venerdì 15 aprile 2022

Normalità

 

Issa li ilna aktar minn sentejn għaddejjin minn din il-pandemija, spiss qegħdin nnisimgħu minn jitkellem dwar il-fatt li resqin lejn in-normalità minkejja kollox. Tabilħaqq li l-agħar ħaġa li bniedem jista’ jagħmel f’ħajtu hu li jaqta’ qalbu, li jmewwet it-tama minn ġewwa fih. Għaddejna sentejn li għal bosta minna kienu l-agħar snin ta’ ħajjitna fejn konna msakkrin f’darna donna qegħdin fil-ħabs bla ħtija. Ma stajniex immorru fil-ħwienet li konna nifrekwentaw qabel, il-knejjes għalqu bwiebhom u konna mċaħħdin milli nżuru l-għeżież tagħna fl-isptarijiet u fid-djar tax-xjuħ. Waqfet kull attività, teatri xejn, sport kellna nikkuntentaw naraw dak li jwasslulna l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u kellna nwaqqfu l-festi titulari li tant huma popolari f’pajjiżna, l-aktar fix-xhur tas-sajf. Issa jidher li bil-mod il-ħajja qed terġa’ lura għal dak li kienet qabel ma faqqgħet din il-pandemija, fit-tarf tal-mina mudlama li għaddejna minnha qed jidher xaqq dawl, merżuq dawl ċkejken, biex dejjem ikabbar fina t-tama li għad nerġgħu ngħixu kif konna ftit aktar minn sentejn ilu. Imma kemm tabilħaqq din it-tama sejra ssir realtà? Kemm dan il-kliem li dalwaqt nerġgħu lura għal li konna ser iseħħ? Tgħidulix pessimist jew li nara n-naħa l-kerha biss, imma qagħadt ftit naħseb dwar l-effetti li din il-pandemija ser ħalli fuq kull wieħed u waħda minna.

Għal li konna

Aħna nistgħu nerġgħu nibdew ngħixu kif konna qabel Marzu tas-sena 2020, imma min ħalla din id-dinja b’kawża tal-covid żgur ma hemmx normalità għalih. Lanqas għall-qraba ta’ dawk li mietu fil-pandemija ma tista’ qatt tkun normalità assoluta. Għal dawk li minħabba li ħadu l-virus tal-covid, minkejja li ma kellhomx fatalità, iżda ser jibqgħu b’xi difett f’saħħithom, żgur ma tistax issemmilhom il-kelma “normalità” għax naħseb jibgħatukom issaqqi l-ħass tal-Marsa u jkollhom raġun. Għal dawk li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom wara tant snin minħabba l-pandemija ma tantx hemm normalità. U nistgħu nibqgħu sejrin insemmu litanija ta’ sitwazzjonijiet li ma tantx jistgħu jerġgħu lura għan-normal minkejja l-isforzi kollha li qed isiru.

Fil-knejjes

Jiena bħala saċerdot ma nistax ma ninnutax li minn wara li l-knejjes għalqu u reġgħu fetħu, in-numru ta’ nies li jattendu naqas drastikament. Il-kurja Maltija kienet qalet li dak li jkun jista’ jisma’ l-quddies minn fuq il-mezzi tax-xandir u din tgħodd xorta waħda. Din il-ħaġa tidher li ntogħġbot għax meta reġgħu nfetħu l-knejjes kien hemm min baqa’ jisma’ l-quddies id-dar. Imma ejjew inkunu sinċieri magħna nfusna: Jekk irridu normalità ma nistgħux nibqgħu d-dar, hemm bżonn inkunu preżenti fil-knisja.

Festi

Jidher li dan is-sajf ser nerġgħu nkunu nistgħu ngawdu l-festi tal-qaddisin patruni tal-irħula u l-ibliet tagħna. Il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir għandhom mnejn ikunu l-ewwel prova. Imma kemm ser ikollna normalità fil-festi? Nibda biex ngħid li biex torganizza festa trid eluf u eluf kbar ta’ ewro u dawn jinġabru permezz ta’ attivitajiet li jsiru. Bil-pandemija dawn l-attivitajiet kellhom jitwaqqfu u għalhekk ingħalaq kull sors ta’ dħul għall-organizzaturi tal-festi bħalma huma l-kumitati tal-armar, l-għaqdiet tan-nar u l-baned. U dan biex ma nsemmix il-Knisja għax wara kollox il-festi titualri ta’ pajjiżna torganizzahom il-Knisja minkejja li ftit li xejn tieħu l-prosit!

Problema oħra marbuta mal-festi hija l-bandisti. Billi ħafna bandisti kienu jqisu d-daqq fil-marċi bħala xogħol part time, bil-waqfien tal-festi matul il-pandemija dawn spiċċaw bla xogħol part time. Xi wħud minnhom sabu xogħol part time ieħor u llum qed isibuha bi tqila biex iħallu dan il-part time u jerġgħu jibdew idoqqu mal-banda. Min ilumhom? Jekk xejn il-part time jitħallas kull ġimgħa, ħmistax jew xahar filwaqt li ħafna drabi s-servizzi mogħtija lill-banda jitħallsu fi tmiem l-istaġun tal-festi jew meta jingħalqu l-kontijiet tas-soċjetajiet filarmoniċi. Dan il-fatt ġab il-problema li llum saret diffiċli ssib bandisti biżżejjed biex tgħaqqad banda sura ta’ nies. Min jaf meta jkun hawn ħafna festi f’daqqa, bħal ngħidu aħna nhar Santa Marija, x’ser isir? Għal min isib ruħu b’dawn il-problemi quddiemu u jipprova jsib soluzzjoni għalihom ma tantx tista’ tgħidlu li wasalna għan-normalità għax malajr jitla’ San Filep, ladarba qed insemu l-festi u l-qaddisin.

Hawn semmejt biss ftit aspetti fejn il-pandemija li ħakmet lid-dinja dawn l-aħħar snin sejra tħalli effett mhux mixtieq fuqna. Ilkoll nittamaw li xi darba jkollna n-normalità li kull jum tal-pandemija xxennaqna għaliha, ittamajna li ma ddumx ma tiġi, imma kemm tabilħaqq xi darba nkunu nistgħu ngħidu li erġajna qed ngħixu b’mod normali?

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 16 ta' April 2022




Nessun commento:

Posta un commento