Visualizzazione post con etichetta Danimarka. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Danimarka. Mostra tutti i post

sabato 7 febbraio 2026

L-akbar gżira

Dawn l-aħħar ġimgħat fuq l-aħbarijiet bdejna nisimgħu bil-gżira bl-isem ta’ Greenland. Nemmen li ħafna minna semgħu b’din l-art imma minħabba d-distanza li teżisti bejn il-gżira u artna, ftit li xejn ikollna tagħrif dwarha. Mhux l-għan tiegħi li nidħol fil-merti tal-ġrajjiet u l-aħbarijiet li qed nisimgħu imma biss xi tagħrif dwar dan il-pajjiż.

Wara li Greenland saret kolonja Daniża fl-1721, ġiet kostituzzjonalizzata bħala art Daniża fl-1953. Kisbet id-dritt ta’ gvern lokali fl-1979  u sar gvern awtonomu fl-2009, li ppermettielha timmaniġġja r-riżorsi tagħha stess u tieħu passi lejn l-indipendenza. Sal-lum dan il-pajjiż għadu mhux indipendenti.

Xi tagħrif

Greenland hija l-akbar gżira fid-dinja, li ma hijiex kontinent, b’kobor ta’ aktar minn żewġ miljun kilometru kwadru. Hija territorju awtonomu ġewwa r-Renju tad-Danimarka, gżira li tinsab bejn l-oċeani Artiku u Atlantiku. Madwar 80% tal-art tagħha hija mgħottija b'ammonti kbar ta' silġ. Hija aktar minn darbtejn id-daqs tat-tieni l-akbar gżira fid-dinja li hja New Guinea. Minkejja dan il-kobor ta’ pajjiż, il-popolazzjoni hija waħda żgħira. Fil-fatt dan huwa wieħed postijiet bl-inqas b'popolazzjoni densa fid-dinja, b'madwar 57,000 resident. Biex nifhmu ftit kemm huma ftit ir-residenti ta’ Greenland, ngħid li matul is-sajf, f’San Pawl il-Baħar ikun hemm nies aktar milli hemm residenti f’din l-akbar gżira tad-dinja.

Qiegħed nirreferi għal Greenland bħala l-akbar gżira fid-dinja. Sewwasew l-Awstralja fiha kważi erba’ darbiet daqs Greenland, u hija gżira wkoll, iżda billi din hija kontinent, Greenland hija meqjusa bħala l-akbar gżira tad-dinja.

Bandiera

Il-bandiera ta’ din l-art kienet iddisinjata mill-politiku Greenlandiż Thue Christiansen. Din fiha żewġ strixxi orizzontali ta’ daqs ugwali b’dik ta' fuq ta’ lewn abjad u l-istrixxa ta’ isfel kulur aħmar. Fuq din il-bandiera hemm ċirku bl-ilwien abjad u aħmar imma l-ilwien jalternaw mal-ilwien tal-isfond tal-bandiera. Dan iċ-ċirku ma nsibuhx fin-nofs tal-bandiera imma kemmxejn lejn in-naħa tal-arblu. L-isem lokali għal din il-bandiera bil-lingwa Greenlandiża huwa Erfalasorput, li sewwasew tfisser “il-bandiera tagħna".

L-ewwel darba li n-nies ta’ Greenland bdew jaħsbu dwar bandiera tagħha stess kien fl-1973 meta ħames residenti pproponew bandiera ħadra, bajda u blu. Is-sena ta' wara, ġurnal lokali kien ħabbar ħdax-il proposta ta' disinn għal bandiera nazzjonali u għamel stħarriġ fost il-qarrejja biex jiddeterminaw l-iktar waħda popolari. Ta’ min jgħid li għaxra minn dawn il-ħdax-il disinn kellhom fuqhom is-Salib Nordiku (jew is-salib Skandinav), jiġifieri bħalma nsibu fuq il-bnadar tad-Danimarka, l-Iżvezja, il-Fillandja, Iceland, Faroe Island u xi oħrajn. Dan is-salib jgħaqqad lil dawn il-popli storikament u kulturalment u jagħtihom ukoll identità. Il-kumitat deċiżiv ma setax jasal għal kunsens, għalhekk ġew mitluba aktar proposti. Fl-aħħar, id-disinn attwali aħmar u abjad minn Thue Christiansen rebaħ bi ftit voti fuq is-salib Nordiku aħdar u abjad, Il-bandiera ħamra u bajda ta' Christiansen ġiet adottata uffiċjalment bħala l-bandiera nazzjonai fil-21 ta' Ġunju 1985. Tajjeb ngħidu li dak li ddisinja din il-bandiera kien politiku kif ukoll artist. Fil-fatt bejn l-1979 u l-1983 huwa kien il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Kultura ta’ Greenland.

