn imur ifittex li jiekol l-ikel li hu imdorri bih f’ pajjiżu. Tabilħaqq li l-kċina Taljana hija tajba ħafna u għal bosta hija meqjusa bħala l-itjeb fid-dinja, imma jekk ma tesperjenzax anke l-platt tipiku tal-pajjiż li tkun qed iżżur titlef parti mis-sabiħ tas-safra tiegħek. Il-vantaġġ tat-Taljani huwa li f’ pajjiżhom stess jistgħu jagħmlu vjaġġar kemm iridu u jkunu jistgħu jibqgħu bl-istess gosti tal-ikel tagħhom waqt li jibdlu l-ambjent ta’ madwarhom.

Id-drawwiet ma nsibuhomx fl-ikel biss. Fil-mod tal-ħajja spiss nindunaw b’ differenzi bejn il-pajjiż tagħna u dak li nkunu qed inżuru. Dan l-aħħar qrajt li jekk tkun il-Ġappun u f’ restaurant tħalli t-tips, joħduha bħala offiża. Aħna l-Ewropej l-offiża noħduha jekk ma jħallulna xejn! Iva ħi . . . .  paese che vai, usanze che trovi.

In-nuqqas ta’ safar
Minkejja li llum is-safar sar ħaġa ta’ kuljum, xorta għad għandna żgħażagħ li qatt ma rifsu xi art barranija. Ma humiex wisq, imma għadna nsibu minnhom anke f’ Malta. Ħasra, dnub! Min jaf x’ penitenza kien jagħtihom kieku kellhom imorru jqerru dan id-dnub għand Santu Wistin! Nista’ nifhem li għadd ta’ anzjani qatt ma siefru għax qatt ma kellhom l-opportunità jew għax jibżgħu, imma ż-żgħażagħ storja oħra.

Ruma
In-nuqqas ta’ tagħrif fuq artijiet oħra jagħlqek f’ dinja għalik u tara dak kollu li huwa barra mid-dinja tiegħek bħala xi ħaġa ’l bogħod minnek u li inti qatt ma tista’ tilħaq. Irrid naqsam magħkom esperjenza tiegħi li kelli aktar minn għaxar snin ilu. Kont għadni nistudja barra minn Malta u waqt li kont bil-vaganzi f’ Malta kont qed nitkellem ma’ mara anzjana. Għidtilha li l-għada kelli nsiefer u hi qaltli li hi qatt ma siefret imma kellha tifel barra minn Malta. Qaltli li xi darba tgħidlu forsi jiġi jarani jew jistedinni għandu għall-ikel. Ma nafx kif stajt infehma li jien kont sejjer l-Italja u binha kien joqgħod l-Ingilterra. Għaliha t-tnejn barra minn Malta konna u għalhekk stajna niltaqgħu. Biex tneħħi dan il-ħsieb minn moħħha kont għidtilha li hemm ħafna bogħod minn fejn noqgħod jien għal fejn joqgħod binha!

Ħabib tiegħi, Taljan mill-Calabria, kellu ħuh fl-armata. Darba lis-sezzjoni ta’ dan is-suldat ħaduhom mill-Calabria għal Ruma għal żjara kulturali. Din kienet l-ewwel darba li dan it-tali żar il-kapitali ta’ pajjiżu.  Meta mar lura d-dar ħuh staqsieh x’ kien ra. Qallu li ħlief ħitan qodma ma ħaduhomx jaraw! Ħabibi spjegalu li dawk il-ħitan qodma li ħaduh jara hemm min jivjaġġa min-naħa l-oħra tad-dinja biex jarahom!

Gruppi u individwi
Illum bosta jsiefru għal rashom, imma għad hawn bosta oħrajn li jfittxu gruppi organizzati. Dawn il-gruppi huma komdi ħafna għall-familji u għall-anzjani għalkemm anke żgħażagħ jattiraw. Meta ssiefer għal rasek trid taħseb għal kollox inti. Tara kif se tivajaġġa min post għal ieħor, tara fejn se torqod, tinħasel, tiekol u l-kumplament. Ma’ grupp organizzat ma trid taħseb għal xejn minn dan, hemm il-mexxej tal-grupp, hemm il-gwida u inti tista’ toqgħod b’ rasek mistrieħa. L-ivjaġġar individwali fih il-vantaġġ li tkun tista’ żżur postijiet li tkun qrajt fuqhom qabel. Mal-grupp ikollok iżomm mal-programm. Imma dan kollox fih tiegħu, ma hemmx warda bla xewka.

