Visualizzazione post con etichetta covid 19. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta covid 19. Mostra tutti i post

venerdì 15 aprile 2022

Normalità

 

Issa li ilna aktar minn sentejn għaddejjin minn din il-pandemija, spiss qegħdin nnisimgħu minn jitkellem dwar il-fatt li resqin lejn in-normalità minkejja kollox. Tabilħaqq li l-agħar ħaġa li bniedem jista’ jagħmel f’ħajtu hu li jaqta’ qalbu, li jmewwet it-tama minn ġewwa fih. Għaddejna sentejn li għal bosta minna kienu l-agħar snin ta’ ħajjitna fejn konna msakkrin f’darna donna qegħdin fil-ħabs bla ħtija. Ma stajniex immorru fil-ħwienet li konna nifrekwentaw qabel, il-knejjes għalqu bwiebhom u konna mċaħħdin milli nżuru l-għeżież tagħna fl-isptarijiet u fid-djar tax-xjuħ. Waqfet kull attività, teatri xejn, sport kellna nikkuntentaw naraw dak li jwasslulna l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u kellna nwaqqfu l-festi titulari li tant huma popolari f’pajjiżna, l-aktar fix-xhur tas-sajf. Issa jidher li bil-mod il-ħajja qed terġa’ lura għal dak li kienet qabel ma faqqgħet din il-pandemija, fit-tarf tal-mina mudlama li għaddejna minnha qed jidher xaqq dawl, merżuq dawl ċkejken, biex dejjem ikabbar fina t-tama li għad nerġgħu ngħixu kif konna ftit aktar minn sentejn ilu. Imma kemm tabilħaqq din it-tama sejra ssir realtà? Kemm dan il-kliem li dalwaqt nerġgħu lura għal li konna ser iseħħ? Tgħidulix pessimist jew li nara n-naħa l-kerha biss, imma qagħadt ftit naħseb dwar l-effetti li din il-pandemija ser ħalli fuq kull wieħed u waħda minna.

Għal li konna

Aħna nistgħu nerġgħu nibdew ngħixu kif konna qabel Marzu tas-sena 2020, imma min ħalla din id-dinja b’kawża tal-covid żgur ma hemmx normalità għalih. Lanqas għall-qraba ta’ dawk li mietu fil-pandemija ma tista’ qatt tkun normalità assoluta. Għal dawk li minħabba li ħadu l-virus tal-covid, minkejja li ma kellhomx fatalità, iżda ser jibqgħu b’xi difett f’saħħithom, żgur ma tistax issemmilhom il-kelma “normalità” għax naħseb jibgħatukom issaqqi l-ħass tal-Marsa u jkollhom raġun. Għal dawk li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom wara tant snin minħabba l-pandemija ma tantx hemm normalità. U nistgħu nibqgħu sejrin insemmu litanija ta’ sitwazzjonijiet li ma tantx jistgħu jerġgħu lura għan-normal minkejja l-isforzi kollha li qed isiru.

Fil-knejjes

Jiena bħala saċerdot ma nistax ma ninnutax li minn wara li l-knejjes għalqu u reġgħu fetħu, in-numru ta’ nies li jattendu naqas drastikament. Il-kurja Maltija kienet qalet li dak li jkun jista’ jisma’ l-quddies minn fuq il-mezzi tax-xandir u din tgħodd xorta waħda. Din il-ħaġa tidher li ntogħġbot għax meta reġgħu nfetħu l-knejjes kien hemm min baqa’ jisma’ l-quddies id-dar. Imma ejjew inkunu sinċieri magħna nfusna: Jekk irridu normalità ma nistgħux nibqgħu d-dar, hemm bżonn inkunu preżenti fil-knisja.

