Kien hemm żmien
li dak li jkun biex juri li huwa ta’ ċertu livell soċjali kien jilbes
l-ingravata. Kien hemm żmien li l-irġiel ma kinux jitħallew jidħlu l-qorti
mingħajr ingravata. Kien hemm żmien meta l-għalliema, il-ħaddiema tal-banek,
it-tobba, in-nutara, l-avukati u l-professjonisti kollha kienu jilbsu
l-ingravata. Xogħolhom hekk kien jitlob. L-ingravata kienet tintlibes min-nies
komuni f’xi okkażjoni speċjali, xi tieġ tal-familja jew xi preċett jew griżma
ta’ xi ħadd mill-ulied. L-ingravata kienet parti mill-uniformi tal-iskola
għas-subien u ġieli anke għall-bniet. Jekk bniedem komuni kien ikun liebes
il-ġlekk u l-ingravata f’jiem mhux ta’ xi okkażjoni kien ikun hemm min jaħseb
li għandu jidher il-qorti u kien hemm min iwaqqa’ għaċ-ċajt lil min jilbes
l-ingravata mhux għal xi okkażjoni. Spiss kienu jgħidu lil dak li jkun: “Qisek
ħadt porga!” Illum l-istorja nbiddlet, l-ilbies tal-ingravata naqas minn dawk
ta’ jitqiesu tal-alta soċjetà kif ukoll mill-professjonisti. L-ilbies casual
sar komuni fuq kulħadd u aċċettat minn kulħadd u kullimkien.
Imma qatt ħsibtu
kif oriġinat din l-imbierka ngravata?
|
Suldat Ruman b'faxxa ma' għonqu |
Nistgħu ngħidu li
l-ewwel tip ta’ ingravata kienet tintlibes mill-membri tal-leġujni fl-armata
tal-Imperu Ruman. Din kienet tkun faxxa tad-drapp ta’ diversi lwien li kienet
tintrabat madwar l-għonq tal-leġjunarji u biha kienu jgħattu mniffsejhom meta
jkun ir-riħ. Din kienet isservi biex jipproteġu mniffsejhom mit-trab l-aktar
f’artijiet xotti fejn l-għabra qatt ma kienet tkun nieqsa u spiss kienet
tikkawża xi infezzjoni fil-grieżmejn tal-leġjuni Rumani.
L-ingravata kif
nafuha llum nistgħu ngħidu li taf il-bidu tagħha lill-gwerra tat-tletin sena li
seħħet bejn l-1618 u l-1848. Din il-gwerra kienet twila u mifruxa mal-Ewropa.
Suldati Kroati kienu qed jaqdu l-missjoni militari tagħhom fi Franza.
Fl-uniformi tagħhom dawn is-suldati kellhom maktur imdawwar madwar għonqhom
marbut b’għoqda fuq quddiem. Din il-ħaġa ġibdet l-attenzjoni tal-Pariġini. Dak
il-maktur beda jissejjaħ mill-poplu ta’ Pariġi bħala “Crovat”,
korruzzjoni tal-kelma “Kroat”. Minn hawn twieldet il-kelma Franċiża “cravate”
kif tissejjaħ l-ingravata f’dan l-ilsien.
Is-Sultan ta’
Franza, Luwiġi XIV għoġbitu din il-moda, biex ngħidu hekk u beda jilbes “cravate”
tal-biżżilla madwar għonqu madwar is-sena 1646, meta l-gwerra li semmejna
kienet għadha lanqas intemmet u meta hu kien għad kellu biss seba’ snin. Din
il-ħaġa nxerdet u saret moda mal-aristokrazija u n-nobbli ta’ Franza kollha.
Minn hawn il-moda ta’ faxxa drapp madar l-għonq infirxet mal-alta soċjetà tal-Ewropa
kollha u bdejna naraw ingravajjet ta’ stili u materjali differetni. Issa
l-ingravata saret simbolu ta’ klassi. Tajjeb ngħidu li dak iż-żmien l-ingravata
ma kinitx tintlibes biss min-nobbli rġiel imma anke minn dawk nisa, ovvjament
dawk li kienu jilbsu n-nisa kellhom disinn differenti minn dawk li kienu jxiddu żwieġhom. Meta qed
insemmu l-ingravata tas-seklu XVII ma rridux nimmaġinaw l-ingravajjet tal-lum.
Dawn kienu jieħdu ħin twil biex jintibsu
u jiġu jidhru sbieħ.
Tipi
Il-mixja minn dak
il-maktur madwar għonq is-suldati Kroati sal-ingravata tal-lum rat bosta
tibdiliet u mudelli. Illum naraw ingravajjet lesti, kemm wieħed jixtri u
jilbes. Ingravata normalment tista’ tkun jew ta’ lewn wieħed, tista’ tkun
irrigata, tista’ tkun bit-tikek jew inkella tista’ tkun b’xi disinji fuqha.
Normalment dawn huma l-erba’ tipi ta’ ingravajjet li nsibu, biss nistgħu nsibu
xi ħaġa oħra wkoll.
L-ingravata ta’ lewn iswed ġeneralment turi li dak li jilbisha jkun għaddej
minn żmien ta’ luttu, ingravata bir-riġi ħafna drabi hija parti minn xi
uniformi aktarx ta’ xi skola jew xi għaqda jew regiment. Il-moda tidħol ukoll
fl-ingravata. Ġieli tkun moda ngravata dejqa u ġieli tkun moda waħda wiesgħa.
Alla ħares ma jkun hekk għax kieku dak li jkun ma jixtrix! Ingravata jista’
jkollha fuqha xi arma ta’ xi għoqda jew każin. Illum bosta jħobbu jirrakkmaw
l-arma tal-għaqda. Fost l-aktar komuni f’pajjiżna nsibu l-għaqdiet tal-banda li
jkollhom ingravajjet bil-lewn li jxejru u l-arma tal-każin irrakkmata fuqha.
Kurżitajiet
|
L-aktar ingravata għalja fid-dinja |
Aħna l-Maltin
ngħidu li skont li tħallas tiekol u dan il-qawl jgħodd ukoll fejn tidħol
l-ingravata. Tassew li wieħed jista’ jixtri waħda bi prezzijiet raġjonevoli,
imma hemm ukoll dak li jiswew fuq li jiswew. L-akar ingravata għalja fid-dinja
tiswa $220,000, Sewwa qrajt, sewwa qrajt! Mitejn u għoxrin elf Dollaru
Amerikan. Nistħajlek tistaqsi għafejn din l-ingravata tiswa tant! Hija ngravata
li fiha 150 gramma deheb u 271 djamant. Minn issa ’l quddiem żgur li ma tgħidux
aktar li n-nisa biss huma vanitużi!
Ta’ kull sena
tiġi ċċelebrata l-ġurnata ddedikata lill-ingravata. Dan il-jum beda
mill-Kroazja, sewwasew minn fejn bdiet l-ingravata tal-lum u bosta pajjiżi
madwar id-dinja jiċċelebrawh. Bla dubju l-aktar li jiċċelebrawh huwa
fil-Kroazja u fi Franza. Dan ikun kull 18 ta’ Ottubru.
Tiskanta din
in-naqra ta’ faxxa drapp imsejħa ngravata kemm hemm storja warajha!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Ottubru 2021
Nessun commento:
Posta un commento