Ninsabu proprju fl-eqqel ta’ żmien is-safar – is-sajf huwa l-aktar żmien li fih isir vjaġġar. Tajjeb li ma nsifrux biex sempliċiment inkunu sifirna, tajjeb li ma mmorrux cruise u niġu lura u ngħidu kemm kilna! Hemm ħafna x’ wieħed jitgħallem mis-safar, hemm id-divertiment tassew, imma hemm ukoll l-interess f’ dak li jkun qiegħed iżur. Biex taqra l-ktieb kollu trid tinteressa ruħek ukoll!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 12 ta' Awwissu 2017



sabato 20 giugno 2015

Destinazzjoni Lourdes

Pellegrinaġġ – ġita popolari mal-Maltin


Ta’ kull sajf, eluf kbar ta’ Maltin saru jħallu gżiritna u jmorru jqattgħu xi ftit żmien f’ xi pajjiż barrani. Hemm minn dawn il-vaganzi li huma twal u mbegħda u hemm oħrajn iqsar u tista’ ssejħilhom ukoll qrib. Waħda mill-aktar destinazzjonijeit popolari magħna l-Maltin hija l-belt ta’ Lourdes fi Franza. F’ dan il-post jingħaqad l-ispiritwali mal-profan u hemmhekk wieħed jista’ jgawdi ftit jiem ta’ mistrieħ kif ukoll iqatta’ ħin ta’ meditazzjoni spiritwali f’ post mill-isbaħ.

Bernardette Soubirous
Sal-1858 ir-raħal fil-muntanju Pirinej imsejjaħ Lourdes ftit kienu jafu bih. Kienet iċ-ċkejkna Bernardette Soubirous li bla ma kienet taf kellha tbiddel dan ir-raħal minsi f’ post magħruf mad-dinja kollha. Din it-tifla marradija kellha dehriet ta’ Sinjura liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla ma’ ġenbejha. Billi t-tifla kienet marradija u moħħa ftit li xejn kien tajjeb għall-iskola u l-istudju, bosta ddubitaw minn dawn id-dehriet u minħabba f’ hekk kellha tgħaddi minn bosta umiljazzjonijet kif ukoll tbatija. Illum il-Knisja Kattolika tagħraf li f’ dawk id-dehriet kienet il-Madonna li dehret lit-tfajla. Id-devozzjoni lejn dan il-post imxtredet mad-dinja kollha u t-titlu tal-Madonna ta’ Lourdes żdied mal-bosta titli oħrajn li kellna qabel. Anke Malta insibu żewġ parroċċi ddedikati lil Marija taħt dan it-titlu, waħda f’ San Ġwann u oħra f’ Raħal Ġdid, u ma nistgħux ma nsemmux il-kapella ħelwa li nsibu ġewwa l-Furjana li hija wkoll iddedikata lil Madonna ta’ Lourdes.

Liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla
Il-kwadru titulari ta' Bormla 
L-istatwa tal-Madonna fil-grotta ta' Lourdes
Ħaġa interessanti u forsi ftit huma dawk minna li jafuha hija li l-ilbies li dehret liebsa l-Madonna ġewwa Lourdes, jiġifieri libsa bajda b’ faxxa kaħla madwar ġenbejha, huwa l-istess ilbies li l-Madonna tidher liebsa fil-kwadru titulari tal-Immakulta Kunċizzjoni ta’ Bormla. Forsi jkun hawn min min jaħseb li l-artist tal-kwadru kien sema’ kif dehret il-Madonna ġewwa Lourdes, imma dan ma jistax ikun għaliex il-kwadru tpitter qabel id-dehriet. Fl-1828, jiġifieri 30 sena qabel id-dehriet ta’ Lourdes, Dun Ludovik Mifsud Tommasi kien qabbad lill-artist Pietru Pawl Caruana biex ipitter kwadru tal-Kunċizzjoni sabiex jirregalah lill-kolleġġjata ta’ Bormla. Wara dan il-kwadru kellu jieħu post il-kwadru titulari tal-artist Carlo Gimach u jsir il-kwadru titulari li għadnha nsibu llum. Sa dak iż-żmien il-Madonna dejjem konna narawha mpittra b’ libsa ħamra li tfisser l-umanità, b’mant ikħal li jfisser il-qdusija – Marija bniedma imma qaddisa. Forsi koinċidenza, forsi kumbinazzjoni jew forsi Dun Ludovik kellu xi sinjal mis-sema. Ma nafx!

Pellegrinaġġ – ġita
Biex wieħed imur ġimgħa Lourdes u jibqa’ hemmhekk 24 siegħa kuljum, il-pelleġrinaġġ isir xi ftit jew wisq tedjanti għaliex minkejja li l-parti tas-santwarju hija kbira, imma xorta waħda ddur kemm iddur dejjem fl-istess post tibqa’. Għalhekk l-organizzaturi tal-gruppi jaraw li f’dawk il-jiem li fihom isir dan il-pellegrinaġġ, matul il-jum il-pellegrini jittieħdu jżuru xi postijiet ta’ interess kemm marbutin mal-grajjiet ta’ Lourdes kif ukoll postijiet oħrajn. Filgħaxijiet dejjem isiru attivitajiet fis-santwarju, fil-grotta jew fil-madwar. B’ hekk min imur ma’ dawn il-gruppi jkun jista’ jgawdi l-ġmiel naturali ta’ dawn l-inħawi ta’ Franza kif ukoll iżur postijiet ta’ interess fil-qrib u fuq kollox isib ħin għall-meditazzjoni u spiritwalità.

