L-ewwel parti
Waħda mill-eqdem
parroċċi f’ pajjiżna hija dik Qormija iddedikata lil San Ġorġ Martri. F’ din
il-parroċċa, bħal f’ bosta parroċċi oħrajn, insibu xi rabtiet indiretti
mal-qaddis fqajjar ta’ Assisi jew ma’ xi fergħa tal-Ordni tiegħu. Ejjew naraw
x’inhuma dawn ir-rabtiet.
Żmien il-fratellanzi
Purċissjoni ta’ Corpus fil-bidu tas-seklu XX. Jidhru t-Terzjarji Franġiskani quddiem il-baldakkin |
Meta f’ Malta ma
kienx għad hawn servizzi soċjali, fi ħdan il-Knisja nibtu għaqdiet biex ikunu
ta’ sostenn u għajnuna lill-ħaddiema ta’ bosta snajja. Dawn huma il-fratellanzi
li llum ftit għadna naraw attività minnhom. Bosta mietu għal kollox wara li
tilfu l-għan tagħhom, xi oħrajn baqgħu weqfin. Fil-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’
Ħal Qormi llum insibu ħames fratellanzi: Tas-Sagrament imwaqqfa fl-1575,
tal-Madonna tar-Rużarju, imwaqqfa fis-sena 1601, tal-Madonna taċ-Ċintura li
tissemma f’ dokument tal-1747 iżda mwaqqfa qabel, ta’ San Mikiel imwaqqfa fl-1739
u ta’ San Ġużepp li ma nafux sewwa meta twaqqfet iżda aktarx li hija l-aħħar
waħda minn dawn il-ħamsa. Fl-1833 twaqqaf it-Terz’ Ordni Franġiskan ġewwa din
il-parroċċa. Din ma kinitx eżattament fratellanza iżda lajċi mseħbin f’ dan
l-Ordni. Meta l-membri ta’ dan l-ordni kienu jieħdu sehem f’ xi okkażjoni
liturġika, bħal ngħidu aħna xi purċissjoni, kienu jilbsu ċ-ċoqqa Franġiskana.
It-Terz’ Ordni Franġiskan intemm minn din il-parroċċa fis-snin sittin tas-seklu
li għadda. Kontra tal-fratellanzi, l-Ordni ma kellux l-istandard iżda bandalora
rrakkmat a bl-arma tiegħu. Wieħed ikun jista’ jara din il-bandalora armata
fil-festa ta’ San Ġorġ fl-aħħar Ħadd ta’ Ġunju.
Statwa
L-istatwa
ta’ San Franġisk f’ Ħal Qormi armata fil-knisja fl-2015 |
L-istatwa ta’ San Franġisk f’ Ħal Qormi armata fil-knisja fl-1926 |
Din l-istatwa
tal-kartapesta turi lill-qaddis Franġisku bejn żewġ anġli. L-anġli donnhom
qegħdin iwasslu lill-qaddis fil-glorja tas-sema, li dan jidher b’ ħarstu
kemxejn merfugħa ’l fuq. San Franġisk
jidher stigmat u qiegħed fuq l-isħab. Mal-isħab jidher puttin ċkejken. Fuq
il-pedestall ta’ din l-istatwa tidher l-arma tal-ordni Franġiskan. Fis-sena 1926
il-familja Franġiskana kienet qegħda tfakkar is-700 sena mill-mewt tal-qaddis
fundatur tagħha. It-Terz’ Ordni ta’ Ħal Qormi wkoll kien fakkar din l-okkażjoni
u għal din il-festa l-istatwa kienet intramat wara l-artal maġġur taħt
pavaljun.
L-istatwa
armata fil-knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta |
Kwadru antik
Il-kwadru li nsibu fil-mużew tal-parroċċa |
Fil-mużew
tal-parroċċa nsibu kwadru antik ta’ San Franġisk. Skont l-istoriku Joseph F.
Grima, fil-ktieb tiegħu “Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Ħal Qormi – Erba’
sekli ta’ storja” dan il-kwadru kien taħt il-kwadru tal-artal tal-Gandlora u
tneħħa meta tpoġġiet in-niċċa tal-korp sant ta’ San Massmu li għadna nsibu fuq
l-artal tal-Gandlora. Il-kwadru aktarx tpoġġa fuq l-artal għall-ħabta tas-sena
1733. Dik is-sena ċertu Francesco Farrugia waqqaf fondazzjoni b’ att notarili
biex tibda ssir il-festa ta’ San Franġisk, allura wieħed jassumi li kien hemm
diġa dan il-kwadru. Il-kwadru juri lil San Franġisk jirċievi l-pjagi. Jidher
ukoll anġlu ħdejn il-qaddis. L-anġlu
jidher b’ idu fuq qalb il-qaddis u id il-qaddis fuq id l-anġlu. Mhux
magħruf l-artist ta’ dan il-kwadru iżda xi wħud jattribwuh lil Francesco Zahra,
imma minkejja li huwa kwadru ta’ livell għoli, il-kritiċi tal-arti jsostnu li
ma huwiex tal-livell ta’ Zahra. L-għadam ta’ San Massmu kien inġieb
mill-katakombi ta’ Ruma għall-ħabta tas-sena 1785. Kien propjetà ta’ Indri
Psaila li fl-1802 irregalah lill-Knisja. Allura nistgħu nikkonkludu li kien
għall-bidu tas-seklu XIX li l-kwadru ta’
San Franġisk ħalla postu mill-knisja.
Dawn huma ftit
mir-rabtiet li hemm bejn San Franġisk u l-parroċċa ta’ San Ġorġ, xi rabtiet
oħrajn nitkellmu dwarhom fil-ħarġa li jmiss.
Jissokta . . . .
Dan l-artiklu deher fir-rivista DF - Dawl Franġiskan, Ottubru 2016
Nessun commento:
Posta un commento