Visualizzazione post con etichetta mose. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta mose. Mostra tutti i post

venerdì 29 ottobre 2021

Ċensiment

Bħalissa f’pajjiżna għaddej l-eżerċizzju li jissejjaħ “ċensiment”. Lill-abitanti ta’ kull dar Maltija ser isirulhom għadd ta’ mistoqsijiet. Bid-differenza ta’ ċensimenti oħrajn, din id-darba wieħed jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet online u b’hekk ma joqgħodx jistenna lil dik il-persuna taċ-ċensiment tiġi d-dar u fl-istess waqt jitnaqqas l-inkonvenjent kif ukoll l-ispejjeż.

Fis-sens l-aktar ċar u komuni, ċensiment jindika li tinkiseb informazzjoni dwar in-numru ta’ abitanti u dwar karatteristiċi differenti tal-popolazzjoni bħal, pereżempju, in-numru ta’ nies għal kull familja jew dwar assi jew ġid ieħor li għandhom kull wieħed minnhom. Din is-sena ċ-ċensiment ta’ Malta fost oħrajn qed jistaqsi wkoll dwar l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna u f’liema reliġjon jappartjeni.


Frak ta’ storja

It-terminu “ċensiment” ġej mil-Latin censere u jfisser li tevalwa. L-ewwel informazzjoni dwar stħarriġ tal-popolazzjoni tmur lura għal madwar is-sena 3800 qabel Kristu meta s-Sumeri wettqu investigazzjonijiet kbar biex ikunu jafu sewwa n-numru ta’ rġiel u l-ġid li kienu jippossedu. L-informazzjoni miksuba kienet utli b’mod speċjali f’każ ta’ gwerra jew ġuħ. Nafu dwar ċensimenti mwettqa miċ-ċiviltajiet tal-Mesopotamja, mill-Eġizzjani, kif ukoll mill-Griegi, iċ-Ċiniżi u l-poplu Lhudi.

Minkejja li l-Bibbja ma hijiex ktieb ta’ storja, xorta waħda titfa’ dawl fuq il-ħajja ta’ dawk li għexu eluf ta’ snin ilu. Insibu li Mosè kien għamel ċensiment. Sewwasew fil-bidu tal-Ktieb tan-Numri nsibu hekk: “Għoddu l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael skont il-familji u d-djar ta’ missirijietkom, u għoddu l-irġiel kollha, wieħed wieħed, b’isimhom, minn għoxrin sena ’l fuq, ’il dawk kollha fost Iżrael tajbin għall-gwerra. Tgħodduhom qatgħa qatgħa, int u Aron.” [Num:1: 2-3] Ċensimenti oħra li nsibu fit-Testment il-Qadim huma dawk imwettqa waqt li l-Lhud kienu jinsabu fuq il-pjanuri ta’ Mowab: “Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Elgħażar, bin Aron il-qassis, u qalilhom: “Għoddu l-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael minn għoxrin sena 'l fuq skont id-djar ta’ missirijiethom; għoddu lil dawk kollha tajbin għall-gwerra f'Iżrael.” [Num:26: 1-2]. Is-Sultan David ukoll għamel ċensiment li nsibuh imniżżel kemm fit-tieni ktieb ta’ Samwel kif ukoll fl-ewwel ktieb tal-Kronaki: “U s-sultan qal lil Ġowab u 'l-kmandanti tal-eżerċtu li kienu miegħu: <Morru duru mat-tribujiet kollha ta’ Iżrael, minn Dan sa Birsaba, u għoddu l-poplu, biex jien inkun naf l-għadd tal-poplu.>” [2Sam:24:2] L-istess għamel Salamun bin is-Sultan David: “U Salamun għadd l-irġiel kollha barranin li kien hemm jgħixu f’Iżrael, skont iċ-ċensiment li kien għamel missieru David, u sab li kienu mija u tlieta u ħamsin elf u sitt mitt wieħed.” [2Kron:2:16]

Żmien ir-Rumani

F’Ruma tal-qedem, iċ-ċensimenti kienu jsiru sa mill-aħħar tas-sitt seklu qabel Kristu u minbarra l-għarfien tal-kobor tal-popolazzjoni taħt l-Imperu kienu jservu wkoll biex jevalwaw il-klassi soċjali li jappartjenu għaliha n-nies, ir-rwol fl-organizzazzjoni militari jew politika u ovvjament l-ammont ta’ taxxi li kellhom jinġabru.

Hawn ser nerġgħu nsemmu l-Bibbja. L-Evanġelju jsemmu li Marija li kienet għarusa ta’ Ġużeppi l-Mastrudaxxa, marret Betlem biex tinkiteb hemm minħabba ċ-ċensiment: “F'dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta' Nazaret, u tala' l-Lhudija, fil-belt ta' David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta' David - biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.” [Lq:2: 1- 5]

Dan kien wieħed biss miċ-ċensimenti li saru mill-Imperu Ruman. Iċ-ċensiment kien sar prattika regolari ta’ kull għadd ta’ snin.