Belt kapitali

Nuuk hija l-belt kapitali ta’ din il-gżira. Din il-belt hija ċ-ċentru tal-attivitajiet fil-gżira kif ukoll il-post minn fejn il-gvern imexxi. Hawn joqgħodu ftit aktar minn 20,000 ruħ, allura nistgħu ngħidu li joqgħodu aktar minn terz tal-popolazzjoni kollha ta’ Greenland. L-inħawi kienu abitati sa mill-era tal-Vikingi, fis-seklu X, li mbagħad għaddew għand id-Daniżi. Il-belt twaqqfet bl-isem ta’ Godthåb fit-29 ta' Awwissu 1728 mill-Missjunarju u esploratur Daniż-Norveġiż Claus Paars. Il-Campus tal-Università ta' Greenland, li fih ukoll l-Istitut tal-Istatistika, u l-binjiet prinċipali tal-Librerija Pubblika Nazzjonali ta' Greenland jinsabu fit-tramuntana ta' Nuuk. Il-Mużew li fih ukoll l-Arkivji Nazzjonali ta' Greenland, huwa wieħed mill-aqwa mużewijiet fi Greenland kollha u jinsab eżatt fil-port storiku ta’ Nuuk. Fil-belt ukoll hemm il-mużew tal-arti li fih numru ta’ opri artistiċi lokali. Nuuk ukoll hemm ajruport.

It-temp

Ma nistgħux nitkellmu fuq dan il-pajjiż bla ma nsemmu t-temp. It-temp fi Greenland ivarja b'mod drastiku skont ir-reġjun, mill-kosta tan-nofsinhar li joffru temp aktar ħanin sal-parti interna li hija estremament iffriżata. Greenland għandha żewġ staġuni prinċipali: xitwa twila u kiesħa, bejn Ottubru u April u sajf qasir u kiesaħ bejn Ġunju u Awwissu. It-temperatura tista’ tinżel sa 60 grad taħt iz-zero fl-eqqel tax-xitwa filwaqt li f’jiem sajfin it-temperatura rari titla’ aktar minn 20 grad. Dan huwa t-temp fuq din il-gżira enormi. Minħabba l-kobor ta’ din il-gżira, it-temperatura tvarja minn parti għal oħra tal-pajjiż, biss hu x’inhu, dan huwa pajjiż b’temp kiesaħ ħafna.

Hemm ħafna aktar xi tgħid dwar dan il-pajjiż, l-aktar dwar il-pożizzjoni geo-politika tiegħu, imma jien illimitajt ruħi għal xi tagħrif ġenerali biss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Frar 2026



venerdì 9 giugno 2017

Il-bandiera

Bandiera ma hija xejn għajr biċċa drapp aktarx rettangulari li ħafna drabi tkun tperper ma’ arblu. Din hija l-bandiera – biċċa drapp, iżda s-sinifikat tagħha huwa kbir ħafna.

Frak ta’ storja
Minkejja li l-bandiera hija xi ħaġa antika ħafna l-użu tagħna kif nafuh illum mhux antik wisq. Il-leġjuni tal-armata tal-Imperu Ruman kien ikollhom biċċa drapp b’ arma fuqha, bħal ajkla jew dragun, simbolu tal-leġjun. Dawn kienu jittajjru bħalma aħna ntajru tajra (dik li hawn min isejjaħ ħamiema jew manuċċa), biss din lanqas nistgħu ngħidlu li kienet sewasew bandiera. Kienu l-kruċjati li taw bidu għall-bnadar bl-użu li nafu llum. Dawn kienu jġorru biċċa drapp ikkulurita b’ salib fuqha. Din kienet tindika minn fejn ikunu s-suldati. Fil-Medju evu bdew jidhru bnadar bl-arem tal-familja li kienu jitwaħħlu ma’ lasta biex jindikaw it-territorju ta’ xi nobbli. Fil-bidu tas-seklu XVII daħlet id-drawwa li x-xwieni jġorru bandiera li turi minn liema pajjiż ikun  dak ix-xini. Aktar tard din il-ħaġa saret obbligu u dawk il-bnadar kienu l-antenati tal-bandar nazzjonali.