Festi

Jidher li dan is-sajf ser nerġgħu nkunu nistgħu ngawdu l-festi tal-qaddisin patruni tal-irħula u l-ibliet tagħna. Il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir għandhom mnejn ikunu l-ewwel prova. Imma kemm ser ikollna normalità fil-festi? Nibda biex ngħid li biex torganizza festa trid eluf u eluf kbar ta’ ewro u dawn jinġabru permezz ta’ attivitajiet li jsiru. Bil-pandemija dawn l-attivitajiet kellhom jitwaqqfu u għalhekk ingħalaq kull sors ta’ dħul għall-organizzaturi tal-festi bħalma huma l-kumitati tal-armar, l-għaqdiet tan-nar u l-baned. U dan biex ma nsemmix il-Knisja għax wara kollox il-festi titualri ta’ pajjiżna torganizzahom il-Knisja minkejja li ftit li xejn tieħu l-prosit!

Problema oħra marbuta mal-festi hija l-bandisti. Billi ħafna bandisti kienu jqisu d-daqq fil-marċi bħala xogħol part time, bil-waqfien tal-festi matul il-pandemija dawn spiċċaw bla xogħol part time. Xi wħud minnhom sabu xogħol part time ieħor u llum qed isibuha bi tqila biex iħallu dan il-part time u jerġgħu jibdew idoqqu mal-banda. Min ilumhom? Jekk xejn il-part time jitħallas kull ġimgħa, ħmistax jew xahar filwaqt li ħafna drabi s-servizzi mogħtija lill-banda jitħallsu fi tmiem l-istaġun tal-festi jew meta jingħalqu l-kontijiet tas-soċjetajiet filarmoniċi. Dan il-fatt ġab il-problema li llum saret diffiċli ssib bandisti biżżejjed biex tgħaqqad banda sura ta’ nies. Min jaf meta jkun hawn ħafna festi f’daqqa, bħal ngħidu aħna nhar Santa Marija, x’ser isir? Għal min isib ruħu b’dawn il-problemi quddiemu u jipprova jsib soluzzjoni għalihom ma tantx tista’ tgħidlu li wasalna għan-normalità għax malajr jitla’ San Filep, ladarba qed insemu l-festi u l-qaddisin.

Hawn semmejt biss ftit aspetti fejn il-pandemija li ħakmet lid-dinja dawn l-aħħar snin sejra tħalli effett mhux mixtieq fuqna. Ilkoll nittamaw li xi darba jkollna n-normalità li kull jum tal-pandemija xxennaqna għaliha, ittamajna li ma ddumx ma tiġi, imma kemm tabilħaqq xi darba nkunu nistgħu ngħidu li erġajna qed ngħixu b’mod normali?

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 16 ta' April 2022




venerdì 25 settembre 2020

X’differenza!

 

Spiss niltaqa’ ma’ xi ħbieb jew nies li nafhom u nieqfu ngħidu kelma malajr malajr. Bla ma rridu dejjem nispiċċaw ngħidu xi ħaġa dwar kif qed ngħaddu ħajjitna, kif il-pandemija tal-Covid-19 gerfxitilna ħajjitna, ħarbtitilna r-rutina ta’ ħajjitna u biddlitilna jew ħassritilna l-pjani li kellna f’moħħna. Naħseb li ħaġa bħal din tiġri lilkom ukoll, għax wara kollox qegħdin ngħixu fi żmien li qatt ma għexna bħalu. Lanqas dawk li jiftakru t-tieni gwerra dinjija ma għexu żmien bħal dan għax tal-anqas dawn kienu jkunu jafu meta l-għadu jkun fil-qrib u għalhekk kienu jiġru biex isibu fejn idabbru rashom u jistkennu minnu. L-għadu li laqat lid-dinja din is-sena ma tkunx taf fejn hu u jkun qed jheddek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. U aħna nafu li għandna dan l-għadu ma’ djulna u ma nistgħu nagħmlu xejn kontrih għajr li nsegwu l-istruzzjonijiet li jagħtuna l-awtoritajiet. U meta niġu biex ninfirdu minn dik il-persuna li nkunu ltqajna magħha nispiċċaw ngħidu.... “X’differenza!”