Żmienna

Ejjew  inħallu żmien ir-Rumani u naraw ftit żminijietna. L-akbar ċensiment li qatt sar fid-dinja kien dak li seħħ fiċ-Ċina fis-sena 1982. Dan kien it-tielet ċensiment li kien sar fuq skala daqstant kbira f’dak il-pajjiż imma kien ukoll l-aktar wieħed organizzat sewwa. Ngħidu biss li kien hemm aktar minn sitt miljun persuna tiġbor l-informazzjoni. Wara dan saru oħrajn fis-snin 2000 u fl-2010.

Il-Ġnus Magħquda tħeġġeġ li kull nazzjon għandu jwettaq eżerċizzju ta’ ċensiment darba kull għaxar snin. Pajjiżna bejn wieħed u ieħor jimxi ma’ din il-prassi. Pajjiżna ilu snin twal jagħmel ċensimenti. Nafu li fl-1240 kien sar wieħed għax Abate Giliberto jsemmi li f’Malta u Għawdex kien hawn madwar elf u mitt familja. Fi żmien li l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kien imexxi lil pajjiżna, saru għadd ta’ ċensimenti. Il-mekkaniżmu ta’ ċensiment modern beda jitħaddem f’pajjiżna fl-1842. Dik is-sena kien sar ċensiment li ħareġ iċ-ċifra ta’ 114,499 ruħ li jgħixu Malta u Għawdex. Minn dik is-sena baqgħu jsiru regolari bejn wieħed u ieħor kull għaxar snin ħlief fis-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija. L-aħħar ċensiment li sar f’pajjiżna kien fl-2011 li kien ta n-numru ta’ 417,432 persuna li jgħixu fil-gzżejjer Maltin

Illum erġajna wasalna għal dan l-eżerċizzju. Nistennew u naraw kemm tibdil sar minn għaxar snin ilu ’l hawn.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Ottubru 2021




venerdì 28 ottobre 2016

L-isem

Tiegħek, imma aktar jużah ħaddieħor milli tużah int, u minkejja li hu tiegħek, ma kontx inti li għażiltu. L-isem huwa l-ewwel ħaġa li bniedem jippossedi, mat-twelid, jekk mhux ukoll qabel, il-ġenituri jagħżlu isem għall-wild għaliex l-isem huwa l-ewwel sens ta’ identità tal-bniedem. Iżda l-isem mhux xi ħaġa marbuta biss mal-bniedem. Kull oġġett, kull annimal, kull ħaġa maħluqa għandha isem. Id-differenza hi li l-bniedem għandu isem partikoli tiegħu u annimal jew oġġett għandu isem komuni li jidentifika r-razza jew in-natura tal-oġġett. Meta annimal ikun domestikat jingħata isem ukoll. Hekk jiġri lill-klieb,lill-qtates u liż-żwiemel u lil kull annimal ieħor li jispiċċa jgħix f’ xi dar jew f’ xi post qrib il-bniedem. Fid-dinja, anzi fl-univers, kollox għandu isem, il-pjaneta, il-pajjiż, ir-raħal, it-triq kif ukoll id-dar u kull ħlejqa ta’ ġewwa d-dar.

L-importanza tal-isem
Fil-Bibbja nsibu r-rakkont ta’ Mosè meta kien ordnat biex joħroġ lill-poplu Lhudi mill-eżilju tal-Eġittu. F’ dan ir-rakkont naraw kemm Mose insista li jkun jaf l-isem ta’ Alla. Ara sew x’ naqraw fl-Eżodu: Mosè reġa' wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: 'Alla ta' missirijietkom bagħatni għandkom,' u huma jistaqsuni, 'X'jismu?' Jiena xi ngħidilhom?” [Eż:3:13] Hawnhekk naraw kemm hu importanti l-isem. Kieku Mose mar lura quddiem il-poplu tiegħu bla ma kien jaf isem min kellmu kienu jgħadduh b’ miġnun.

Hu għalhekk li mat-twelid jingħatalna isem għaliex l-isem, flimkien man-numru tal-identità, jagħmluna uniċi, jagħmluna persuna u mhux sempliċiment annimal li jirraġuna.

Il-laqam
Meta nlissmu din il-kelma aktarx li f’ moħħna dlonk nassaċjawha ma’ disprezz. Iżda dan ma hu veru xejn. Il-laqam huwa wkoll isem li xi ħadd jintagħaraf bih. Sa ftit snin ilu kull familja kellha l-laqam tagħha u għad hawn irħula li l-laqmijiet tal-familja għadhom użati aktar mill-kunjom. Qed ngħid irħula, iżda anke fil-Belt Valletta l-laqam tal-familja għadu jintuża ħafna.