Il-bandar bdew jintużaw ukoll għall-messaġġi. Qabel ma nħolqot it-tekonoloġija moderna, messaġġ kien seta’ jitwassal permezz ta’ bnadar. Inħoloq l-alfabett semaforiku li permezz ta’ żewġt ibnadar u l-pożizzjoni tal-idejn, dak li jkun jista’ jibgħat messaġġ lil ħaddieħor li jkun qed jarah mill-bogħod.

L-użu tal-bandiera lil hinn mill-ambjent militari jew marittimu beda lejn tmiem is-seklu XVIII meta beda jikber in-nazzjonaliżmu. Daħlet id-drawwa li kull stat sovran ikollu bandiera tiegħu. Biss dan ma jfissirx li qabel dan iż-żmien ma kinux jeżistu bnadar nazzjonali. Aktarx li l-ewwel bandiera nazzjonali hija dik tad-Danimarka. Il-bandiera bi sfond aħmar b’ salib abjad fuqha bdiet tintuza fl-1478 u għadha tintuża sal-lum. Din il-bandiera, bil-forma tagħha, kienet omm il-bnadar fl-Iskandinavja u pajjiżi Nordiċi oħrajn. Fuq il-mudell tagħha nħolqu l-bnadar tal-Isvezja, tan-Norveġja, tal-Finlandja, ta’ Iceland, ta’ Shetland u ta’ Orkney.

Mudell popolari ta’ bandar huma dawk bi tliet kuluri, it-trikolor. Dawn insibu minnhom kemm bl-istrixxi mindudin bħal dik ta’ Spanja kif ukoll weqfin bħal dik Taljana. L-aktar trikolor antik huwa dak Olandiż. Aktarx li kien mogħti minn Karlu Manju fis-seklu IX.

Bajda u ħamra
Aħna l-Maltin għandha t-tradizzjoni li tgħid li l-bandiera tagħna ngħatat lilna mill-Konti Ruġġieru fl-1091. Li nafu fi żgur hu li sa mill-qedem l-ilwien abjad u aħmar kienu l-ilwien marbuta ma’ artna. Il-George Cross żdied mal-bandiera Maltija wara li dan ingħata lil Malta fl-1942. Dan kien tpoġġa fuq il-bandiera f’ rokna ta’ fuq in-naħa tal-arblu. Kellu sfond kwadru ikħal taħtu. FL-1964 mal-kisba tal-Indipendenza, dan il-kwadru ikħal tneħħa u l-bandiera Maltija saret dik li nafuha llum.

Malta għandha bnadara oħra, bħal dik navali. Dih hija ħamra bis-salib tal-Kavallieri abjad f’ nofsha. Bandiera Maltija oħra hija dik tal-President tar-Repubblika. Din turi l-arma ta’ Malta fin-nofs fuq sfond ikħal b’ erba’ slaleb ta’ Malta lewn id-deheb fil-ponot tal-bandiera. Din bdiet tintuża fl-1988.

Dil-biċċa drapp!
Tabilħaqq li hija biċċa drapp imma llum hija s-simbolu tan-nazzjon sovran. Kull nazzjon jissielet biex il-bandiera tiegħu tkun tidher tperper fuq il-bini ċivili tiegħu għax din turi sovrantià u dinjità.

Bandiera hija wkoll simbolu ta’ ferħ. Għadna kemm għaddejna minn kampanja elettorali. Kemm rajna bnadar tal-partiti fil-meetings - mijiet ta’ bandar tal-partiti u bnadar Maltin jixxejru. Għax il-bandiera tagħtik ukoll identità. Niftakar meta sar il-konklavi li fih intgħażel il-papa Franġisku jien kont Ruma, qrib ħafna tal-Vatikan. Segwejt dik il-grajja minn Pjazza San Pietru. Kont ħadt il-bandiera ta’ Malta li kelli fil-kamra tiegħi u waħħaltha mal-umbrella u mat-tħabbira tal-għażla tal-Papa xejjirtha ma’ mjiiet ta’ bnadar oħra. Ghax bandiera turi wkoll is-sentimenti li nkunu qed inħossu.

Bandiera turi wkoll in-niket. B’ sens ta’ luttu l-bnadar jittajru mezz’ asta, ma jittellgħux sa fuq nett tal-arblu iżda jibqgħu sa nofsu. B’ dan il-mod jittajru l-bnadar fil-Ġimgħa l-Kbira u f’ Sibt il-Għid jew f’ jiem ta’ luttu nazzjonali. Dan huwa l-mod kif permezz ta’ bandiera nuru n-niket tagħna.

