venerdì 28 ottobre 2016

L-isem

Tiegħek, imma aktar jużah ħaddieħor milli tużah int, u minkejja li hu tiegħek, ma kontx inti li għażiltu. L-isem huwa l-ewwel ħaġa li bniedem jippossedi, mat-twelid, jekk mhux ukoll qabel, il-ġenituri jagħżlu isem għall-wild għaliex l-isem huwa l-ewwel sens ta’ identità tal-bniedem. Iżda l-isem mhux xi ħaġa marbuta biss mal-bniedem. Kull oġġett, kull annimal, kull ħaġa maħluqa għandha isem. Id-differenza hi li l-bniedem għandu isem partikoli tiegħu u annimal jew oġġett għandu isem komuni li jidentifika r-razza jew in-natura tal-oġġett. Meta annimal ikun domestikat jingħata isem ukoll. Hekk jiġri lill-klieb,lill-qtates u liż-żwiemel u lil kull annimal ieħor li jispiċċa jgħix f’ xi dar jew f’ xi post qrib il-bniedem. Fid-dinja, anzi fl-univers, kollox għandu isem, il-pjaneta, il-pajjiż, ir-raħal, it-triq kif ukoll id-dar u kull ħlejqa ta’ ġewwa d-dar.

L-importanza tal-isem
Fil-Bibbja nsibu r-rakkont ta’ Mosè meta kien ordnat biex joħroġ lill-poplu Lhudi mill-eżilju tal-Eġittu. F’ dan ir-rakkont naraw kemm Mose insista li jkun jaf l-isem ta’ Alla. Ara sew x’ naqraw fl-Eżodu: Mosè reġa' wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: 'Alla ta' missirijietkom bagħatni għandkom,' u huma jistaqsuni, 'X'jismu?' Jiena xi ngħidilhom?” [Eż:3:13] Hawnhekk naraw kemm hu importanti l-isem. Kieku Mose mar lura quddiem il-poplu tiegħu bla ma kien jaf isem min kellmu kienu jgħadduh b’ miġnun.

Hu għalhekk li mat-twelid jingħatalna isem għaliex l-isem, flimkien man-numru tal-identità, jagħmluna uniċi, jagħmluna persuna u mhux sempliċiment annimal li jirraġuna.

Il-laqam
Meta nlissmu din il-kelma aktarx li f’ moħħna dlonk nassaċjawha ma’ disprezz. Iżda dan ma hu veru xejn. Il-laqam huwa wkoll isem li xi ħadd jintagħaraf bih. Sa ftit snin ilu kull familja kellha l-laqam tagħha u għad hawn irħula li l-laqmijiet tal-familja għadhom użati aktar mill-kunjom. Qed ngħid irħula, iżda anke fil-Belt Valletta l-laqam tal-familja għadu jintuża ħafna.

F’ċerti postijiet f’ Malta, meta tibda titkellem ma’ xi ħadd għall-ewwel darba dlonk isaqsik “Minn ta’ min int?” jew “Ta’ min jgħidulkom?” Żgur li dan ma jsirx b’ disprezz iżda biex dak li jkun jara jekk jafx il-familja tiegħek. Darba wieħed xiħ kien qalli li fir-raħal tiegħu kulħadd bil-laqam hu magħruf. Jien kont staqsejtu x’ jiġri jekk familja ma jkolliex laqam. Hu dlonk weġibni li kieku dik il-familja tibda tissejjaħ “Ta’ bla laqam!”

Kittieb Malti li f’ kitbietu dejjem uża l-laqmijiet tal-familja huwa Kilin. Kemm joħroġ isbaħ il-karattru tal-istorja li jkun qed jikteb meta juża l-laqmijiet. U dan żgur qatt ma għamlu b’ disprezz għax kieku ma kienx ser jiddisprezza lilu nnifsu għax anke għalih stess ġieli rrefera bħala Kilin ta’ Anġla tal-Moqli!

