Visualizzazione post con etichetta kurja rumana. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta kurja rumana. Mostra tutti i post

sabato 21 settembre 2024

Arkivju Sigriet tal-Vatikan

 

Mhux darba jew tnejn nisimgħu bl-arkivju msejjaħ “sigriet” li jinsab fil-Belt-Stat tal-Vatikan u spiss nisimgħu eseġerazzjonijiet dwaru, li fih hekk uj li fih hekk. Saħansitra darba qrajt li fih hemm maġna taż-żmien, li tieħdok lura fis-snin! Dawn huma kollha fantasiji u ħmerijiet. L-arkivju sigriet tal-Vatikan huwa dak il-post fejn hemm merfugħin l-atti u d-dokumenti tas-Santa Sede li għandhom x’jaqsmu mal-gvern u l-attività pastorali tal-Papa u tal-uffiċċji li għandhom x’ jaqsmu mas-Santa Sede.

 X’sigrieti fih?

Il-kelma sigriet ma għandiex tittieħed fis-sens ta’ xi ħaġa li ħadd ma jaf biha. Fil-fatt din il-kelma ġejja mill-kelma Latina medjevali  “secretum” li tfisser privat jew personali. Huwa post fejn jinżammu dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-Knisja Kattolika. Dan l-arkivju kien mibdi minn Papa Pawlu V (1605 – 1621). Il-Papa Urbani VIII (1623 – 1644) żied ma’ dan l-arkivju għadd ta’ reġistri u kotba li kienu jagħmlu parti mill-Kamra Appostolika. Il-Kamra Appostoilika kienet tieħu ħsieb il-finanzi tal-Istati Pontifiċji. Billi bejn l-1309 u l-1377 il-Papa ma kienx Ruma imma Avignon fi Franza, ħafna minn dawn ir-reġistri kienu għadhom hemmhekk. Fi żmien il-Papa Alessandru VII (1655 – 1667) il-korrispondenza tas-segreterija tal-Istat tal-Papa bdiet titpoġġa f’dan l-arkivju wkoll.

 Għal min qiegħed?

L-arkivju tal-Vatikan iservi qabel xejn għall-Papa u għall-Kurja Romana, jiġifieri għas-Santa Sede, imma fl-1881 dan infetaħ biex l-istudjużi jkunu jistgħu jikkonsultawh u b’hekk sar ċentru ta’ riċerka mill-aktar importanti fid-dinja. Hawn diġà bdejna nwaqqgħu l-argumenti li jgħidu li ħadd ma jaf x’hemm moħbi f’dan l-arkivju. Ovvjament ma tistax taqbad u tidħol sempliċiment beix taqta’ l-kurżità, imma min ikollu permess, għal skopijiet ta’ riċerka, ikollu aċċess għal dan il-post li tant iqanqal kurżità.

 Skola

Marbuta mal-arkivju hemm l-iskola Arkivistika imwaqqfa minn Papa Ljun XIII (1878 – 1903) fl-1 ta’ Mejju 1884. Minbarra s-sengħa ta’ kif wieħed iżomm arkivju, din l-iskola tispeċjaliżża wkoll fil-Paleografija, jew aħjar l-istorja tal-kitba u d-Diplomatika, jew aħjar is-sengħa li jintgħaraf dokument awtentiku minn wieħed li jkun kopja. Kors f’din l-iskola jdum sentejn imma jsiru korsijiet iqsar li jitrattaw dixxiplina waħda biss.

 X’fih sewwa?

Intant l-arkivju nistgħu naqsmu f’ sitt taqsimiet:

1.    1   It-taqsima li tiġbor dokumenti marbutin mal-Kurja Rumana, is-segretarju tal-Istat tal-Vatikan, it-tribunal u tal-kummissjonijiet anke dawk li llum ma għadhomx jeżistu.

2.     It-taqsima li tirrigwarda r-rapreżentatni tal-Papa. Hawn insibu korrispondenza tan- Nunzjaturi mal-pajjiżi.

3.    3   It-Taqsima li għandha x’ taqsam ma’ arkivji ta’ familji jew ta’ persuni privati. F’din it-taqsima nsibu arkivji sħaħ ta’ familji u persuni nobbli.

4.     It-taqsima li tirrigwarda l-Konċilji. Hawn insibu d-dokumentazzjoni kollha tat-tliet konċilji ekumenici tal-Knisja Kattolika, dak ta’ Trento (1545 – 1563), il-Vatikan 1 (1869 – 1870) u l-Vatikan II (1962 – 1965). Hawn insibu wkoll dokumenti ta’ konċilji medjevali kif ukoll sinodi lokali.

5.      5 It-taqsima li għandha x’ taqsam ma’ ordnijiet reliġjużi, monasteri, abaziji u fratellanzi. Din hija l-parti l-iktar storika.