Il-bandiera tista’ wkoll tintuża bħala offiża. Dawn il-każi jseħħu meta bandiera ta’ xi nazzjon jew istituzzjoni tinħaraq, issir l-awrina jew ħmieġ uman fuqha, titqatta’ tiġi garatha l-ġebel jew jiġu sparati tiri lejha. Dawn l-atti kollha huma insulti lejn il-bandiera li tirrappreżenta nazzjon. Hemm xi postijiet fid-dinja li ħaġa bħal din hija meqjusa bħala att gravi u hija llegali biss hemm pajjiżi oħrajn li mhux illegali twettaq din il-ħaġa. Hi x’inhi hija dejjem offiża.

Forma u lewn
Ħafna drabi l-bandiera hija rettangolari b’ ratio ta’ 2:3, iżda mhux il-bnadar kollha għandhom din il-forma. Il-bnadar tal-Iżvizzera u tal-Vatikan huma kwadri anke jekk bosta drabi narawhom rettangolari bħall-oħrajn. Dik tan-Nepal għandha forma ta’ żewġ triangli fuq xulxin.

Fejn jidħlu lwien, l-aktar komuni fil-bandar huma l-aħmar, l-abjad u l-ikħal. Għal xi żmien kien hemm bandiera b’ lewn wieħed, dik tal-Libja sakemm saret ir-revoluzzjoni tal-2011. Illum l-aktar bandiera nazzjonali li fiha lwien hija dik tal-Afrika ta’ Isfel. Fiha nsibu l-iswed, l-isfar, l-aħdar, l-abjad, l-aħmar u l-ikħal.

Tiskanta kemm daqxejn ta’ ċaruta tista’ jkollha stejjer warajha!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 10 ta' Ġunju 2017




sabato 13 agosto 2016

Pont jew mina

Dan l-aħħar kelli bżonn naqsam minn Malta għal Għawdex u sakemm kont qiegħed fuq il-vapur bdejt naħseb dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li kieku l-gżejjer Maltin kellhom ikunu magħqudin flimkien permezz ta’ pont jew ta’ mina taħt il-baħar.

Għalija nofs siegħa vapur fl-eqqel tas-sajf ftit tibdilli mill-programm ta’ ħajti. Dan kien l-ewwel vjaġġ tiegħi bejn iż-żewġ gżejjer f’ din is-sena. Iżda dak l-individwu li dan il-vjaġġ ikun irid jagħmlu kuljum ma nagħtihx tort li jaħsibha mod ieħor minni. Għalih nofs siegħa baħar filgħodu u nofs siegħa oħra filgħaxija, tal-inqas ħames darbiet fil-ġimgħa żgur ma hijiex xi ħaġa ta’ pjaċir.

Nemmen li kemm-il darba kellu jinstab mezz biex Għawdex jingħaqad ma’ Malta, l-ekonomija tal-gżira tat-tliet għoljiet tbati, u tbati ħafna għaliex dak li jkun ma jibqax’ jikri flat jew dar ġewwa Għawdex biex jitla’ hemm għal tmiem il-ġimgħa. B’ pont jew mina min ikun jixtieq imur sa Għawdex jaqbad u jmur u jerġa’ lura lejn daru x’ ħin irid bla ma jgħaddi l-lejl hemmhekk. U jekk jibda jsir hekk xi jsir minnhom l-eluf ta’ flats u djar li hemm jinkrew lill-Maltin?

Ftit jiem wara dan il-vjaġġ tiegħi lejn Għawdex, kelli nuża żewġ strutturi li fakkruni f’ dak li kont ħsibt dwaru fuq il-bastiment bl-isem “Ta’ Pinu”.

Minn Malmö għal Copenhagen
Bejn il-belt Żvediża ta’ Malmö u l-belt kapitali tad-Danimarka, Copenhagen hemm faxxa baħar ta’ madwar 12-il kilometru. Dan il-fliegu jissejjaħ Øresund u fuqu llum insibu struttura verament interessanti. Hemmhekk wieħed jista’ jaqsam minn art għal oħra permezz ta’ pont u mina. Jekk wieħed jitlaq minn Malmö jibda b’ pont ta’ 8 kilometri sal- gżira Peberholm u jkompli l-aħħar 4 kilometri minn mina taħt il-baħar. Jekk dak li jkun jibda minn Copenhagen ovvjament it-triq issir bil-kontra.