F’ċerti postijiet f’ Malta, meta tibda titkellem ma’ xi ħadd għall-ewwel darba dlonk isaqsik “Minn ta’ min int?” jew “Ta’ min jgħidulkom?” Żgur li dan ma jsirx b’ disprezz iżda biex dak li jkun jara jekk jafx il-familja tiegħek. Darba wieħed xiħ kien qalli li fir-raħal tiegħu kulħadd bil-laqam hu magħruf. Jien kont staqsejtu x’ jiġri jekk familja ma jkolliex laqam. Hu dlonk weġibni li kieku dik il-familja tibda tissejjaħ “Ta’ bla laqam!”

Kittieb Malti li f’ kitbietu dejjem uża l-laqmijiet tal-familja huwa Kilin. Kemm joħroġ isbaħ il-karattru tal-istorja li jkun qed jikteb meta juża l-laqmijiet. U dan żgur qatt ma għamlu b’ disprezz għax kieku ma kienx ser jiddisprezza lilu nnifsu għax anke għalih stess ġieli rrefera bħala Kilin ta’ Anġla tal-Moqli!

In-nies tal-irħula tagħna wkoll għandhom il-laqmijiet: Tal-Faħam, Tar-Rix, Tat-Toqba, Ta’ Baħarhom, Tal-warrani ċatt, Tar-Redus, Tal-Midjunin, Tas-Sikkina jew Sa nofsinhar Irġiel. Hawn l-istorja tinbidel u dawn il-laqmijiet aktarx jingħadu bi ġbid tas-saqajn.

L-aktar komuni
Intant nerġħgu lejn l-ismijiet. Skont sħarriġ li sar fl-Ingliterra, l-aktar isem popolari fid-dinja kollha huwa Muhammed. Dam huwa l-isem ta’ madwar 150 miljun raġel madwar id-dinja. L-istess studju jgħid li l-aktar isem femminili popolari huwa Sofia. Illum spiċċat id-drawwa li l-ulied jissemmew għan-nanniet, iż-żijiet jew għall-qaddis jew qaddisa tar-raħal. Madanakollu jidhirli li l-ismijiet bibliċi jew ta’ xi qaddis jew qaddisa reġgħu deħlin moda. F’ Malta skont l-uffiċċju tal-istatistika, fl-2013 kif ukoll fl-2014, l-aktar ismijiet li ingħataw kienu Luke u Elena, żewġ ismijiet ta’ qaddisin. Fl-istess snin, fl-Ingilterra l-aktar popolari kienu Oliver u Amelia filwaqt li fl-Italja kienu Francesco u Sofia.

Halli ngħidu xi ħaġa dwar xi ismijiet li jingħataw lit-tfal. Il-ġenituri għandhom iżommu f’ moħħhom li binhom jew binthom mhux ser jibqgħu dejjem trabi, imma l-isem li jagħtuhom sejjer jibqa’ magħhom għal dejjem, għalhekk għandhom jaraw li jkun isem li ma jpoġġihomx f’ sitwazzjonijiet imbarazzanti meta jikbru. Ġieli smajna b’ ismijiet mhux tas-soltu li jkunu jixirqu lil tarbija ċkejkna iżda ma nimmaġinax raġel jew mara b’ dak l-isem.

Ismijiet ta’ artisti  jew plejers ukoll huma komuni mal-ġenituri, imma hawn ukoll wieħed irid joqgħod attent, mhux kollox jgħodd! Min jaf ’il quddiem x’ jgħidu dawn l-individwi, ikunux kuntenti b’isimhom?  Tabilħaqq li hemm proċess biex wieħed jibdel ismu, iżda din l-anqas hija ħaġa komuni.

Onomastiku
Meta kont ngħix l-Italja iltqajt ma’ avveniment li Malta m’aħniex imdorrija bih. Dan huwa l-onomastiku, il-jum tal-festa tal-qaddis ta’ isem dak li jkun. Fin-Nofsinhar tal-Italja jiċċelebrawh aktar minn jum għeluq is-snin. Ħafna jgħidu li jippreferu l-onomastiku milli jum it-twelid għax ħadd ma jistaqsik kemm-il sena għandek. Jien li ma kontx niċċelebra dan il-jum, għażluli t-3 ta’ Jannar biex nibda’ niċċelebrah. Ħasra li fl-Italja dak il-jum ikunu għadhom fl-aqwa tal-festi  – għax hemmhekk sas-6 ta’ Jannar jibqgħu sejrin il-festi tal-Milied! Minn fost il-barranin, bħali, hemm min ma kellux onomastiku għaliex ismu ma setgħu jabbinawh mal-ebda qaddis, allura kellu jibqa’ b’ xejn!

What’s in a name? jgħidu l-Ingliżi – x’ hemm f’ isem? Hemm ħafna, hemm stejjer, hemm tifkiriet, hemm fuq kollox identità.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 29 ta' Ottubru 2016