6.      6 It-taqsima li tiġbor fiha il-kumplament

 X’kobor fih?

Jingħad li f’dan l-arkivju hemm erbgħa u tmenin (84) kilometru ta’ xkafef li fuqhom hemm impoġġijin wieħed ħdejn l-ieħor, 35,000 volum. Minħabba li l-materjal dejjem jiżdied kellu jiżdied l-ispażju tal-arkivju wkoll u għalhekk fl-1980 żdied spażju billi saru kmamar taħt l-art. Mhux kulħadd jista’ jidħol jagħmel użu minn dan l-arkivju imma dawk l-istudjużi kwalifikati jistgħu japplikaw għall-permess tad-dħul u jekk dak li jkun verament ikollu skop ta’ riċerka u studja, il-permess jingħatalu. Ma jistax imur xi ħadd li ma għandu l-ebda kwalifika fir-riċerka u jitlob il-permess u jistenna li jingħatalu. Immaħina kieku jista’ jidħol kulħadd x’folla jkun hemm u kemm ħsara tista’ ssir!

 Qedem

L-aktar dokumenti antiki f’dan l-arkivju jmorru lura sa tmiem is-seklu VIII. Minn żmien il-Papa Innoċenz III (1198 – 1216) il-korrispondenza bdiet tinżamm kollha u b’mod organizzat kif għandha tkun u għalhekk fl-arkivju nsejjaħ “Sigriet!” tal-Papa,  id-dokumenti ta’ qabel dan iż-żmien huma skarsi. Fost id-dokumenti interessanti li nsibu hemm ittri ta’ Michelangelo (1475 – 1564) kif ukoll il-korrispondenza tar-Re Enriku VIII tal-Ingliterrra (1491 – 1547) fejn fl-1527 jitlob l-annullament taż-żwieġ tiegħu minn ma’ Katarina ta’ Aragona.

 Illum

L-era teknoloġika u diġitali li qed jgħid fiha l-bniedem tal-lum biddlet ukoll il-mod kif wieħed jikkonsulta dan l-arkivju. Illum numru sostanzjali ta’ dokumenti jinsabu wkoll f’forma diġitali. Dan minbarra li jgħin lir-riċerkatur, għax ma jkollux għalfejn imur Ruma, imma jinqeda permezz tal-internet, jgħin ukoll fil-konservazzjoni tal-arkivju għax b’hekk ma jintmissx il-volum li tkun qed issir riċerka fuqu bl-idejn.

Dan huwa s-sigriet ta’ dan il-post li min jaf kemm qanqal fantasija fl-imħuħ!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Settembru 2024


 

domenica 2 agosto 2020

Il-Papat f’Avignon


Fl-istorja tal-Knisja Kattolika nsibu perjodi ta’ taqlib u taħwid, perjodi fejn kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn dawk li jmexxu għax wara kollox din hija istituzzjoni magħmula mill-bnedmin u fejn ikun hemm il-bniedem tistenna li xi darba jew oħra jkun hemm xi nuqqas ta’ qbil. Wieħed minn dawn il-perjodi huwa dak meta l-papa ġie meħud mill-belt ta’ Ruma għal ġewwa l-belt Franċiża ta’ Avignon. Dan seħħ bejn is-snin 1309 u l-1377. Ġieli nirreferu għal dan il-perjodu bħala l-Papat ta’ Avignon jew inkellla il-Kattività ta’ Avignon, iżda din il-kelma aktarx tpinġilna ġo moħħna xi forma ta’ jasar li fil-verità ma kienx jieżisti.

Forsi jkun hawn min jgħid: X’differenza tagħmel jekk il-Knisja Kattolika titmexxa minn Ruma jew minn xi post ieħor? Tabilħaqq li l-Knisja tista’ titmexxa minn kull belt, iżda rridu niftakru li l-papa, il-mexxej tal-Knisja, huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma u għalhekk id-djoċesi ta’ Ruma ma tistax titmexxa minn isqof li jkun jgħix madwar elf kilometru bogħod minnha. Anke llum, żmien ta’ teknoloġija u informatika, ma tkunx ħaġa prattika aħseb u ara seba’ mitt sena ilu.