Fix-xogħol

Fl-ewwel xhur tal-pandemija kien hawn bosta ħaddiema li bdew jaħdmu minn djarhom. Bis-saħħa ta’ hekk nistgħu ngħidu li gawdiet id-dinja kollha. Billi l-karozzi naqsu mit-toroq l-arja kienet aktar nadifa, sar anqas ħmieġ lill-ambjent u n-natura dlonk bdiet turina li kienet qed tieħu gost b’dak li kien qed jiġri. Iżda wara ftit kollox reġa’ lura għal dak li kien qabel u l-karozzi reġgħu bdew jimlew it-toroq tad-dinja kollha. Aħna l-Maltin, li għandna problema ta’ taffiku enormi, mill-ġdid bdejna neħlu fi sriebet ta’ karozzi ma jispiċċaw qatt.

Allura wieħed jibda’ jistaqsi: Tabilħaqq li mhux il-ħaddiema kollha jistgħu jaħdmu mid-dar, imma dawk li jistgħu jwettqu ħidmiethom b’dan il-mod, għalfejn kellhom jerġgħu lura għas-sistema ta’ qabel ir-restrizzjonijiet? Jien għamilt din il-mistoqsija lili nnifsi elf darba u sibt it-tweġiba waħdi. Ħaddiem li jitlaq mid-dar biex imur għax-xogħol jgħin biex iddur ir-rota tal-ekonomija tal-pajjiż. Jekk juża l-karozza tiegħu ikollu jgħaddi għand tal-pompa tal-petrol biex jimlielha t-tank. Jekk ikun kuraġġuż biżżejjed u juża t-trasport pubbliku jonfoq inqas, imma jrid iħalli daru ħafna qabel il-ħin tax-xogħol tiegħu. Dan il-ħaddiem jekk jgħaddi jieħu kafè u forsi jixtri ħobża biex joħodha miegħu għax-xogħol ikun qed jgħin l-ekonomija. Jekk tfajla hi u dieħla lejn l-uffiċċju tgħaddi minn quddiem ħanut u tara libsa sabiħa, għandha mnejn wara x-xogħol tgħaddi tixtriha. Jekk ix-xogħol isir mid-dar dan il-bejgħ jintilef kollu u jnaqqas it-tidwir tar-rota ekonomika. Meta għamilna dawk il-ġimgħat bit-teleworking rajna ħafna differenza!

F’divertiment

Bidla oħra li kellna nagħmlu tal dawn l-aħħar xhur huwa l-mod kif niddevertu. Is-sajf Malti huwa kkarattarizzat bil-festi tal-irħula u l-bliet. X’differenza din is-sena! Waqqafna kollox, ftaħna għal ftit u forsi f’dawk il-ftit ġimgħat eseġerajna xi ftit ukoll u kellna nerġgħu nwaqqfu kollox.

Il-festa llum ma għadhiex dik l-attività reliġjuża li kienet darba imma hija waħda mill-imgħażel tar-rota tal-ekonomija. Aktar ma jkollok flus aktar tagħmel festa kbira. Ftit flus, festa ċkejkna, ħafna flus, festa enormi. Dik hija l-verità tal-festi Maltin.

X’differenza dis-sena! Festa ġurnata waħda, quddiesa u xejn aktar. Nies fil-knisja limitati u kulħadd liebes il-maskra jew il-visor. Xejn marċi, xejn xalati l-għada tal-festa!

Tiġijiet

Bosta koppji kellhom ibiddlu d-data taż-żwieġ tagħhom. Minħabba l-pandemija. Imma kemm ser iddum tbiddel dati? Kelli okkażjonijiet li ntejjeġ xi koppji minn dawn li qed insemmi. Fil-knisja ftit li xejn inbidel u l-bidliet li saru jkun hawn min lanqas jintebaħ bihom, imma fir-riċeviment tara bidla totali. Spiċċa ż-żmien fejn tifraħ mal-koppja u mal-mistiedna l-oħra, ikollok toqgħod bilqegħda fejn ipoġġuk u jservuk qisek qiegħed f’ristorant. U jekk ikollok il-ħbieb fuq il-mejda ta’ ħdejk, aqbad il-mowbajl u ċemplilhom jekk trid tgħidilhom xi ħaġa għax ma tistax tmur ħdejhom! X’differenza!