øresund 
Il-gżira Paberholm hija waħda artifiċjali li nbniet bil-blat li nqata’ biex saret il-mina ta’ taħt il-baħar. Din il-gżira ċkejkna tinsab qrib il-gżira naturali ta’ Saltholm. Hawnhekk bla ma rrid nerġa niftakar f’ Għawdex. Bejn is-snin 1979 u 1995 kellna vapur li jaħdem bejn Malta u Għawdex bl-isem ta’ “Mġarr”. Dan kien vapur li nbena ġewwa d-Danimarka fl-1967 li l-isem oriġinali tiegħu kien “Saltholm”, sewwasew bħal isem din il-gżira, isem li jfisser “Ġżira tal-melħ”.

L-istess bħal każ ta’ bejn Malta u Għawdex, din l-istruttura kienet ilha maħsubha imma kien hemm bosta nuqqas ta’ qbil. Intant ix-xogħol inbeda fl-1995 u kien lest sal-1999. Ix-xogħol ittardja xi ftit minħabba li fil-qiegħ tal-baħar kienu nstabu 16-il bomba tat-Tieni Gwerra Dinjija mhux sploduti. Fl-14 ta’ Awwissu, 1999, il-Prinċep Frederik, l-eredi tat-tron tad-Danimarka u l-Prinċipessa Victoria, l-erdi tat-tron Żvediż, iltaqgħu fuq dan il-pont-mina sabiex jiċċelebraw it-tmiem tax-xogħol fuq din l-istruttura. Il-ftuħ uffiċjali sar fl-1 ta’ Lulju tas-sena 2000 mir-Reġina Margerita II tad-Danimarka u r-Re Karlu XVI Gustav tal-Iżvezja. Is-sena l-oħra użaw dan il-pont-mina aktar minn 7 miljun vettura. Fl-istruttura hemm ukoll linja tal-ferrovija. Meta tgħodd in-numru ta’ persuni li jaqsmu minn art għal oħra, kemm bil-karozzi kif ukoll bil-ferrovija, n-numru jlaħħaq għal madwar 40 miljun ruħ fis-sena.

Mina twila
Lærdal 
Ladarba qed insemmi l-Iskandinavja nibqgħu fl-istess ambjent u nsemmu l-itwal mina għall-karozzi li teżisti fid-dinja. Din tinsab ġewwa n-Norveġja u ġġib l-isem ta’ Lærdal. Din il-mina bdiet tinbena fl-1995 u nfetħet fis-sena 2000. Hija twila 24 kilometru u nofs. Meta kont għaddej minn din il-mina żammejt il-ħin: 21 minuta! Jekk tkun tbati bil-klastorfowbja, jew l-għeluq jaqtagħlek nifsek,  21 minuta tista’ tarahom eternità. Biss biex titnaqqas din il-problema, l-arkitetti ħasbu biex kull 6 kilometri jagħmlu fetħa mdawla. F’ dawn il-fetħiet hemm dawl ikħal fuq u dawl ħamrani fil-baxx. Meta tarahom jagħtuk l-impressjoni li qed tara tlugħ ix-xemx u għalhekk jaqtgħu ftit mill-monotonija ta’ ġewwa l-mina.

Din hija l-itwal mina li minnha jgħaddu l-karozzi għax l-itwal mina li teżisti hija dik li ġġib l-isem ta’ Gotthard Base Tunnel li fetħet fl-1 ta’ Ġunju ta’ din is-sena u sejra tibda taħdem f’ Diċembru ta’ din is-senma wkoll. Din hija mina twila ftit aktar minn 57 kilometru u tinsab ġewwa l-Iżvizzera, biss din il-mina ma hijiex għall-karozzi iżda għall-ferrovija biss.

Lura Malta
Nerġgħu lura lejn pajjiżna. Nifhem u nagħder lil dawk l-Għawdxin li pont jew mina jaħjihom, jagħmilhom ħajjithom aktar faċli, imma mill-banda l-oħra tajjeb naraw x’ impatt negattiv, kemm ekonomiku, soċjali u ambjentali, jista’ jkollha struttura li tgħaqqad liż-żewġ gżejjer prinċipali tagħna. Personalment nemmen li b’ pont jew mina Għawdex ma jibqax dak li huwa llum, jitlef ħafna mill-faxxinu tiegħu, jitlef l-identità tiegħu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 13 ta' Awwissu 2016