In-nies tal-irħula tagħna wkoll għandhom il-laqmijiet: Tal-Faħam, Tar-Rix, Tat-Toqba, Ta’ Baħarhom, Tal-warrani ċatt, Tar-Redus, Tal-Midjunin, Tas-Sikkina jew Sa nofsinhar Irġiel. Hawn l-istorja tinbidel u dawn il-laqmijiet aktarx jingħadu bi ġbid tas-saqajn.

L-aktar komuni
Intant nerġħgu lejn l-ismijiet. Skont sħarriġ li sar fl-Ingliterra, l-aktar isem popolari fid-dinja kollha huwa Muhammed. Dam huwa l-isem ta’ madwar 150 miljun raġel madwar id-dinja. L-istess studju jgħid li l-aktar isem femminili popolari huwa Sofia. Illum spiċċat id-drawwa li l-ulied jissemmew għan-nanniet, iż-żijiet jew għall-qaddis jew qaddisa tar-raħal. Madanakollu jidhirli li l-ismijiet bibliċi jew ta’ xi qaddis jew qaddisa reġgħu deħlin moda. F’ Malta skont l-uffiċċju tal-istatistika, fl-2013 kif ukoll fl-2014, l-aktar ismijiet li ingħataw kienu Luke u Elena, żewġ ismijiet ta’ qaddisin. Fl-istess snin, fl-Ingilterra l-aktar popolari kienu Oliver u Amelia filwaqt li fl-Italja kienu Francesco u Sofia.

Halli ngħidu xi ħaġa dwar xi ismijiet li jingħataw lit-tfal. Il-ġenituri għandhom iżommu f’ moħħhom li binhom jew binthom mhux ser jibqgħu dejjem trabi, imma l-isem li jagħtuhom sejjer jibqa’ magħhom għal dejjem, għalhekk għandhom jaraw li jkun isem li ma jpoġġihomx f’ sitwazzjonijiet imbarazzanti meta jikbru. Ġieli smajna b’ ismijiet mhux tas-soltu li jkunu jixirqu lil tarbija ċkejkna iżda ma nimmaġinax raġel jew mara b’ dak l-isem.

Ismijiet ta’ artisti  jew plejers ukoll huma komuni mal-ġenituri, imma hawn ukoll wieħed irid joqgħod attent, mhux kollox jgħodd! Min jaf ’il quddiem x’ jgħidu dawn l-individwi, ikunux kuntenti b’isimhom?  Tabilħaqq li hemm proċess biex wieħed jibdel ismu, iżda din l-anqas hija ħaġa komuni.

Onomastiku
Meta kont ngħix l-Italja iltqajt ma’ avveniment li Malta m’aħniex imdorrija bih. Dan huwa l-onomastiku, il-jum tal-festa tal-qaddis ta’ isem dak li jkun. Fin-Nofsinhar tal-Italja jiċċelebrawh aktar minn jum għeluq is-snin. Ħafna jgħidu li jippreferu l-onomastiku milli jum it-twelid għax ħadd ma jistaqsik kemm-il sena għandek. Jien li ma kontx niċċelebra dan il-jum, għażluli t-3 ta’ Jannar biex nibda’ niċċelebrah. Ħasra li fl-Italja dak il-jum ikunu għadhom fl-aqwa tal-festi  – għax hemmhekk sas-6 ta’ Jannar jibqgħu sejrin il-festi tal-Milied! Minn fost il-barranin, bħali, hemm min ma kellux onomastiku għaliex ismu ma setgħu jabbinawh mal-ebda qaddis, allura kellu jibqa’ b’ xejn!

What’s in a name? jgħidu l-Ingliżi – x’ hemm f’ isem? Hemm ħafna, hemm stejjer, hemm tifkiriet, hemm fuq kollox identità.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 29 ta' Ottubru 2016






Nessun commento:

Posta un commento