Safar

F’dan is-sajf żgur li rajna bidliet u differenzi kbar fil-pjanijiet tas-safar tagħna. Addio l-vjaġġ li tkun ilek tant xhur tixtieq twettaq, spiċċa l-long haul li ħlomt sewwasew wara l-aħħar vjaġġ tas-sena l-oħra! Tassew li l-ajruport jinsab miftuħ u min irid isiefer jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha, imma ħafna huma dawk li qed jibżgħu jagħmlu dan. U min ilumhom? Illum noħolmu u nfittxu fuq l-internet dwar pajjiżi li nixtiequ nżuru ladarba jgħaddi kollox. X’differenza, illum il-pajjiżi qed inżuruhom virtwalment, imma xorta ma huwiex il-mod xieraq li żżur pajjiż. Xejn ma jista’ jissupera il-preżenza fiżika.

Kemm bidliet kellna nagħmlu matul is-sena 2020. F’kull qasam tal-ħajja kellna nbiddlu xi ħaġa rridu jew ma rridux. Bidliet li kellna nwettqu forsi kontra r-rieda tagħna, bidliet li meta nitkellmu dwarhom ma’ xi ħadd nispiċċaw nindunaw bihom u bla ma rridu ngħidu: “X’differenza!”

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Settembru 2020




venerdì 12 giugno 2020

Sajf bla festi


Fost il-ħafna restrizzjonijiet li l-imxija tal-Covid 19 ġabet magħha hemm dik li attivitajiet tal-massa ma jistgħux isiru. Is-sajf Malti ma joffrix xi varjetà enormi ta’ attivitajiet fejn jingħaqdu numru kbir ta’ nies flimkien. Jekk taqta’ xi kunċert bħal dawk tal-Isle of MTV u ta’ Joseph Calleja fuq il-Fosos tal-Furjana u forsi l-fieri kummerċjali (trade fair), il-festi parrokkjali biss jibqa’ bħala attivitajiet li jattiraw eluf ta’ nies. L-attivitajiet l-oħrajn kollha huma relattivament żgħar fejn il-festi għax l-aktar l-aktar konna naraw xi barbeque bi ftit mijiet ta’ nies iżda dan in-numru ma huwa xejn fejn l-eluf li ġieli naraw f’xi marċ tas-Sibt jew il-Ħadd filgħodu jew fil-purċissjoni ta’ ċerti festi parrokkjali.


Bħal sajjetta fil-bnazzi
Din l-imxija waslet fuq id-dinja għal għarrieda. Ħadd minna qatt ma basar li xi ħaġa hekk kellna ngħaddu minnha, aħna l-bnedmin tat-tielet millenju, fejn il-mediċina għamlet passi ta’ ġgant il quddiem u fejn ix-xjenza tant kibret li kważi bdejna naħsbu li ħadd u xejn ma jista’ għalina. Iżda konna żbaljati. Dan il-virus ġie fuqna u sammarna, sallabna, mhux għax sabna fuq sieq waħda imma sabna bla saqajn. Daqsxejn ta’ virus u waqqaf lid-dinja kollha kemm hi. Daqsxejn ta’ virus u neħħielna l-pretenzjonijiet kollha li kellna.

Bħal sajjetta fil-bnazzi ħasad ukoll lill-organizzaturi tal-festi parrokkjali tagħna. Ħafna dilettanti tal-festi huma wkoll dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira u għalhekk ikollna ngħidlu li dawn laqqtuha doppjament għax id-delizzju li fuqu jaħsbu u jaħdmu s-sena kollha kellu jitwarrab minn fuq l-aġenda tagħhom.

Deċiżjonijiet tal-Kurja
Meta l-awtoritajiet ekkeżjatiċi Maltin raw x’kien ġej u fehmu l-gravità tas-sitwazzjoni, dlonk ħarġu struzzjonijiet biex jitwaqqaf il-quddies u ma jsirux festi parrokkjali. Issa billi ħafna restrizzjonijiet ġew imnaqqsa, id-dilettanti tal-festi bdew jagħmlu ħafna mistoqsijiet dwar jekk il-festi humiex ser isiru jew le. Biex tgħaxxaqha, il-Kurja ta’ Għawdex ħarġet direttivi u linji gwida kif għandhom jiġu ċċelebrati l-festi tal-parroċċi Għawdxin u l-Kurja Maltija ħarġet direttivi oħra li jorbtu l-festi parrokkjali ta’ Malta. Kienu ħafna li ma fehmux din il-ħaġa u għalfejn hemm differenza bejn id-direttivi.