Xi ħbieb tiegħi, Taljani marru Lourdes u qaluli li għamlu ħamest ijiem hemmhekk bla ma marru mkien aktar. Qaluli li ħamest ijiem huma ħafna għal il-post mhux wisq kbir u f’ ġurnata jew tnejn idduru kollu. Dan huwa żball li l-organizzaturi tal-gruppi Maltin ma jagħmlux. Biex wieħed ma jiddejjaqx dawn il-gruppi jmorru jżuru postijiet kulturali wkoll.

Ġewwa u barra
It-toroq ta' Lourdes barra s-santwarju
Lourdes tista’ titqies bħala belt li fiha żewġ realtajiet. L-ewwel realtà hija dik li hemm ’il ġewwa mill-kanċelli ta’ San Ġużepp u ta’ San Mikiel. Fis-santwarju u ż-żona tiegħu hemm sens profond ta’ qdusija. Hemm tara minn kollox, hemm tara lil kulħadd, hemm tara l-fqir, tara s-sinjur, tara l-bniedem b’ saħtu u tara l-marid, tara ż-żgħir u tara l-kbir. Hemm kulħadd l-istess hemmhekk kulħadd ikun għal għan wieħed. Is-santwarji, l-grotta, il-banjijiet, il-bażilika ta’ San Piju X, kollha huma postijiet sagri.

Barra mill-kanċelli tas-santwarju hemm dinja oħra; ħwienet tal-ikel, ħwienet li jbiegħu kull xorta ta’ tifkiriet, ħwienet mimlijin żgħażagħ u oħrajn mimlijin b’ nies adulti. Barra hemm ħajja oħra li anke matul il-lejl tibqa’ attiva daqs binhar. Forsi dan huwa s-sigriet ta’ Lourdes, forsi għalhekk bosta Maltin li jmorru darba jgħidulek li jerġgħu jmorru.
Lourdes tista’ tkun destinazzjoni għal vaganza qasira u li ma tiswiex wisq flus l-anqas, tista’ tkun vaganza b’ differenza fejn wieħed jista’ jieħu gost f’ ambjent nadif f’ kull sens.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Ġunju 2015


venerdì 5 settembre 2014

Is-safar

Fih ħafna sabiħ iżda mhux kulħadd isiefer biex igawdi


Ġieli tibda’ titkellem ma’ persuna u l-kliem jaqa’ fuq xi drawwa jew post partikolari. Ħafna drabi sitwazzjoni bħal din twassal biex nibdew nitkellmu dwar xi ħaġa li nkunu rajna jew esperjenzajna waqt xi żjara li nkunu għamilna barra minn Malta.

Safar
Biex wieħed isiefer illum sar eħfef minn qatt qabel u għalhekk is-safar żdied ħafna. Illum ma għadekx taħseb minn xi sena qabel biex tara fejn trid tmur, biex taqta’ l-biljetti, biex tikri kamra f’ lukanda, insomma fi ftit kliem biex torganizza s-safra tiegħek. Illum wieħed jidħol fuq l-internet u jara l-postijiet li jixtieq iżur, iqabbel il-prezzijet, ifittex titjiriet li jwassluh fil-post mixtieq minnu. Kollox mill-kumdità tad-dar. Jeżistu wkoll dawk imsejħin opportunitajiet tal-aħħar minuta, fejn wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ okkażjoni ta’ safra bi ftit flus imma li tkun trid tibda fi ftit sigħat. Dan it-tip ta’ safar jgħodd għal dawk avventurużi, l-aktar iż-żgħażagħ imma mhux biss. Illum hawn bosta penzjonanti li meħlusin mix-xkiel li jridu joqgħodu jitolbu jiem ta’ vaganzi mill-post tax-xogħol, isibu opportunità ta’ safra malajr malajr u joħduha.

Gruppi
Hemm imbagħad dawk li jippreferu jsiefru ma’ grupp organizzat minn xi agenzija. Dan it-tip ta’ safar kien aktar popolari xi snin ilu. Illum xorta għadhom jiġu organizzati tours, imma għandi l-impressjoni li ma’ għadhomx popolari daqs qabel. Dawn il-ġiti huma komdi għax wieħed ikollu kollox lest imma fihom l-iżvantaġġ li wieħed ma jistax imur fejn irid imma jkun marbut bil-jiem u l-ħinijiet li jkunu stabbiliti mill-organizzaturi tal-ġita. Dawn huma safriet popolari ma’ persuni anzjani jew persuni li jfittxu safra li fiha jirilassaw.