Avignon
Il-Papazz tal-papa f'Avignon
Il-belt ta’ Avignon tinsab fir-reġjun ta’ Provenza fi Franza. Dan ir-reġjun jinstab fix-Xlokk tal-pajjiż max-xatt tal-Baħar Mediterran. Din ix-xaqliba tal-pajjiż kienet abitata minn qabel żmien ir-Rumani, fil-fatt l-isem ġej mill-Grieg u biż-żmien sar dak li nużaw illum: Avignon. Bħall-bliet antiki kollha, din inbniet qrib tal-ilma. Avignon hija mibnija fuq ix-xatt tax-xmara Rhone. Għal xi żmien din il-belt kienet tagħmel parti mill-Istat tal-Papa. Kien il-Papa Klement VI li xtara l-belt mingħand ir-Reġina Ġovanna I ta’ Napli. Din ġiet meħuda minn idejn il-Knisja fl-1791. Ir-Revoluzzjoni Franċiża ħakmet lil din il-belt u seħbitha mar-Repubblika ta’ Franza. Illum bosta jżuru Avignon biex jaraw minn fejt tmexxiet il-Knisja għal madwar sebgħin sena, u mhux għalhekk biss, hemm x’wieħed jara wkoll, imma l-palazz tal-papa, minkejja li huwa vojt, huwa l-attrazzjoni prinċipali tal-post.

Trasferiment
Il-fatt li l-papat kien trasferit minn Ruma għal franza beda meta kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Papa Bonifaċju VIII u r-Re ta’ Franza Filippu IV, imlaqqam is-sabiħ. Fl-1296 il-papa kien ħareġ Bolla bl-isem “Clericis laicos” fejn il-kleru ma kellux iħallas taxxi lill-istat mingħajr permess tal-papa. Ir-Re Filippu xejn ma ħa gost b’din il-ħaġa u ma tax kaz tal-Bolla papali. Bonifaċju ħareġ Bolla oħra, “Ausculta Fili” fl-1301. Din kienet tafferma il-poteri terreni tal-papa. Il-lotta bejn ir-re u l-papa kompliet u jkollna ngħidu li kien hemm xi partijiet fi ħdan il-knisja li qablet mar-re. Fl-1302 Bonifaċju ħareġ it-tielet Bolla: “Unam Sanctam” fejn iddikjara l-poter tal-papa, kemm dak spiritwali kif ukoll temporali, fuq id-dinja kollha. Fl-aħħar il-papa ċeda u ħalla l-kleru Franċiż iħallas it-taxxa lir-re. Dan ried Filippu, u għalhekk impona s-setgħa tiegħu fuq l-isqfijiet. It-tilwim bejn Filippu u Bonifaċju reġa’ beda. Ir-Re akkuża lill-papa b’ħafna akkużi u bagħat nies armati biex jarrestawh. Il-papa kien jinsab f’Anagni, mhux wisq bogħod minn Ruma. Il-pjan falla, iżda l-papa miet ftit ġimgħat wara. Il-konklavi għażlu lil Niccolò Bocassino bħala papa ġdid li ħa l-isem ta’ Benedettu XI. Dan għamel ħiltu biex dan il-ġlied jieqaf iżda wara ħdax-il xahar kellu jsir konklavi ieħor għax il-papa miet. Warajh intgħażel il-Franċiż Klement V. Fl-1309 dan mexxa l-kurja Rumana, u allura t-tmexxija tal-Knisja Universali, għal Avignon għax qal li Ruma ma kienx hemm sigurtà. Wara kważi tlettax-il mitt sena, Ruma tilfet ir-rwol tagħha bħala l-kapitali tal-Kristjaneżmu.

Seba’ papiet
Matul dawn is-snin, il-Knisja kattolika kellha seba’ papiet imexxuha. Klement V miet fl-20 ta’ April 1314. Wara aktar minn sentejn intgħażel il-Franċiż, Ġwanni XXII, li miet fl-1334. Is-suċċessur tiegħu ġie magħżul ftit jiem wara. Issa l-Knisja kellha l-Franċiż Benedettu XII, li miet fl-1342. Ftit ġimgħat wara reġa’ ntgħażel Franċiż ieħor li ħa l-isem ta’ Klement VI, li mexxa l-Knisja għal għaxar snin. Wara mewtu tela’ fuq it-tron ta’ Pietru Innoċenz VI, li wkoll kien Franċiż. Dan mexxa l-Knisja għal għaxar snin oħra. Bejn l-1362 u l-1370 l-Knisja tmexxiet mill-Franċiż Urbanu V. Il-Papa Gregorju XI, Franċiż bħal dawk kollha ta’ qablu li mexxew minn Avignon, kien l-aħħar papa li mexxa minn din il-belt. Fl-1377 dan ġarr il-Kurja Rumana lejn Ruma. Huwa miet is-sena ta’ wara. Dan ma jfisirx li l-inkwiet kien intemm, imma l-Kattività ta’ Avignon kienet intemmet.

Mara soda
Ma nistgħux insemmu dan il-perjodu tal-istorja tal-Kniajsa bla ma nsemmu lil Santa Katerina ta’ Siena. Din kienet skandalizzata bil-mod ta’ ħajja li kien hemm f’Avignon u baqghet tinsisti li l-papa jmur lura f’daru, Ruma.

Dawn kienu snin ta’ taqlib fil-Knisja, snin li jagħmlu parti interessanti fl-Istorja tal-Knisja Kattolika.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Awwissu 2020