Irridu nifhmu li fl-istat Malti nsibu żewġ djoċesijiet, l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex li magħha hemm ukoll il-gżira ta’ Kemmuna. Dawn huma żewġ djoċesijiet separati minkejja li flimkien jiffurmar il-Konferenza Episkopali Maltija. Kull djoċesi bħalma għandha l-isqof, il-katidral, il-kurja, it-tribunali u l-kumplament, għandha wkoll id-deċiżjonijiet tagħha li jistgħu jkunu differenti minn dawk ta’ djoċesijiet oħra anke fl-istess konferenza episkopali. Mela qegħdin ngħidu li d-djoċesi ta’ Għawdex hija awtonoma u għandha dritt toħroġ regoli differenti minn dawk li toħroġ l-Arċidjoċesi ta’ Malta.  Aħna billi ngħixu f’pajjiż ċkejken u għalina Malta u Għawdex u Kemmuna huma nazzjon wieħed ma tantx nifhmuha li jkollna differenzi bejnietna. Biex nagħti eżempju, l-Italja li hija pajjiż wieħed, fiha aktar minn mitejn djoċesi, kull waħda bl-isqof u l-katidral u l-kruja u l-kumplament, anke jekk imbagħad hemm Konferenza Episkopali waħda, li tissejja CEI.

Bla flus
Il-Malti jgħid li bla flus la tgħannaq u lanqas tbus u aħna nistgħu ngħidu li mhux ma tbusx biss imma ma tagħmel xejn mingħajrhom. Il-festi Maltin jinvolvu ammont kbir ta’ flus li kollha kemm huma jinġabru mill-organizzaturi matul is-sena. Il-flus jinġabru mill-attivitajiet li jsiru u għalhekk ladarba f’Marzu twaqqfu l-attivitajiet tal-massa, waqfu wkoll l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-festi. Mela anke kieku l-kurja ma waqqfitx il-festi xorta kien ser ikollna problemi kbar biex jitħallsu l-ispejjeż tal-festa.

Hawn naqsam magħkom ħsieb li għadda minn moħħi xi snin ilu. Qrajt kumment ta’ persuna li baqa’ ġewwa moħħi. Din il-persuna kitbet li dawk il-gabbani u stands oħrajn li jarmaw fil-festi għandhom jagħtu donazzjoni lill-Kunsill Lokali għax dan irid inaddaf warajhom. U jien għidt bejni u bejn ruħi: donazzjoni lill-Kunsill? Mela l-parroċċa li torganizza l-festa xi jmissha tieħu? Il-każin tal-banda li jirsisti s-sena kollha għall-fondi biex jagħmel ġimgħa festa jibqa’ b’xejn? Il-kumitat tal-festa li jħabbat bieb bieb biex jiġbor xi ħaġa għall-armar jibqa’ b’xejn? Tan-nar li jaħdmu u jiġbdu lejn ir-raħal jew belt tant nies Maltin u barranin biex jaraw xogħolhom ħaqqhom xi ħaġa? Jekk  dawn l-entitajiet u għaqdiet ma jorganizzawx huma l-festa il-kunsill xorta jrid inaddaf il-pjazza u t-toroq tar-raħal.

Dan huwa sajf differenti għal kulħadd, għal dawk id-dilettanti tal-festi kemm ta’ barra kif ukoll ta’ ġewwa kif ukoll għal dawk li ma humiex dilettanti. Min se jibki u min se jifraħ. Din hi d-dinja, rota, daqqa ’l fuq u daqqa ’l isfel. Biss dan huwa sajf li żgur se nkunu nistgħu nirriflettu dwar aspett importatni fis-sajf Malti; il-festi tagħna u n-nuqqas tagħhom. Se jkun l-istess is-sajf 2020?.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Ġunju 2020