Qabel nitilqu
Tajjeb li qabel ma wieħed isiefer ifittex ftit fuq il-pajjiż li jkun ser iżur. Illum hawn bosta tagħrif fuq l-internet dwar il-pajjiżi kollha tad-dinja. B’ hekk wieħed ikun jaf xi ftit tal-istroja u tad-drawwiet kif ukoll il-postijiet l-aktar important tal-post li jkun għażel biex iqatta’ vaganza fih. Naf persuni li jġorru mappa magħhom meta jsiefru biex ikunu jafu eżatt fejn ikunu, u jimmarkaw fuqha d-data ta’ meta jkun żaru xi belt.

Sajf jew xitwa
Hawn min jgħidlek li jkun qiegħed jistenna l-vaganzi tas-sajf biex isiefer u b’ hekk jeħles għal ftit jiem mis-sħana tas-sajf Malti. Biex ngħidu d-dritt għandu mnejn isib li fil-post li jkun żar ikun hemm sħana aktar milli jkun hawn f’ pajjiżna. Is-sajf huwa l-aktar staġun popolari għas-safar, imma safra fix-xitwa għandha mnejn tkun esperjenza li ma tintesa qatt. Fix-xitwa wieħed jista jfittex pajjiżi li joffru xenarji li aħna ma nistgħu narawhom qatt f’ pajjiżna, bħal xmajjar bl-ilma għaddej fihom b’ forza tal-għaġeb, jew muntanji miksijin bis-silġ.

Xiri
Illum sirt nemmen li x-xiri waqt is-safar huwa parti mid-DNA tal-ġens Malti. Jiġu organizzati saħansitra safriet biex isir ix-xiri minn swieq kbar. U meta ma nkunux f’ xi safra organizzata għax-xiri xorta nkunu rridu nsibu fejn imbattlu ftit il-bwiet. Niskanta nara nies li meta jkunu imsiefra jidħlu fi stabilimenti li jintabu f’ pajjiżna wkoll. Stabilimenti li jkollhom l-istess prodotti u l-istess prezzijiet ta’ dawk f’ Malta. Imma nerġa’ ngħid li dak huwa d-DNA tagħna.

Safar b’ differenza
Sa issa semmejt biss safar bħala mezz ta’ serħan jew bħala divertiment imma hemm bosta safar ieħor. Minkejja li spiss nisimgħu kliem li jiddisprezza liż-żgħażagħ, u ġieli dan il-kliem ikun ġust, ma għandniex ninsew kemm żgħażagħ isiefru b’ għan nobbli. Qiegħed nirreferi għal dawk il-ħafna persuni li sena wara sena jmorru jgħinu nies fil-bżonn lil hinn minn xtutna. Tfal, zgħażagħ, adulti, anzjani, morda jew persuni bi ħtiġijiet speċjali spiss isibu l-għajnuna ta’ żgħażagħ Maltin li joffru xi żmien biex jgħinu lil dawn l-imsejknin.

Qsim il-qalb
Min jaf kemm dmugħ ixxerred minn għajnejn l-ommijiet li kienu jaraw lill-uliedhom jitilqu artna sabiex ifittxu xortihom il bogħod mill-familja. L-Awstralja, l-Amerka, il-Kanada u l-Ingilterra laqgħu eluf ta’ Maltin li marru jfittxu x-xogħol hemmhekk. Qabel ma fetħu bwiebhom dawn l-artijiet il-Maltin kienu jemegraw lejn Tuneż, l-Algerija jew pajjiżi Afrikani oħra. Dan kien tip ta’ safar li kien inikket mhux biss lil min kien jagħmlu imma wkoll lil dawk li kien jinfired minnhom.

Mhux l-ewwel darba li bdejt nitkellem ma’ xi persuni waqt xi titjira. Kemm hemm min ma jsifirx għall-gost! Ġieli tkellimt ma’ persuni li kienu sejrin iżuru xi qarib jew qariba marida u minn kliemhom tinduna li aktarx li din sejra tkun l-aħħar darba li dawn il-persuni ser jiltaqgħu. Isir ukoll safar biex dak li jkun ikun ikkurat minn xi marda li għaliha ma jkunx hemm kura Malta. Mhux safar ta’ qsim il-qalb dan ukoll?
Kultant tħares lejn is-sema u tara xi ajruplan. Għandek mnejn ma tagħtix każ jew għandek mnejn jiġrilek bħali u tgħid “Min jaf kemm hemm nies fuqu dak l-ajruplan. Min jaf għalfejn qegħdin fuqu?”


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 6 ta' Settembru 2014